LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w02 3/1 pp. 5-7
  • Għala Għabet Dik id-Dinja tal-Qedem?

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Għala Għabet Dik id-Dinja tal-Qedem?
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2002
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Ċivilizzazzjoni Żviluppata
  • X’Mar Ħażin?
  • X’Sinifikat Għalina?
  • Id-​Dinja li Ġejja
  • Tikber l-Urġenza biex Noqogħdu Għassa
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2003
  • Tikkundanna Int lid-Dinja Permezz tal-Fidi Tiegħek?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1990
  • Dilluvju Jeqred Dinja—Se Jerġaʼ Jiġri Hekk?
    Tgħallem mill-Għalliem il-Kbir
  • Aħna Se Nimxu f’Isem Ġeħova Alla Tagħna
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2005
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2002
w02 3/1 pp. 5-7

Għala Għabet Dik id-​Dinja tal-​Qedem?

ID-​DILLUVJU globali ma kienx diżastru naturali, imma ġudizzju mingħand Alla. Twissija ngħatat, imma kważi kulħadd injoraha. Għala? Ġesù spjega: “Fiż-​żmien taʼ qabel id-​dilluvju [in-nies] kienu jieklu u jixorbu, jiżżewwġu u jżewwġu sa dakinhar li Noè daħal fl-​arka, u b’xejn ma ntebħu [“ma tawx kas,” “NW”] sa ma wasal id-​dilluvju u ġarr lil kulħadd.”—Korsiv tagħna; Mattew 24:​38, 39.

Ċivilizzazzjoni Żviluppata

F’ċerti aspetti, iċ-​ċivilizzazzjoni taʼ qabel id-​Dilluvju gawdiet vantaġġi li llum aħna m’għandniex. Per eżempju, il-​bnedmin kollha kienu jitkellmu lingwa waħda. (Ġenesi 11:1) Dan kien jgħin ħafna biex isiru kisbiet fl-​arti u x-​xjenza li jirrikjedu l-​isforz kollettiv taʼ ħafna nies b’kapaċitajiet differenti. Ukoll, l-​għomor twil li gawdiet il-​biċċa l-​kbira min-​nies f’dak iż-​żmien kien ifisser li huma setgħu jkomplu jibnu fuq dak li kienu tgħallmu matul is-​sekli.

Xi wħud isostnu li l-​għomor tal-​bniedem ma kienx tassew twil daqshekk dak iż-​żmien u li s-​snin imsemmijin fil-​Bibbja fil-​fatt kienu xhur. Huwa minnu dan? Sewwa, ikkunsidra l-​każ taʼ Maħlalel. Il-​Bibbja tgħid: “Maħlalel kellu ħamsa u sittin sena meta wiled lil Ġared. . . . U kienu l-​jiem kollha li għex Maħlalel tmien mija u ħamsa u disgħin sena; u mbagħad miet.” (Ġenesi 5:​15-17) Jekk sena tfisser xahar, allura Maħlalel wiled lil ibnu meta kellu biss ħames snin! Impossibbli! In-​nies dak iż-​żmien kienu eqreb lejn il-​vitalità perfetta taʼ l-​ewwel bniedem, Adam. Huma tassew għexu għal sekli sħaħ. X’wettqu?

Ħafna sekli qabel id-​Dilluvju, il-​popolazzjoni tad-​dinja tant kienet kibret li Kajjin, bin Adam, setaʼ jibni belt u jsemmiha Ħenok. (Ġenesi 4:17) Matul is-​sekli taʼ qabel id-​Dilluvju żviluppaw diversi industriji. Kien hemm foroġ għal kull xorta taʼ “għodod tal-​bronż u l-​ħadid.” (Ġenesi 4:22) Bla dubju dawn l-​għodod intużaw għall-​bini, għax-​xogħol taʼ l-​injam, għall-​ħjata, u għall-​biedja. Dawn is-​snajjaʼ kollha ssir referenza għalihom fir-​rakkonti dwar l-​ewwel abitanti taʼ l-​art.

Permezz taʼ l-​għarfien akkwistat matul is-​snin, il-​ġenerazzjonijiet suċċessivi setgħu jispeċjalizzaw f’oqsma bħalma huma s-​sengħa tax-​xogħol fil-​metall, it-​tkabbir tal-​prodotti tal-​biedja, it-​trobbija tan-​nagħaġ u l-​baqar, il-​kitba, l-​arti, l-​iskultura u l-​mużika. Per eżempju, Ġubal kien “missier dawk li jdoqqu ċ-​ċetra u l-​flawt.” (Ġenesi 4:21) Iċ-​ċivilizzazzjoni żviluppat b’mod estensiv. Madankollu, kollox spiċċa ħabta u sabta. X’ġara?

X’Mar Ħażin?

Minkejja l-​vantaġġi kollha li kienet tgawdi, is-​soċjetà taʼ qabel id-​Dilluvju kellha bidu ħażin. Il-​fundatur tagħha, Adam, irribella kontra Alla. Kajjin, li bena l-​ewwel belt fl-​istorja tal-​bniedem, qatel lil ħuh. Mhux taʼ b’xejn li l-​ħażen kiber b’ħeffa kbira! Il-​konsegwenzi tal-​wirt difettuż li Adam ħalla lil nislu bdew dejjem imorru għall-​agħar.—Rumani 5:12.

L-affarijiet kienu b’mod evidenti resqin lejn kriżi meta Jehovah qatagħha li s-​sitwazzjoni se jħalliha tibqaʼ sejra 120 sena oħra biss. (Ġenesi 6:3) Tgħid il-​Bibbja: “Il-​ħażen tal-​bnedmin kien kiber fuq l-​art; u f’qalbu ma kienx għajr li jfassal il-​ħażen il-​jum kollu. U l-​art . . . imtliet bil-​vjolenza.”—Ġenesi 6:​5, 11.

Maż-żmien, lil Noè ntqallu speċifikament li Alla kien se jeqred lill-​bnedmin u l-​annimali kollha f’dilluvju. (Ġenesi 6:​13, 17) Għalkemm Noè sar “ħabbâr tal-​ġustizzja,” b’mod evidenti kien diffiċli għan-​nies biex jemmnu li kulma kien hemm madwarhom kien se jispiċċa. (2 Pietru 2:5) Tmienja min-​nies biss taw kas it-​twissija u ġew salvati. (1 Pietru 3:20) Dan għala huwa importanti għalina llum?

X’Sinifikat Għalina?

Aħna ngħixu fi żminijiet simili għal dawk taʼ Noè. Nisimgħu regolarment dwar atti orribbli taʼ terroriżmu, kampanji taʼ ġenoċidji, massakri taʼ nies innoċenti minn qattiela li tistaʼ tgħid ma jkollhom ebda motiv, u vjolenza domestika fuq skala li tkexkxek. L-​art reġgħet imtliet bil-​vjolenza, u bħal qabel, id-​dinja ġiet avżata li ġej ġudizzju fuqha. Ġesù nnifsu qal li kellu jiġi bħala l-​Imħallef maħtur minn Alla u jifred lin-​nies bħalma ragħaj jifred in-​nagħaġ mill-​mogħoż. Dawk li ma jkunx jistħoqqilhom, qal Ġesù, “imorru fit-​tbatija [“fil-​qtugħ,” NW] taʼ dejjem.” (Mattew 25:​31-33, 46) Madankollu, il-​Bibbja tgħid li din id-​darba se jkun hemm miljuni sħaħ li jibqgħu ħajjin—folla kbira li tqim lill-​uniku Alla veru. Fid-​dinja li ġejja, dawn se jgawdu l-​ħajja f’paċi u sigurtà permanenti li bħalhom qatt ma kien hawn qabel.—Mikea 4:​3, 4; Apokalissi 7:​9-17.

Ħafna jiddieħqu b’dawn l-​istqarrijiet Bibliċi u bit-​twissijiet dwar l-​att taʼ ġudizzju li se juru li dawn l-​istqarrijiet huma veri. Imma l-​appostlu Pietru spjega li dawn in-​nies li jwaqqgħu kollox għaċ-​ċajt qed jinjoraw il-​fatti. Hu kiteb: “Fl-​aħħar jiem jiġu nies kollhom tmaqdir . . . u jibdew jgħidu: ‘Fejn hi l-​wegħda tal-​miġja tiegħu?’ . . . Dawn jinsew, għax iridu, li sa minn żmien ilu kienu s-​smewwiet u l-​art, li saret mill-​ilma u żżomm bl-​ilma bis-​saħħa tal-​kelma taʼ Alla; kien ukoll bl-​ilma li d-​dinja taʼ dak iż-​żmien tgħarrqet u ntilfet. Hekk ukoll bl-​istess kelma taʼ Alla s-​smewwiet u l-​art taʼ llum huma merfugħin għall-​ħruq, miżmumin sa jum il-​ġudizzju, li jkun jum it-​telfien tal-​ħżiena.”—2 Pietru 3:​3-7.

Illum, b’ubbidjenza lejn il-​kmand profetiku taʼ Ġesù, madwar id-​dinja qegħdin jiġu pridkati b’mod żeluż twissija dwar dan il-​jum taʼ ġudizzju li ġej u messaġġ t’aħbar tajba dwar is-​sliem li se jiġi wara. (Mattew 24:14) Din it-​twissija trid tittieħed bis-​serjetà. Alla li Jistaʼ Kollox iżommha kelmtu.

Id-​Dinja li Ġejja

X’inhu l-​futur tal-​bnedmin meta tqis il-​bidla importanti li ġejja? Fl-​introduzzjoni tal-​Priedka famuża tiegħu taʼ fuq il-​Muntanja, Ġesù wiegħed: “Henjin taʼ qalbhom ħelwa, għax huma jkollhom b’wirthom l-​art.” Imbagħad issokta jgħallem lid-​dixxipli tiegħu biex jitolbu lil Alla: “Ikun li trid int, kif fis-​sema, hekkda fl-​art.” (Mattew 5:5; 6:10) Iva, Ġesù nnifsu għallem li hemm maħżun futur meraviljuż għall-​umanità leali preċiż hawnhekk fuq l-​art. Hu rrefera għalih bħala “d-​dinja l-​ġdida.”—Mattew 19:28.

Mela hekk kif taħseb dwar il-​futur, tħallix lil dawk li jwaqqgħu għaċ-​ċajt iġagħluk tiddubita t-​twissija t’Alla. Huwa minnu li l-​qagħda taʼ madwarna tistaʼ tidher stabbli, u li d-​dinja preżenti għandha storja twila. Xorta waħda, m’għandniex inpoġġu l-​fiduċja tagħna fiha. Id-​dinja taʼ l-​umanità ġiet ġudikata. Għalhekk, qawwi qalbek bil-​kliem taʼ l-​appostlu Pietru, li bih itemm l-​ittra tiegħu:

“Ladarba hekk kollox għandu jintemm, araw daqsxejn kif għandkom iġġibu ruħkom, kemm għandha tkun qaddisa u tajba ħajjitkom, waqt li tistennew b’ħerqa kbira l-​miġja tal-​Jum taʼ Alla . . . waqt li nistennew dan kollu, qisu li jsibkom fis-​sliem, bla tebgħa u bla dnub. . . . Ikbru fil-​grazzja u fl-​għarfien taʼ Sidna u s-​Salvatur tagħna Ġesù Kristu.” (2 Pietru 3:​11, 12, 14, 18) Għalhekk, tgħallem minn dak li ġara fi żmien Noè. Ersaq qrib lejn Alla u żid fl-​għarfien dwar Ġesù Kristu. Ikkultiva d-​devozzjoni lejn Alla, u kun fost il-​miljuni li jagħżlu li jibqgħu ħajjin wara t-​tmiem taʼ din id-​dinja biex igawdu d-​dinja li ġejja mimlija sliem.

[Stampa f’paġna 5]

Is-​sengħa tax-​xogħol tal-​metall kienet magħrufa qabel id-​Dilluvju

[Stampa f’paġna 7]

Futur meraviljuż hemm maħżun għalina

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja