LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w02 3/15 pp. 4-7
  • Tmexxija Tajba Fejn Nistgħu Nsibuha?

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Tmexxija Tajba Fejn Nistgħu Nsibuha?
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2002
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Il-​Mexxej Imwiegħed Jasal
  • Il-​Messija—Mexxej Ideali
  • X’Irridu Nagħmlu?
  • “Wieħed Hu l-Mexxej Tagħkom, il-Kristu”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2010
  • Hija t-Tmexxija taʼ Kristu Reali Għalik?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2002
  • Ġeħova jmexxi l-​poplu tiegħu
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2017
  • Kristu Jmexxi l-Kongregazzjoni Tiegħu
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2002
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2002
w02 3/15 pp. 4-7

Tmexxija Tajba Fejn Nistgħu Nsibuha?

“KULL dar jibniha xi ħadd,” tistqarr il-​Bibbja, “imma Alla jibni kollox hu.” (Lhud 3:4; Apokalissi 4:11) Ladarba Jehovah, dak Alla veru, hu l-​Ħallieq tagħna, hu “jaf kif aħna magħġuna.” (Salm 103:14) Hu jaf eżatt x’inhuma l-​limitazzjonijiet u l-​ħtiġijiet tagħna. U peress li hu Alla taʼ mħabba, hu jrid jissodisfalna dawk il-​ħtiġijiet. (Salm 145:16; 1 Ġwann 4:8) U l-​bżonn li għandna taʼ tmexxija tajba m’huwiex eċċezzjoni.

Permezz tal-​profeta Isaija, Jehovah iddikjara: “Ara, jien qegħedtu xhud fost il-​ġnus, [“mexxej u kmandant,” Karm Żammit] fuq il-​popli.” (Isaija 55:4) Is-​soluzzjoni għall-​kriżi fit-​tmexxija taʼ llum tinvolvi li nidentifikaw lil dan il-​Mexxej—maħtur minn Dak li Jistaʼ Kollox innifsu—u naċċettaw it-​tmexxija tiegħu. Mela, min hu dan il-​Mexxej u Kmandant imbassar? X’inhuma l-​kwalifiki tiegħu bħala mexxej? Fejn se jmexxina? X’irridu nagħmlu biex inkunu nistgħu nibbenefikaw mit-​tmexxija tiegħu?

Il-​Mexxej Imwiegħed Jasal

Madwar 2,500 sena ilu, l-​anġlu Gabrijel deher lill-​profeta Danjel u qallu: “Kun af u ifhem, li minn meta ħarġet il-​kelma biex jerġgħu jiġu u jibnu lil Ġerusalemm sa ma jasal . . . [“il-​Messija l-​Mexxej,” NW], għad iridu jgħaddu sebaʼ ġimgħat. U fi tnejn u sittin ġimgħa terġaʼ tinbena għal darb’oħra, bil-​pjazez u l-​fossijiet tagħha; imma dan jiġri fi żmien taʼ diqa.”—Danjel 9:25.

Jidher ċar li l-​anġlu kien qed jinforma lil Danjel dwar iż-​żmien speċifiku li fih kien se jiġi l-​Mexxej magħżul minn Jehovah. “Il-​Messija l-​Mexxej” kellu jidher fi tmiem id-​69 ġimgħa, jew 483 sena, li jibdew jgħoddu mis-​sena 455 Q.E.K., meta ħarġet il-​kelma biex terġaʼ tinbena Ġerusalemm.a (Neħemija 2:​1-8) X’ġara fi tmiem dak il-​perijodu? Luqa, il-​kittieb taʼ l-​evanġelju, jirrakkonta: “Fis-​sena ħmistax tal-​ħakma taʼ Tiberju Ċesari, meta Ponzju Pilatu kien gvernatur tal-​Lhudija, [u] Erodi tetrarka tal-​Galilija [29 E.K.], . . . il-​kelma tal-​Mulej ġiet fuq Ġwanni bin Żakkarija, fid-​deżert. U ġie fl-​inħawi kollha taʼ madwar il-​Ġordan, ixandar magħmudija taʼ ndiema għall-​maħfra tad-​dnubiet.” Dak iż-​żmien “il-​poplu kien qiegħed jistenna ħerqan” lill-​Messija l-​Mexxej. (Luqa 3:​1-3, 15) Għalkemm ġew folol kbar għand Ġwanni, hu ma kienx dak il-​Mexxej.

Imbagħad madwar Ottubru tas-​sena 29 E.K., Ġesù taʼ Nazaret mar għand Ġwanni biex jitgħammed. U Ġwanni xehed u qal: “Jiena rajt l-​Ispirtu nieżel mis-​sema bħal ħamiema u joqgħod fuqu. Tabilħaqq, anqas jien ma kont nafu; imma dak li bagħatni ngħammed bl-​ilma, hu stess qalli, ‘Fuq min tara l-​Ispirtu jinżel u joqgħod, dak hu li jgħammed bl-​Ispirtu s-​Santu.’ Dan rajtu b’għajnejja, u għalhekk xhedt, ‘Dan hu l-​Iben taʼ Alla.’” (Ġwann 1:​32-34) Meta tgħammed, Ġesù sar il-​Mexxej midluk—il-​Messija, jew Kristu.

Iva, il-​‘mexxej u l-​kmandant fuq il-​popli’ li kien imwiegħed kien Ġesù Kristu. U meta neżaminaw il-​kwalitajiet tiegħu bħala mexxej, malajr nindunaw li t-​tmexxija tiegħu tisboq ferm il-​ħtiġijiet kollha taʼ mexxej ideali fi żmienna.

Il-​Messija—Mexxej Ideali

Mexxej tajjeb jagħti direzzjonijiet ċari u jgħin lin-​nies li jkunu taħt it-​tmexxija tiegħu biex ikunu jistgħu jiksbu s-​saħħa u d-​determinazzjoni persunali sabiex isolvu l-​problemi tagħhom b’suċċess. ‘Din hi waħda mir-​rekwiżiti taʼ mexxej f’dan is-​seklu 21,’ jgħid il-​ktieb 21st Century Leadership: Dialogues With 100 Top Leaders. Kemm ippreparahom tajjeb Ġesù lis-​semmiegħa tiegħu biex ikunu jistgħu jittrattaw mas-​sitwazzjonijiet taʼ kuljum! Ikkunsidra l-​iktar diskors famuż tiegħu—il-​Priedka taʼ fuq il-​Muntanja. X’abbundanza taʼ pariri prattiċi hemm fil-​kliem li nsibu mniżżel f’Mattew kapitli 5 sa 7.

Per eżempju, ikkunsidra l-​parir taʼ Ġesù dwar li nirranġaw xi differenzi persunali li jistgħu jqumu. Hu qal: “Mela jekk tkun qiegħed ittallaʼ l-​offerta tiegħek fuq l-​artal u hemm tiftakar li ħuk għandu xi ħaġa kontra tiegħek, ħalli l-​offerta tiegħek hemmhekk quddiem l-​artal u mur l-​ewwel irranġa maʼ ħuk, u mbagħad ejja tallaʼ l-​offerta tiegħek.” (Mattew 5:​23, 24) L-​iktar ħaġa importanti hi li tieħu l-​inizjattiva biex tagħmel paċi m’oħrajn—saħansitra iktar importanti milli twettaq xi dmir reliġjuż ieħor, bħal ngħidu aħna, li toffri għotjiet fuq l-​artal fit-​tempju taʼ Ġerusalemm kif kienet titlob il-​Liġi taʼ Mosè. Inkella, l-​għemejjel taʼ qima ma jkunux aċċettati minn Alla. Il-​parir taʼ Ġesù huwa prattiku llum daqskemm kien sekli ilu.

Ġesù għen ukoll lis-​semmiegħa tiegħu jevitaw in-​nassa taʼ l-​immoralità. Hu wissiehom: “Smajtu xi ntqal, ‘La tagħmilx adulterju.’ Imma jiena ngħidilkom li kull min iħares lejn mara biex jixtieqha jkun ġa għamel adulterju magħha f’qalbu.” (Mattew 5:​27, 28) X’tagħlima f’waqtha! Mhux aħjar naġixxu fil-​pront u nneħħu kwalunkwe ħsieb ħażin li jistaʼ jwassalna biex naqgħu fl-​adulterju? Mill-​qalb joħorġu ż-​żína u l-​adulterju, qal Ġesù. (Mattew 15:​18, 19) Inkunu għaqlin ferm jekk inħarsu lil qalbna.—Proverbji 4:23.

Il-Priedka taʼ fuq il-​Muntanja fiha wkoll pariri eċċellenti dwar li għandna nħobbu lill-​għedewwa tagħna, inkunu ġenerużi, ikollna ħarsa xierqa dwar l-​affarijiet materjali u spiritwali, u pariri oħra bħal dawn. (Mattew 5:​43-47; 6:​1-4, 19-21, 24-34) Ġesù saħansitra wera lis-​semmiegħa tiegħu kif ifittxu l-​għajnuna t’Alla billi għallimhom kif jitolbu. (Mattew 6:​9-13) Il-​Messija l-​Mexxej isaħħaħ u jħejji lis-​segwaċi tiegħu biex ikunu jafu kif għandhom jittrattaw mal-​problemi li l-​bnedmin spiss jiltaqgħu magħhom.

Sitt darbiet fil-​Priedka taʼ fuq il-​Muntanja, Ġesù jintroduċi l-​istqarrijiet tiegħu bl-​espressjoni “smajtu xi ntqal” jew “intqal ukoll,” iżda mbagħad jippreżenta idea oħra, u jgħid “imma jien ngħidilkom.” (Mattew 5:​21, 22, 27, 28, 31-34, 38, 39, 43, 44) Dan jindika li s-​semmiegħa tiegħu kienu mdorrijin jaġixxu b’ċertu mod, skond it-​tradizzjonijiet orali tal-​Fariżej. Imma issa Ġesù kien qed jurihom mod differenti—mod li kien jirrifletti l-​ispirtu veru tal-​Liġi Mosajka. Ġesù b’hekk kien qed jintroduċi bidla, u dan għamlu b’tali mod li kien faċli għas-​segwaċi tiegħu li jaċċettawha. Iva, Ġesù qanqal lin-​nies biex jagħmlu bidliet taʼ l-​għaġeb f’ħajjithom, kemm spiritwalment kif ukoll moralment. Din hija marka li tidentifika mexxej veru.

Ktieb taʼ istruzzjoni dwar kif wieħed imexxi jenfasizza kemm hu diffiċli li titwettaq bidla bħal din. Dan jgħid li l-​mexxej li jkun se jagħmel il-​bidla jeħtieġ li jkun sensittiv daqs social worker, ikollu dehen daqs psikologu, ikun determinat daqs ġerrej f’maratona, jippersisti daqs bulldog, indipendenti daqs eremita, u jkollu paċenzja daqs qaddis. U minkejja li jkollu dawn il-​kwalitajiet kollha, m’hemm ebda garanzija li se jirnexxi.

Artiklu intitolat “Leadership: Do Traits Matter?” (It-Tmexxija: Huma t-​Tendenzi Importanti?) jinnota: “Il-​mexxejja jridu jġibu ruħhom bl-​istess mod kif huma jixtiequ li s-​segwaċi tagħhom iġibu ruħhom.” Tabilħaqq, mexxej tajjeb irid jipprattika dak li jippriedka. Kemm kien minnu dan fil-​każ taʼ Ġesù Kristu! Iva, hu għallem lil dawk li kienu miegħu biex ikunu umli, imma barra minn hekk ipprovdielhom lezzjoni prattika billi ħaslilhom saqajhom. (Ġwann 13:​5-15) Hu mhux sempliċement bagħat lid-​dixxipli tiegħu jxandru l-​aħbar tajba tas-​Saltna t’Alla, imma ħadem iebes u stinka f’dak ix-​xogħol. (Mattew 4:​18-25; Luqa 8:​1-3; 9:​1-6; 10:​1-24; Ġwann 10:​40-42) U fil-​kwistjoni taʼ li jkun sottomess għat-​tmexxija, Ġesù kien eżemplari ħafna. “L-​Iben ebda ħaġa ma jistaʼ jagħmel minn rajh,” qal hu dwaru nnifsu, “jekk ma jarax lil Missieru jagħmilha.”—Ġwann 5:19.

Dan li għadna kif ikkunsidrajna juri kemm dak li qal u għamel Ġesù verament juri b’mod ċar li hu l-​Mexxej ideali. Fil-​fatt, hu jissupera kull livell li fuqu jimxu l-​bnedmin rigward tmexxija tajba. Ġesù hu perfett. Peress li rċieva l-​immortalità wara l-​mewt u l-​irxoxt tiegħu, hu jgħix għal dejjem. (1 Pietru 3:18; Apokalissi 1:​13-18) Liema mexxej uman jistaʼ jkollu l-​istess kwalifiki tiegħu?

X’Irridu Nagħmlu?

Bħala s-​Sultan renjanti tas-​Saltna t’Alla, “il-​Messija l-​Mexxej” se jitfaʼ ruxxmata barkiet fuq l-​umanità ubbidjenti. F’dan ir-​rigward l-​Iskrittura twiegħed: “Mimlija hi l-​art bl-​għarfien tal-​Mulej bħalma l-​baħar hu miksi bl-​ilmijiet.” (Isaija 11:9) “Imma l-​ġwejdin għad jirtu l-​art, u bi sliem kotran jitgħaxxqu.” (Salm 37:11) “Kull wieħed jinsab taħt id-​dielja tiegħu, u taħt is-​siġra tat-​tin tiegħu; u ma jkunx hemm min iwerwirhom, għax fomm il-​Mulej taʼ l-​eżerċti tkellem.” (Mikea 4:4) “Alla nnifsu jkun magħhom, Alla tagħhom. Hu jixxuttalhom kull demgħa minn għajnejhom: ma jkunx hemm iżjed mewt, anqas biki jew għajat jew tbatija ma jkun hemm iżjed, għax għabu l-​ħwejjeġ taʼ qabel.”—Apokalissi 21:​3, 4.

Illum, id-​dinja għaddejja minn kriżi fit-​tmexxija. Imma Ġesù Kristu qed imexxi lil dawk ġwejdin għal ġo dinja ġdida mimlija paċi, li fiha l-​bnedmin ubbidjenti kollha se jkunu magħqudin fil-​qima t’Alla Jehovah u se jimxu ’l quddiem lejn il-​perfezzjoni. Kemm hu vitali li nsibu l-​ħin biex niksbu l-​għarfien dwar dak Alla veru u dwar il-​Mexxej maħtur tiegħu u naġixxu fi qbil maʼ dan l-​għarfien!—Ġwann 17:3.

Wieħed mill-​aqwa kumplimenti li tistaʼ tagħmel lil xi ħadd hu li timitah. Mela, m’għandniex aħna nipprovaw nimitaw lill-​aqwa Mexxej fl-​istorja tal-​bniedem—Ġesù Kristu? Dan kif nistgħu nagħmluh? X’effett se jkollu fuqna jekk aħna naċċettaw it-​tmexxija tiegħu f’ħajjitna? Dawn il-​mistoqsijiet u oħrajn se jiġu diskussi fiż-​żewġ artikli li jmiss.

[Nota taʼ taħt]

a Ara paġni 186-92 tal-​ktieb Oqgħod Attent għall-​Profezija taʼ Danjel!, pubblikat mix-​Xhieda taʼ Jehovah.

[Stampa f’paġna 4]

Danjel bassar il-​miġja tal-​Mexxej maħtur t’Alla

[Stampi f’paġna 7]

It-​tagħlim taʼ Ġesù ħejja lin-​nies biex ikunu jistgħu jittrattaw mal-​problemi tal-​ħajja

[Stampa f’paġna 7]

Ġesù se jmexxi lill-​bnedmin ubbidjenti għal ġo dinja ġdida mimlija paċi

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja