LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w02 4/15 pp. 24-27
  • L-Empatija—Iċ-Ċavetta għall-Qalb Tajba u l-Mogħdrija

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • L-Empatija—Iċ-Ċavetta għall-Qalb Tajba u l-Mogħdrija
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2002
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • X’Inhi l-​Empatija?
  • Eżempji Skritturali taʼ l-​Empatija
  • Kif Nikkultivaw l-​Empatija
  • L-​Empatija Tgħin fl-​Attivitajiet Kristjani
  • Tgħallem Ħoss għal Ħaddieħor
  • Alla juri empatija?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Pubbliku)—2018
  • Uri l-Empatija
    Fuljett għal-Laqgħa—Il-Ħajja u l-Ministeru Kristjan Tagħna—2021
  • Ħoss għal Oħrajn
    Stenbaħ!—2020
  • “Ħassu Mqanqal u Tħassarhom”
    “Ejja Kun Segwaċi Tiegħi”
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2002
w02 4/15 pp. 24-27

L-​Empatija​—Iċ-​Ċavetta għall-​Qalb Tajba u l-​Mogħdrija

SAKEMM lil xi ħadd biex ittaffilu l-​uġigħ tkun tistaʼ tgħin, il-​ħajja mhix għalxejn,” kitbet Helen Keller. Keller żgur li kienet tifhem x’inhu l-​uġigħ emozzjonali. Meta kellha biss 19-il xahar laqtitha marda li ħallietha għamja u truxa kompletament. Imma għalliema li għadritha, għallmet lil He­len taqra u tikteb ­bil-Braille, u iktar tard, għallmitha titkellem.

L-għalliema taʼ Keller, Ann ­Sullivan, kienet tifhem sew il-​frustrazzjoni li tiġi meta tissielet maʼ diżabilità fiżika. Hi nnifisha kienet kważi għamja. Imma Ann, bil-​paċenzja kollha, ħolqot mod kif tikkomunika maʼ Helen billi kienet “tispelli” l-​ittri fuq id Helen. Imqanqla mill-​empatija taʼ l-​għalliema tagħha, Helen iddeċidiet li tiddedika ħajjitha stess biex tgħin lill-​għomja u t-​torox. Ladarba kienet għelbet id-​diżabilità tagħha bi sforz enormi, hi ħasset ħafna għal dawk li kienu f’ċirkustanzi simili. Riedet tgħinhom.

X’aktarx li int osservajt li f’din id-​dinja egois­ta, huwa faċli li wieħed “jagħlaq qalbu” u jinjora l-​bżonnijiet t’oħrajn. (1 Ġwann 3:17) Madankollu, il-​Kristjani għandhom il-​kmand li jħobbu lil għajrhom u jkollhom imħabba sħiħa lejn xulxin. (Mattew 22:39; 1 Pietru 4:8) Imma, x’aktarx li int konxju taʼ din ir-​realtà: Għalkemm għandna kull intenzjoni li nħobbu lil xulxin, taʼ spiss l-​opportunitajiet biex inserrħu l-​uġigħ t’oħrajn jaqbżulna. Dan jistaʼ jiġri sempliċement għax ma nkunux konxji taʼ dak li jkollhom bżonn. L-​empatija hija ċ-​ċavetta li tistaʼ tiftaħ il-​bieb għall-​qalb tajba u l-​mogħdrija tagħna.

X’Inhi l-​Empatija?

Dizzjunarju wieħed jgħid li l-​empatija hija “li wieħed jidentifika ruħu mas-​sitwazzjoni, is-​sentimenti, u l-​motivi taʼ ħaddieħor u jifhimhom.” Ġiet deskritta wkoll bħala li tkun kapaċi tpoġġi lilek innifsek fis-​sitwazzjoni taʼ ħaddieħor. Għalhekk l-​ewwelnett, l-​empatija tinvolvi li nifhmu ċ-​ċirkustanzi taʼ ħaddieħor u t-​tieni li naqsmu miegħu s-​sentimenti li dawk iċ-​ċirkustanzi jqanqlu fih. Iva, l-​empatija tinvolvi li nħossu l-​uġigħ tal-​persuna l-​oħra f’qalbna.

Il-​kelma “empatija” ma tidhirx fil-​Bibbja, imma l-​Iskrittura tirreferi indirettament għal din il-​kwalità. L-​appostlu Pietru ta parir lill-​Kristjani biex ‘iħossu għal xulxin, jinħabbu bħal aħwa b’qalb ħanina u umli.’ (1 Pietru 3:8) Il-​kelma Griega tradotta “ħossu għal xulxin” letteralment tfisser “li tbati maʼ ħaddieħor” jew “li jkollok mogħdrija.” L-​appostlu Pawlu rrikkmanda lil sħabu l-​Kristjani sabiex ikollhom sentimenti simili meta ħeġġiġhom: “Ifirħu maʼ min jifraħ, ibku maʼ min jibki.” Pawlu ħeġġiġhom ukoll biex jaħsbu f’xulxin l-​istess bħalma jaħsbu fihom infushom. (Rumani 12:​15, 16) U ma taqbilx li jkun prattikament impossibbli li nħobbu lil għajrna bħalna nfusna jekk ma npoġġux lilna nfusna fil-​pożizzjoni tiegħu?

Kważi għal kulħadd huwa naturali li jħoss ċertu empatija. Min ma jħossx qalbu tingħafas meta jara xeni koroh taʼ tfal bil-​ġuħ jew refuġjati ddisprati? Liema omm li tħobb lit-​tifel tagħha mhix se tagħti kasu meta jkun qed jolfoq? Imma mhux it-​tbatija kollha hija tat-​tip li wieħed jinduna biha mill-​ewwel. Kemm hu diffiċli li tifhem xi jħoss xi ħadd li jkun qed ibati minn dipressjoni, minn xi problema fiżika li ma tidhirx, jew saħansitra problema konnessa maʼ l-​ikel—jekk qatt ma nkunu ġarrabniehom aħna stess! Xorta waħda, l-​Iskrittura turina li nistgħu u għandna nitgħallmu nħossu għal dawk l-​uħud li għandhom ċirkustanzi differenti minn tagħna.

Eżempji Skritturali taʼ l-​Empatija

Jehovah hu l-​aqwa eżempju għalina fejn tidħol l-​empatija. Għalkemm hu nnifsu huwa perfett, ma jistenniex minna li nkunu perfetti, “għax hu jaf kif aħna magħġuna, jiftakar li aħna trab.” (Salm 103:14; Rumani 5:12) Iktar minn hekk, ladarba jaf bil-​limitazzjonijiet tagħna, ‘ma jħalliniex niġġarrbu aktar milli nifilħu.’ (1 Korintin 10:13) Permezz tal-​qaddejja tiegħu kif ukoll bl-​ispirtu tiegħu, hu jgħinna nsibu s-​soluzzjoni.—Ġeremija 25:​4, 5; Atti 5:32.

Jehovah iħoss l-​uġigħ tan-​nies tiegħu daqslikieku kien fuqu stess. Hu qal lil-​Lhud li rritornaw minn Babilonja: “Min imiss lilkom imiss ­il-mimmi taʼ [għajnejja].” (Żakkarija 2:12 [2:​8, NW]) Il-​kittieb tal-​Bibbja David, li kien jaf sew x’inhi l-​empatija t’Alla, qallu: “Iġmaʼ fi flixkun id-​dmugħ tiegħi. M’huwiex dan fil-​ktieb tiegħek?” (Salm 56:9 [56:​8, NW]) Kemm ifarraġna li nkunu nafu li Jehovah jiftakar​—bħallikieku miktub fi ktieb—id-​dmugħ li jxerrdu l-​qaddejja leali tiegħu hekk kif jissieltu biex iżommu l-​in­tegrità tagħhom!

Bħal Missieru tas-​sema, Ġesù Kristu huwa sensittiv għas-​sentimenti t’oħrajn. Meta fejjaq raġel trux, hu ħadu għalih waħdu, x’aktarx biex ma jimbarazzahx għalxejn jew jagħtih xi qatgħa meta jfejqu b’miraklu. (Mark 7:​32-35) Darb’oħra, Ġesù osserva lil waħda armla li kienet se tidfen lill-​uniku iben tagħha. Immedjatament hu fehem l-​uġigħ li kienet qed tħoss, resaq lejn il-​purċissjoni tal-​funeral, u rxoxta liż-​żagħżugħ.—Luqa 7:​11-16.

Wara l-​irxoxt tiegħu, meta Ġesù deher lil Sawl fi triqtu lejn Damasku, hu għarraf lil Sawl li l-​persekuzzjoni kiefra illi kien qed jagħmel lid-​dixxipli tiegħu kienet qed teffettwah. “Jiena Ġesù, li int qiegħed tippersegwitah,” qallu hu. (Atti 9:​3-5) Ġesù ħass personalment l-​uġigħ li sofrew id-​dixxipli tiegħu, bħal omm li tħoss l-​uġigħ taʼ binha marid. Bl-​istess mod, bħala l-​Qassis il-​Kbir tagħna tas-​sema, Ġesù “jagħder id-​dgħjufija tagħna,” jew skond il-​verżjoni taʼ Karm Żammit, ‘iħoss għad-​dgħjufijiet tagħna.’—Lhud 4:15.

L-​appostlu Pawlu tgħallem ikun sensittiv għat-​tbatija u s-​sentimenti t’oħrajn. “Min hu marid u m’iniex marid miegħu jien? Min hu dak li jsib min ifixklu, u jien ma nħossnix imbaqbaq?” staqsa hu. (2 Korintin 11:29) Meta anġlu mirakolożament ħeles lil Pawlu u lil Sila mill-​irbit meta kienu f’ħabs ġewwa Filippi, l-​ewwel ħsieb li ġieh Pawlu kien li javża lill-​għassies li ħadd ma kien ħarab. Hu b’empatija fehem li l-​għassies setaʼ jagħmel suwiċidju. Pawlu kien jaf li skond id-​drawwa Rumana, għassies kien jiġi kastigat bl-​aħrax jekk ikun ħa­rablu xi priġunier—speċjalment jekk ikun ngħata l-​istruzzjoni biex iżomm sebaʼ għajnejn fuqu. (Atti 16:​24-28) L-​għassies baqaʼ impressjonat bl-​att taʼ qalb tajba min-​naħa taʼ Pawlu li salvalu ħajtu, u kemm hu kif ukoll in-​nies taʼ daru ħadu passi biex isiru Kristjani.—Atti 16:​30-34.

Kif Nikkultivaw l-​Empatija

L-Iskrittura kemm-il ­darba tinkuraġġina biex ­nimitaw lil Missierna tas-​sema u lil Ib­nu, Ġesù Kristu, u għalhekk l-​empatija hija kwalità li għandna bżonn niżviluppaw. Dan kif nistgħu nagħmluh? Hemm tliet modi prinċipali li bihom nistgħu ntejbu s-​sensittività tagħna lejn il-​bżonnijiet u s-​sentimenti t’oħrajn: billi nisimgħu, billi nosservaw, u billi nimmaġinaw.

Ismaʼ. Billi nisimgħu b’attenzjoni nitgħallmu liema problemi jkunu qed jiffaċċjaw oħrajn. U iktar ma nisimgħu tajjeb, iktar se jkun hemm iċ-​ċans li dawn jiftħu qalbhom magħna u jgħidulna xi jkunu qed iħossu. “Inħoss li nistaʼ nitkellem m’anzjan jekk inkun ċerta li hu se joqgħod jismagħni,” tispjega Miriam. “Irrid inħoss li hu tassew jifhem il-​problema tiegħi. U meta jistaqsini mistoqsijiet profondi, iktar inħossni nafdah għax dan juri li jkun semaʼ b’attenzjoni dak li nkun għedtlu.”

Osserva. Mhux kulħadd se jgħidilna bil-​miftuħ kif iħossu jew minn xiex ikun għaddej. Madankollu, wieħed li josserva bir-​reqqa se jinnota meta Kristjan ieħor jidher dipress, meta adolexxent jingħalaq fih innifsu, jew meta ministru żeluż jitlef l-​entużjażmu tiegħu. Din l-​abbiltà li mill-​bidunett wieħed jifhem li hemm problema hija vitali għall-​ġenituri. “B’xi mod jew ieħor, ommi tkun diġà taf kif inkun qed inħossni meta jien lanqas biss inkun għadni għedtilha xejn,” tgħid Marie, “allura jkun faċli għalija li nkellimha bis-​sinċerità kollha dwar il-​problemi tiegħi.”

Uża l-​immaġinazzjoni tiegħek. L-​iktar mod effettiv biex titqanqal turi l-​empatija huwa billi tistaqsi lilek innifsek: ‘Kieku kont f’din is-​sitwazzjoni, kif kont inħossni? Kif kont nirreaġixxi? Xi jkolli bżonn?’ It-​tliet farraġa foloz taʼ Ġob ma kinux kapaċi jpoġġu lilhom infushom fil-​pożizzjoni tiegħu. Għaldaqstant, huma kkundannawh għal dnubiet immaġinarji li huma assumew li bilfors kien wettaq.

Bnedmin imperfetti taʼ spiss isibuha iktar faċli li jiġġudikaw l­iżbalji milli jifhmu s-​sentimenti. Madankollu, jekk nagħmlu kull sforz biex nimmaġinaw l-​uġigħ taʼ xi ħadd li jkun qed ibati, se nkunu nistgħu nissimpatizzaw miegħu minflok ma nikkundannawh. “Jien nagħti pariri aħjar meta nismaʼ b’attenzjoni u nipprova nifhem is-​sitwazzjoni kollha qabel nibda noffri s-​suġġerimenti,” ikkummenta Juan, anzjan taʼ l-​esperjenza.

Il-pubblikazzjonijiet imqassmin mix-​Xhieda taʼ Jehovah għenu lil ħafna f’dan l-​aspett. Ir-​rivisti t-​Torri taʼ l-​Għassa u Stenbaħ! iddiskutew problemi komplikati bħalma huma d-​dipressjoni u l-​abbuż fuq it-​tfal. Din l-​informazzjoni fil-​ħin u fil-​waqt tgħin lil min jaqraha biex ikun iktar sensittiv għas-​sentimenti taʼ dawk li jbatu b’dawn l-​affarijiet. Bl-​istess mod, il-​ktieb Iż-​Żgħażagħ Jistaqsu . . . Tweġibiet Prattiċi għall-​Mistoqsijiet Tagħhom għen lil ħafna ġenituri jifhmu l-​problemi taʼ wliedhom.

L-​Empatija Tgħin fl-​Attivitajiet Kristjani

Ftit huma dawk l-​uħud minna li jistgħu jinjoraw l-​istat imwiegħer taʼ tifel bil-​ġuħ jekk ikollna ikel x’nagħtuh. Bl-​istess mod, jekk għandna l-​empatija se nagħrfu l-​qagħda spiritwali taʼ persuna. Il-​Bibbja tgħid dwar Ġesù: “Ra n-​nies u tħassarhom, għax kienu mdejjqa u mitluqa bħal nagħaġ bla ragħaj.” (Mattew 9:36) Illum miljuni taʼ nies jinsabu fl-​istess qagħda spiritwali, u għandhom bżonn l-​għajnuna.

Bħal fi żmien Ġesù, jistaʼ jkun li jkollna negħlbu l-​preġudizzju jew tradizzjoni li tkun fil-​fond sabiex nilħqu l-​qalb taʼ xi nies. Ministru li juri empatija jipprova jagħmel sforz biex meta jkun qed jitkellem maʼ xi ħadd, isib xi ħaġa li t-​tnejn li huma jaqblu fuqha jew jitkellem dwar suġġetti li jkunu qed jaħsbu fuqhom in-​nies sabiex il-​messaġġ tiegħu jagħmlu wieħed li jolqot lil dak li jkun. (Atti 17:​22, 23; 1 Korintin 9:​20-23) Atti taʼ qalb tajba mqanqlin mill-​empatija jistgħu wkoll iġagħlu lis-​semmiegħa tagħna jilqgħu iktar il-​messaġġ tas-​Saltna, bħalma ġara fil-​każ taʼ l-​għassies ġewwa Filippi.

L-​empatija m’hemmx prezzha għax tgħinna ninjoraw l-​iżbalji t’oħrajn fil-​kongregazzjoni. Jekk nagħmlu minn kollox biex nifhmu s-​sentimenti taʼ xi ħu li offendiena, bla dubju se nsibuha iktar faċli li naħfrulu. X’aktarx li konna se nirreaġixxu bl-​istess mod kieku konna fl-​istess sitwazzjoni tiegħu u kellna l-​istess ċirkustanzi u esperjenzi li għadda minnhom hu. L-​empatija li għandu Jehovah tqanqlu biex “jiftakar li aħna trab,” allura m’għandhiex l-​empatija tagħna tqanqalna nqisu l-​imperfezzjonijiet t’oħrajn u ‘naħfru lil xulxin’?—Salm 103:14; Kolossin 3:13.

Jekk ikollna nagħtu xi parir, x’aktarx li se nagħtuh b’iktar qalb tajba jekk nifhmu s-​sentimenti u l-​affarijiet li jkun sensittiv dwarhom xi ħadd li żbalja. Anzjan Kristjan li juri l-​empatija jfakkar lilu nnifsu: ‘Jien ukoll stajt għamilt dan l-​iżball. Stajt kont jien fis-​sitwazzjoni tiegħu.’ Għalhekk Pawlu jirrikkmanda: “Widdbuh bi spirtu taʼ ħlewwa; oqgħod attent li ma tkunx imġarrab int ukoll.”—Galatin 6:1.

L-empatija tistaʼ wkoll tqanqalna biex noffru għajnuna prattika jekk inkunu nistgħu, avolja l-​Kristjan l-​ieħor forsi jżomm lura milli jitlobna l-​għajnuna. L-​appostlu Ġwanni kiteb: “Jekk wieħed għandu biex jgħix fid-​dinja u jara ’l ħuh fil-​bżonn u jagħlaq qalbu għalih, kif tistaʼ l-​imħabba taʼ Alla tgħammar fih? . . . [Ħalli] ma nħobbux bil-​kliem u t-​tpaċpiċ, imma bl-​għemil u bis-​sewwa.”—1 Ġwann 3:​17, 18.

Sabiex inħobbu “bl-​għemil u bis-​sewwa,” l-​ewwel jeħtieġ li naraw il-​bżonnijiet partikulari taʼ xi ħadd minn ħutna. Nosservaw aħna bir-​reqqa x’inhuma l-​bżonnijiet t’oħrajn bl-​għan li ngħinuhom? Din hi l-​empatija.

Tgħallem Ħoss għal Ħaddieħor

Forsi m’huwiex naturali għalina li nuru ħafna empatija, madankollu nistgħu nitgħallmu nħossu għal ħaddieħor. Jekk nisimgħu b’iktar attenzjoni, nosservaw iktar bir-​reqqa, u nimmaġinaw lilna nfusna fis-​sitwazzjoni taʼ ħaddieħor iktar taʼ spiss, l-​empatija tagħna se tikber. Bħala riżultat se nħossuna mqanqlin biex nuru iktar imħabba, qalb tajba, u mogħdrija lejn uliedna, lejn Kristjani oħrajn, u lejn għajrna.

Qatt tħalli l-​egoiżmu joħnoqlok l-​empatija tiegħek. “Ħadd minnkom ma għandu jfittex li jaqbillu,” kiteb Pawlu, “imma li jaqbel lil ħaddieħor.” (Filippin 2:4) Il-​futur etern tagħna jiddependi mill-​empatija taʼ Jehovah u tal-​Qassis il-​Kbir tiegħu, Ġesù Kristu. B’hekk, għandna obbligu morali li nikkultivaw din il-​kwalità. L-​empatija tagħna se tgħinna nsiru ministri aħjar u ġenituri aħjar. Fuq kollox, l-​empatija se tgħinna niskopru li “min jagħti hu aktar hieni minn min jieħu.”—Atti 20:35.

[Stampa f’paġna 25]

L-​empatija tinvolvi li nosservaw bir-​reqqa x’inhuma l-​bżonnijiet t’oħrajn bl-​għan li ngħinuhom

[Stampa f’paġna 26]

Nistgħu aħna nitgħallmu nuru l-​empatija li omm tħoss b’mod naturali għal bintha li tħobb?

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja