LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w02 6/15 pp. 23-25
  • Ġej l-Ikel għal Min Hu bil-Ġuħ!

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Ġej l-Ikel għal Min Hu bil-Ġuħ!
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2002
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Attitudni Xierqa Hija Vitali biex Jirnexxu
  • It-​Taħriġ taʼ Gilgħad Iħejji lil Dak li Jkun għal Kull Għemil Tajjeb
  • Qegħdin Joffru Lilhom Infushom
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2005
  • Nies li minn Rajhom Jitqanqlu biex Jiġu Gilgħad
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2001
  • Thennew f’Jehovah u Kunu Ferħanin
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1999
  • Imqanqlin Biex Jaqdu
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2000
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2002
w02 6/15 pp. 23-25

Ġej l-​Ikel għal Min Hu bil-​Ġuħ!

‘X’TIP taʼ ġuħ?’ għandek mnejn tistaqsi. Ġuħ għall-​ikel spiritwali! Profeta Ebrew tal-​qedem bassar dan il-​ġuħ: “Ara, għad jiġi żmien, oraklu taʼ Sidi l-​Mulej, meta nibgħat il-​ġuħ fl-​art; mhux il-​ġuħ tal-​ħobż, lanqas l-​għatx għall-​ilma, iżda għas-​smigħ tal-​kelma tal-​Mulej.” (Għamos 8:11) Biex jgħinu ħalli jtaffu l-​ġuħ spiritwali, it-​48 membru tal-​112-il klassi taʼ l-​Iskola taʼ Gilgħad (Watchtower Bible School of Gilead), li qiegħda f’Patterson, New York, sejrin f’19-il pajjiż differenti fil-​5 kontinenti u f’xi gżejjer.

Dawn imorru armati, mhux bil-​laħam u l-​qamħ letterali, iżda bl-​għarfien, bl-​esperjenza, u bit-​taħriġ. Għal ħames xhur sħaħ ġew imħarrġin bi studju tal-​Bibbja fil-​fond imfassal biex isaħħilhom il-​fidi għas-​servizz missjunarju f’artijiet barranin. Fid-​9 taʼ Marzu, 2002, il-​5,554 li attendew għall-​programm tal-​gradwazzjoni tgħidx kemm ħadu gost jisimgħu!

Stephen Lett, li jaqdi bħala membru tal-​Ġemgħa li Tiggverna tax-​Xhieda taʼ Jehovah, fetaħ il-​programm bil-​ħeġġa kollha. Kellu merħba speċjali għall-​ħafna mistidnin li kienu qed iżuru minn diversi partijiet tad-​dinja. Imbagħad issokta japplika l-​kliem taʼ Ġesù, “Intom id-​dawl tad-​dinja” għax-​xogħol taʼ dawn li se jkunu missjunarji. (Mattew 5:14) Hu spjega: ‘Fl-​inkarigi tagħkom intom se “ddawlu” diversi aspetti tax-​xogħlijiet meraviljużi taʼ Jehovah, u b’hekk tgħinu lil uħud taʼ qalb onesta jaraw is-​sbuħija taʼ Jehovah u taʼ l-​iskopijiet tiegħu.’ Ħuna Lett ħeġġeġ lill-​missjunarji biex jużaw id-​dawl tal-​Kelma t’Alla ħalli jikxfu d-​dlam tad-​duttrini foloz u jipprovdu gwida lil dawk li qed ifittxu l-​verità.

Attitudni Xierqa Hija Vitali biex Jirnexxu

Wara l-​kummenti tal-​ftuħ taċ-​chairman, Baltasar Perla, membru tal-​Kumitat tal-​Fergħa taʼ l-​Istati Uniti, ta l-​ewwel taħdita minn serje taʼ taħditiet imfasslin biex jgħinu lil dawk li ggradwaw ħalli jirnexxu bħala missjunarji. Hu żviluppa t-​tema “Agħmel il-​Ħila, Agħmel il-​Qalb u Idħol għax-​Xogħol.” (1 Kronaki 28:20) Salamun, is-​Sultan taʼ Iżrael tal-​qedem, ġie inkarigat biex jagħmel biċċa xogħol diffiċli li qatt ma kien għamel qabel—jibni tempju f’Ġerusalemm. Salamun aġixxa, u bl-​għajnuna taʼ Jehovah it-​tempju tlesta. Waqt li applika l-​lezzjoni għall-​klassi, Ħuna Perla qal: ‘Intom ngħatajtu inkarigu ġdid, dak li ssiru missjunarji, u għandkom tagħmlu l-​qalb u tkunu taʼ ħila.’ L-​istudenti żgur li ħassewhom imfarrġin b’li jkunu jafu li Jehovah mhux se jabbandunahom jew jitlaqhom sakemm huma jibqgħu qrib tiegħu. Ħuna Perla qanqal lil dawk li kienu fl-​udjenza billi kkonkluda b’osservazzjoni persunali: ‘Tistgħu tagħmlu ħafna ġid bħala missjunarji. Il-​missjunarji ġabu l-​verità lili u lill-​familja tiegħi!’

“Fittxu lil Jehovah biex Tirnexxu” kienet it-​tema tat-​taħdita li ngħatat minn Samuel Herd, membru ieħor tal-​Ġemgħa li Tiggverna. L-​istudenti deħlin għal karriera fix-​xogħol missjunarju, u s-​suċċess tagħhom jiddependi ħafna mir-​relazzjoni tagħhom maʼ Jehovah. Ħuna Herd wissiehom: ‘Intom ġmajtu ħafna għarfien mill-​Bibbja permezz taʼ l-​istudju tagħkom f’Gilgħad. Irċivejtuh bil-​ferħ. Iżda issa, biex tirnexxu verament, tridu tibdew tagħtu minn dak li tgħallimtu.’ (Atti 20:35) Il-​missjunarji se jkollhom ħafna opportunitajiet biex jagħmlu dan hekk kif jagħtu minnhom infushom għal oħrajn.—Filippin 2:17.

Liema pariri taʼ l-​aħħar se jagħtu l-​għalliema lill-​istudenti? Mark Noumair ibbaża t-​tema tiegħu fuq Rut 3:​18, “Stenna, Sakemm Tara Kif Se Tintemm il-​Biċċa.” Waqt li uża l-​eżempju taʼ Nagħomi u Rut, il-​kelliemi ħeġġeġ lill-​gradwati biex ipoġġu l-​fiduċja sħiħa tagħhom fl-​arranġamenti li għamlet l-​organizzazzjoni t’Alla fuq l-​art u jirrispettaw l-​awtorità teokratika. Ħuna Noumair mess qalb l-​istudenti meta qal: ‘Jistaʼ jkun hemm żmien meta ma tifhmux għala ttieħdet deċiżjoni li teffettwakom jew meta tħossukom konvinti li xi ħaġa għandha ssir b’mod differenti. X’se tagħmlu f’dan il-​każ? Se taqbdu u tieħdu l-​affarijiet f’idejkom jew se “tistennew,” tafdaw fid-​direzzjoni t’Alla, fiduċjużi li, meta jkun il-​waqt, hu se jġib biss riżultat tajjeb?’ (Rumani 8:28) Il-​parir hu li ‘tiffokaw fuq li tavanzaw l-​interessi tas-​Saltna, iżżommu l-​ħarsa tagħkom fuq dak li l-​organizzazzjoni taʼ Jehovah qed tagħmel u mhux fuq xi personalitajiet,’ u dan żgur li se jkun taʼ valur għall-​futur tal-​missjunarji fl-​inkarigi tagħhom f’pajjiżi barranin.

Wallace Liverance, li darba hu stess kien missjunarju u issa qed jaqdi bħala għalliem taʼ Gilgħad, ta l-​aħħar taħdita fl-​ewwel serje taʼ taħditiet. It-​tema tat-​taħdita tiegħu kienet “Ibqgħu Ffokati, Ibqgħu fis-​Servizz t’Alla.” Hu wera li l-​profeta Danjel għaraf li l-​ħelsien taʼ l-​Iżraelin mill-​jasar kien fil-​qrib meta ra l-​waqgħa taʼ Babilonja u minn dak li bassar Ġeremija. (Ġeremija 25:11; Danjel 9:2) Danjel kien attent għall-​iskeda taʼ Jehovah, u dan għenu jibqaʼ ffokat fuq it-​twettiq taʼ l-​iskop t’Alla. B’kuntrast maʼ dan, l-​Iżraelin fi żmien il-​profeta Ħaggaj qalu: “Għad ma wasallux iż-​żmien.” (Ħaggaj 1:2) Ma żammewx il-​ħarsa tagħhom fuq iż-​żmien li kienu qed jgħixu fih, saru moħħhom biss fil-​kumditajiet u li jissodisfaw lilhom infushom, u telqu x-​xogħol li għalih inħelsu minn Babilonja, il-​bini mill-​ġdid tat-​tempju. Ħuna Liverance kkonkluda: “Mela ibqgħu ffokati billi żżommu l-​iskop taʼ Jehovah dejjem f’moħħkom.”

Lawrence Bowen, għalliem taʼ Gilgħad, għamilha taʼ kelliemi fil-​parti li kellha t-​tema “Jehovah Ibierek lil Dawk li Jużaw il-​Kelma l-​Ħajja.” (Lhud 4:12) Din il-​parti kienet tittratta dwar l-​esperjenzi tal-​klassi fl-​għalqa. Ukoll ġie enfasizzat kif Jehovah bierek lil dawk li jużaw il-​Bibbja meta jkunu qed jippridkaw u jgħallmu. Il-​kelliemi indika li Ġesù Kristu stabbilixxa eżempju mill-​aqwa għall-​ministri kollha t’Alla: ‘Ġesù setaʼ verament jgħid li dak li għallem hu ma kienx ġej minnu, iżda hu tkellem il-​Kelma t’Alla.’ Uħud taʼ qalb onestà għarfu l-​verità u wieġbu għaliha b’mod favorevoli. (Ġwann 7:​16, 17) Dan huwa l-​istess illum.

It-​Taħriġ taʼ Gilgħad Iħejji lil Dak li Jkun għal Kull Għemil Tajjeb

Imbagħad kien imiss lil Richard Abrahamson u lil Patrick LaFranca, membri għal żmien twil tal-​familja taʼ Betel, li jintervistaw lil sitt gradwati taʼ Gilgħad li issa qed jaqdu f’diversi forom taʼ servizz speċjali full-time. Il-​gradwati tal-​112-il klassi ġew inkuraġġiti meta semgħu li għaxriet taʼ snin wara, dawn is-​sitta, minkejja l-​inkarigu li għandhom bħalissa, għadhom jużaw it-​taħriġ li ngħataw f’Gilgħad fejn għandu x’jaqsam l-​istudju tal-​Bibbja, ir-​riċerka dwar xi proġetti, u biex jingwalawha man-​nies.

Theodore Jaracz, membru tal-​Ġemgħa li Tiggverna, ta t-​taħdita prinċipali tal-​programm. Kien jisimha “Dak li Nwettqu Meta Nissaportu l-​Mibegħda taʼ Satana.” Matul dawn l-​aħħar ħames xhur, l-​istudenti kienu qed jgħixu f’ambjent teokratiku u kollu mħabba. Madankollu, bħalma indikawlhom fl-​istudji tal-​klassi tagħhom, aħna qed ngħixu f’dinja li tobgħodna. In-​nies taʼ Jehovah madwar id-​dinja kollha jinsabu taħt attakk. (Mattew 24:9) Ħuna Jaracz uża diversi rakkonti Bibliċi biex juri li ‘aħna mira speċjali tax-​Xitan. Irridu nissodaw ir-​relazzjoni tagħna maʼ Jehovah u nissaħħu sabiex inkunu nifilħu niffaċċjaw il-​provi.’ (Ġob 1:8; Danjel 6:5 [6:​4, NW]; Ġwann 15:20; Apokalissi 12:​12, 17) Ħuna Jaracz ikkonkluda li, minkejja li l-​mibegħda kontra n-​nies t’Alla se tkompli, ‘ebda arma kontrina ma se tirnexxi, bħalma jgħid Isaija 54:17. Jehovah se jara li ninħelsu fiż-​żmien u bil-​mod tiegħu.’

‘Imħejjijin,’ il-​gradwati tal-​112-il klassi taʼ Gilgħad żgur li se jgħinu ħafna biex itaffu l-​ġuħ taʼ l-​ikel spiritwali fil-​pajjiżi fejn se jaqdu. (2 Timotju 3:​16, 17) Aħna nħarsu ’l quddiem bil-​ħerqa lejn rapporti dwar kif huma se jwasslu l-​messaġġ sustanzjuż lin-​nies f’dawn il-​pajjiżi.

[Kaxxa f’paġna 23]

STATISTIĊI TAL-​KLASSI

Numru taʼ pajjiżi rappreżentati: 6

Numru taʼ pajjiżi li ġew assenjati fihom: 19

Numru taʼ studenti: 48

Età medja: 33.2

Medja taʼ snin fil-​verità: 15.7

Medja taʼ snin fil-​ministeru full-time: 12.2

[Stampa f’paġna 24]

Il-​112-il Klassi li Ggradwat mill-​Iskola taʼ Gilgħad

Fil-​lista t’hawn taħt, ir-​ringieli huma nnumerati minn quddiem għal wara, u l-​ismijiet f’kull ringiela huma mniżżlin mix-​xellug għal-​lemin.

(1) Parotte, M.; Hooker, E.; Anaya, R.; Reynolds, J.; Gesualdi, K.; Gonzalez, J. (2) Robinson, C.; Phillips, B.; Maidment, K.; Moore, I.; Noakes, J.; Barnett, S. (3) Stires, T.; Palmer, B.; Yang, C.; Groothuis, S.; Groppe, T.; Bach, C. (4) Anaya, R.; Soukoreff, E.; Stewart, K.; Simozrag, N.; Simottel, C.; Bach, E. (5) Stewart, R.; Yang, H.; Gilfeather, A.; Harris, R.; Barnett, D.; Parotte, S. (6) Maidment, A.; Moore, J.; Groothuis, C.; Gilfeather, C.; Noakes, S.; Stires, T. (7) Gesualdi, D.; Groppe, T.; Soukoreff, B.; Palmer, G.; Phillips, N.; Simottel, J. (8) Harris, S.; Hooker, P.; Gonzalez, J.; Simozrag, D.; Reynolds, D.; Robinson, M.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja