LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w02 7/1 pp. 9-14
  • Jehovah Isebbaħ lill-Poplu Tiegħu bid-Dawl

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Jehovah Isebbaħ lill-Poplu Tiegħu bid-Dawl
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2002
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Mara Profetika Tixħet id-​Dawl
  • Ulied il-​Mara Jiġu d-​Dar!
  • Merkanti, Rgħajja, u Negozjanti Jiġu Għand Sijon
  • L-​Organizzazzjoni taʼ Jehovah Tkompli Tikber
  • Il-Qima Vera Tinfirex mad-Dinja Kollha
    Il-Profezija ta’ Isaija—Dawl għall-Bnedmin Kollha II
  • Il-Glorja taʼ Jehovah Tiddi Fuq il-Poplu Tiegħu
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2002
  • “L-Iżgħar Wieħed” Sar “Elf”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2000
  • Mistoqsijiet mill-Qarrejja
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2024
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2002
w02 7/1 pp. 9-14

Jehovah Isebbaħ lill-​Poplu Tiegħu bid-​Dawl

“Qum [ja mara]! Ħa jiddi wiċċek! Id-​dawl tiegħek wasal! Jiddi fuqek sebħ il-​Mulej!”—Isaija 60:1.

1, 2. (a) X’inhi l-​kundizzjoni taʼ l-​umanità? (b) Min hemm wara d-​dlam taʼ l-​umanità?

“O KEMM għandna bżonn taʼ xi Isaija jew xi San Pawl!” Din kienet il-​karba tal-​President Amerikan Harry Truman lura fis-​snin 40 tas-​seklu l-​ieħor. Għala qal hekk? Għaliex kien qed iħoss il-​bżonn li jkun hemm mexxejja morali taʼ l-​ogħla kalibru fid-​dinja taʼ żmienu. L-​umanità kienet għadha kemm għaddiet mill-​iktar perijodu mudlam tas-​seklu 20, it-​tieni gwerra dinjija. Madankollu, għalkemm il-​gwerra kienet spiċċat, id-​dinja ma kinitx tinsab fil-​paċi. Id-​dlam kien għadu hemm. Tabilħaqq, 57 sena wara li ntemmet dik il-​gwerra, id-​dinja għadha fid-​dlam. Kieku l-​President Truman kien għadu ħaj illum, żgur li xorta kien jara l-​ħtieġa li jkollna mexxejja morali tal-​kalibru taʼ Isaija jew taʼ l-​appostlu Pawlu.

2 Jekk il-​President Truman kienx jafha din il-​ħaġa jew le, l-​appostlu Pawlu tkellem dwar id-​dlam li jaħkem lill-​bnedmin, u wissa dwaru f’dak li kiteb. Per eżempju, hu wissa lil sħabu fit-​twemmin: “Il-​ġlieda tagħna m’hijiex kontra d-​demm u l-​laħam, imma kontra s-​Setgħat, kontra l-​Qawwiet, kontra l-​Prinċpijiet taʼ din id-​dinja taʼ dlamijiet, kontra l-​ispirti ħżiena li jgħammru fil-​wisaʼ tas-​smewwiet.” (Efesin 6:​12, korsiv tagħna.) B’dan il-​kliem Pawlu ma weriex biss li kien konxju tad-​dlam spiritwali li jiksi d-​dinja imma wkoll li kien jaf min hu s-​sors veru tiegħu—forzi demoniċi qawwijin deskritti bħala “Prinċpijiet taʼ din id-​dinja.” Ladarba wara d-​dlam taʼ din id-​dinja hemm spirti qawwijin, x’jistgħu jagħmlu l-​bnedmin biex jeħilsu minnu?

3. Minkejja l-​kundizzjoni mudlama tal-​bnedmin, Isaija x’bassar għal min hu leali?

3 Isaija, bl-​istess mod, tkellem dwar id-​dlam li qed jaħkem lill-​bnedmin. (Isaija 8:22; 59:9) Madankollu, waqt li ħares ’il quddiem lejn żmienna, hu bassar, taħt ispirazzjoni, li saħansitra f’dawn iż-​żminijiet mudlama, Jehovah kien se jdawwal il-​ħarsa taʼ min iħobb id-​dawl. Iva, għalkemm m’għandniex lil Pawlu u lil Isaija preżenti magħna, għandna fil-​fatt il-​kitbiet imnebbħin tagħhom biex jiggwidawna. Sabiex naraw kemm din hija barka għal dawk li jħobbu lil Jehovah, ejja nikkunsidraw il-​kliem profetiku taʼ Isaija li nsibu f’kapitlu 60 tal-​ktieb tiegħu.

Mara Profetika Tixħet id-​Dawl

4, 5. (a) Jehovah x’jikkmandaha tagħmel lil waħda mara, u liema wegħda jagħmel? (b) Isaija kapitlu 60 liema tagħrif eċċitanti fih?

4 L-​ewwel kliem taʼ Isaija kapitlu 60 jintqal lil waħda mara li tinsab f’sitwazzjoni tassew taʼ niket—mixħuta minn tulha maʼ l-​art fid-​dlam. F’daqqa waħda, dawl jinfed id-​dlam, u Jehovah isejħilha: “Qum [ja mara]! Ħa jiddi wiċċek! Id-​dawl tiegħek wasal! Jiddi fuqek sebħ il-​Mulej!” (Isaija 60:1) Wasal iż-​żmien biex din il-​mara tqum bil-​wieqfa u tirrifletti d-​dawl t’Alla, il-​glorja tiegħu. Għala? It-​tweġiba narawha fit-​tieni vers: “Ara d-​dlamijiet jiksu l-​art, u sħab iswed il-​popli: iżda fuqek jiddi l-​Mulej, u sebħu jfiġġ fuqek.” (Isaija 60:2) Meta l-​mara tobdi l-​kmand taʼ Jehovah, tiġi aċċertata li se jkollha riżultat taʼ l-​għaġeb. Jehovah jgħid: “Il-​ġnus għad jimxu fid-​dawl tiegħek, u s-​slaten fid-​dija taʼ sbiħek.”—Isaija 60:3.

5 Il-​kliem eċċitanti f’dawn it-​tliet versi huwa kemm introduzzjoni għall-​kumplament taʼ Isaija kapitlu 60 kif ukoll ġabra fil-​qosor tiegħu. Ibassar l-​esperjenzi taʼ mara profetika u jispjega kif aħna nistgħu ngħixu fid-​dawl taʼ Jehovah minkejja d-​dlam li jaħkem lill-​bnedmin. Iżda, xi jfissru preċiżament is-​simboli li hemm f’dawn l-​ewwel tliet versi?

6. Min hi l-​mara li tissemma f’Isaija kapitlu 60, u min jirrappreżentaha fuq l-​art?

6 Il-​mara taʼ Isaija 60:​1-3 hija Sijon, l-​organizzazzjoni taʼ Jehovah fis-​sema magħmula minn ħlejjaq spirti. Illum, Sijon hija rappreżentata fuq l-​art mill-​fdal taʼ l-​“Iżrael taʼ Alla,” il-​kongregazzjoni internazzjonali taʼ Kristjani midlukin bl-​ispirtu li għandhom it-​tama li jsaltnu maʼ Kristu fis-​sema. (Galatin 6:16) Dan il-​ġens spiritwali se jkollu b’kollox 144,000 membru, u t-​twettiq modern taʼ Isaija kapitlu 60 jiċċentra fuq dawk minnhom li jkunu ħajjin fuq l-​art matul “l-​aħħar tad-​dinja.” (2 Timotju 3:1; Apokalissi 14:1) Il-​profezija għandha wkoll ħafna xi tgħid dwar sħab dawn il-​Kristjani midlukin, il-​“kotra kbira” taʼ “nagħaġ oħra.”—Apokalissi 7:9; Ġwann 10:16.

7. X’kienet il-​kundizzjoni taʼ Sijon fl-​1918, u kif kien ġie profetizzat dan?

7 Kien hemm xi żmien meta l-​“Iżrael taʼ Alla” kien mixħut fid-​dlam, bħalma ġie ffigurat bil-​quddiem minn din il-​mara profetika? Iva, dan seħħ iktar minn 80 sena ilu. Matul l-​ewwel gwerra dinjija, il-​Kristjani midlukin kellhom taqbida iebsa biex iżommu x-​xogħol taʼ għoti taʼ xiehda għaddej. Imma fl-​1918, l-​aħħar sena tal-​gwerra, ix-​xogħol organizzat taʼ l-​ippridkar tistaʼ tgħid li waqaf għalkollox. Joseph F. Rutherford, li kien qed jindokra x-​xogħol taʼ l-​ippridkar madwar id-​dinja, u Kristjani prominenti oħrajn ngħataw sentenzi twal taʼ ħabs fuq akkużi foloz. Fil-​ktieb taʼ l-​Apokalissi, il-​Kristjani midlukin, li f’dak iż-​żmien ikunu fuq l-​art, ġew deskritti profetikament bħala iġsma mejtin imħollijin “fil-​pjazza tal-​Belt il-​Kbira, li jsejjħulha b’tixbiha Sodoma u Eġittu.” (Apokalissi 11:8) Dak kien verament żmien mudlam għal Sijon, kif rappreżentata minn uliedha l-​midlukin fuq l-​art!

8. Liema bidla impressjonanti seħħet fl-​1919, u b’liema riżultat?

8 Madankollu, is-​sena 1919 rat bidla impressjonanti. Jehovah xeħet id-​dawl fuq Sijon! Dawk mill-​Iżrael t’Alla li baqgħu ħajjin qamu fuq saqajhom sabiex jirriflettu d-​dawl t’Alla, billi bla biżaʼ reġgħu bdew jipproklamaw l-​aħbar tajba. (Mattew 5:​14-16) Grazzi għaż-​żelu li reġaʼ tnissel f’dawn il-​Kristjani, kien hemm oħrajn li nġibdu lejn id-​dawl taʼ Jehovah. Għall-​ewwel, dawn kienu midlukin bħala membri ġodda taʼ l-​Iżrael t’Alla. Huma deskritti bħala slaten f’Isaija 60:​3, ladarba se jkunu werrieta bi sħab maʼ Kristu fis-​Saltna t’Alla fis-​sema. (Apokalissi 20:6) Iktar tard, kotra kbira taʼ nagħaġ oħra bdiet tinġibed lejn id-​dawl taʼ Jehovah. Dawn huma l-​“ġnus” li jissemmew fil-​profezija.

Ulied il-​Mara Jiġu d-​Dar!

9, 10. (a) Liema dehra meraviljuża rat quddiemha l-​mara, u dan x’iffigura bil-​quddiem? (b) Sijon liema raġuni kellha biex tifraħ?

9 Issa, Jehovah jibda jagħti iktar dettalji dwar it-​tagħrif mogħti f’Isaija 60:​1-3. Hu jagħti kmand ieħor lill-​mara. Ismaʼ sewwa x’jgħidilha: “Għolli u dawwar għajnejk madwarek u ara.” Il-​mara tobdi, u x’dehra li tqanqal il-​qalb tara b’għajnejha! Uliedha ġejjin id-​dar. L-​iskrittura tkompli tgħid: “Lkoll miġbura ġejjin għandek. Uliedek ġejjin mill-​bogħod, u bnietek iġorruhom fuq id-​dirgħajn.” (Isaija 60:4) L-​ipproklamar tas-​Saltna mad-​dinja kollha li beda fl-​1919 ġibed eluf taʼ wħud ġodda lejn is-​servizz taʼ Jehovah. Dawn ukoll saru ‘wlied subien u bniet’ taʼ Sijon, membri midlukin taʼ l-​Iżrael t’Alla. B’hekk, Jehovah sebbaħ lil Sijon billi ressaq lill-​aħħar ftit mill-​144,000 lejn id-​dawl.

10 Tistaʼ int timmaġina l-​ferħ taʼ Sijon issa li għandha lil uliedha magħha? Madankollu, Jehovah jagħtiha raġunijiet oħrajn għalxiex tifraħ lil Sijon. Naqraw: “Mbagħad tħares u wiċċek jiddi, u tħabbat u timtela qalbek, għax fuqek taqaʼ l-​kotra tal-​ġid taʼ l-​ibħra, u l-​għana tal-​ġnus jiġi għandek.” (Isaija 60:5) Fi qbil maʼ dan il-​kliem profetiku, mis-​snin 30 tas-​seklu 20 ’l hawn, kotriet taʼ Kristjani bit-​tama li jgħixu għal dejjem fuq l-​art ġew bi ħġarhom lejn Sijon. Dawn ħarġu mill-​‘baħar’ tal-​bnedmin imbegħdin minn Alla u jirrappreżentaw ir-​riżorsi tal-​ġnus. Huma “l-​ġid kollu tal-​popli.” (Ħaggaj 2:7; Isaija 57:20) Innota, ukoll, li dawk li jifformaw dan il-​“ġid” ma jissoktawx jaqdu lil Jehovah kull wieħed kif jidhirlu hu. Le, dawn iżidu mas-​sbuħija taʼ Sijon billi jiġu jqimu fi sħubija maʼ ħuthom il-​midlukin, u magħhom isiru “merħla waħda” taħt “ragħaj wieħed.”—Ġwann 10:16.

Merkanti, Rgħajja, u Negozjanti Jiġu Għand Sijon

11, 12. Iddeskrivi l-​folol li jidhru sejrin lejn Sijon.

11 Ir-​riżultat taʼ dan il-​ġbir imbassar huwa żjieda taʼ l-​għaġeb fl-​għadd taʼ nies li jfaħħru lil Jehovah. Dan huwa mbassar fil-​kliem li jmiss tal-​profezija. Immaġinak qiegħed bil-​wieqfa mal-​mara profetika fuq il-​Muntanja Sijon. X’tara int u tħares lejn il-​lvant? “Mrieħel taʼ iġmla . . . jgħattuk, l-​iġmla żgħar taʼ Midjan u Għefa; lkoll minn Seba jiġu, mgħobbija bid-​deheb u l-​inċens, u jxandru t-​tifħir tal-​Mulej.” (Isaija 60:6) Folol taʼ merkanti bil-​karavani tagħhom misjuqin mill-​iġmla qed jivvjaġġaw tul it-​triq li tagħti għal Ġerusalemm. L-​iġmla huma bħal għargħar li jiksi l-​art! In-​negozjanti qed iġorru rigali taʼ valur, ‘deheb u inċens.’ U dawn il-​merkanti jiġu lejn id-​dawl t’Alla sabiex ifaħħruh pubblikament, “ixandru t-​tifħir tal-​Mulej.”

12 Mhux il-​merkanti biss hemm għaddejjin. Hemm rgħajja wkoll li ġejjin lejn Sijon. Il-​profezija tkompli tgħid: “L-​imrieħel kollha taʼ Kedar jinġabru fik, u l-​kbiex taʼ Nebajot jaqduk.” (Isaija 60:7a) Tribujiet sħaħ taʼ rgħajja ġejjin lejn il-​belt qaddisa biex joffru l-​aħjar mill-​merħliet tagħhom lil Jehovah. Huma saħansitra joffru lilhom infushom biex jaqdu lil Sijon! Jehovah kif jilqagħhom lil dawn il-​barranin? Alla nnifsu jwieġeb: “Jilqgħuhom u joffruhom fuq l-​artal tiegħi, u jiena nsebbaħ dar il-​kobor tiegħi.” (Isaija 60:7b) Jehovah jaċċetta bil-​ħlewwa l-​offerti u s-​servizz taʼ dawn il-​barranin. Il-​preżenza tagħhom issebbaħ it-​tempju tiegħu.

13, 14. X’jidher ġej mill-​punent?

13 Issa dawwar wiċċek u ifli sewwa x-​xefaq lejn il-​punent. X’tara? Fil-​bogħod, hemm bħal sħaba bajda għaddejja fuq wiċċ il-​baħar. Jehovah jistaqsi l-​mistoqsija li qed tberren f’moħħok: “Min huma dawn li bħal sħab jittajjru, bħal ħamiem lejn il-​bejtiet tagħhom?” (Isaija 60:8) Jehovah iwieġeb il-​mistoqsija tiegħu stess: “Għalija jinġabru l-​bastimenti tal-​gżejjer, bl-​iġfna taʼ Tarsis quddiemnett, biex iġibu ’l uliedek mill-​bogħod, u magħhom il-​fidda u dehebhom, f’ġieħ isem Jaħweh Alla tiegħek, il-​Qaddis taʼ Iżrael, għax hu li sebbħek.”—Isaija 60:9.

14 Tistaʼ timmaġina din ix-​xena quddiem għajnejk? Dik is-​sħaba bajda resqet iktar qrib u issa tidher qisha ħafna tikek żgħar ’il bogħod lejn il-​punent. Tidher qisha qatgħa għasafar titliegħeb mal-​mewġ. Imma hekk kif jibdew joqorbu iktar, tinduna li huma bastimenti bil-​qlugħ miftuħin biex jonfoħhom ir-​riħ. Tant hemm iġfna jbaħħru lejn Ġerusalemm li qishom qatgħa ħamiem. Minn portijiet fil-​bogħod, il-​flotta għaddejja b’veloċità qawwija filwaqt li ġġib adoraturi lejn Ġerusalemm biex iqimu lil Jehovah.

L-​Organizzazzjoni taʼ Jehovah Tkompli Tikber

15. (a) Il-kliem taʼ Isaija 60:​4-9 liema żjieda jbassar? (b) Il-​Kristjani ġenwini liema spirtu juru?

15 Xi stampa profetika qawwija jagħtuna versi 4 sa 9 tat-​tkabbir mad-​dinja kollha li seħħ mill-​1919 ’l hawn! Jehovah għala bierek lil Sijon b’żjieda bħal din? Għaliex mill-​1919 ’l hawn, l-​Iżrael t’Alla obda u xeħet id-​dawl taʼ Jehovah bla waqfien. Indunajt, iżda, li skond vers 7, dawn li għadhom kif waslu ‘joffru [ruħhom] fuq l-​artal t’Alla’? Artal hu l-​post fejn isiru s-​sagrifiċċji, u din il-​karatteristika tal-​profezija tfakkarna li s-​servizz taʼ Jehovah jinvolvi sagrifiċċju. L-​appostlu Pawlu kiteb: “Nitlobkom . . . offru ġisimkom b’sagrifiċċju ħaj, qaddis, jogħġob lil Alla, jiġifieri l-​qima spiritwali tagħkom.” (Rumani 12:1) Fi qbil mal-​kliem taʼ Pawlu, il-​Kristjani ġenwini m’humiex sodisfatti biss b’li jattendu xi servizzi reliġjużi darba fil-​ġimgħa. Huma jagħtu minn ħinhom, mill-​enerġija tagħhom, u mir-​riżorsi tagħhom biex iġibu ’l quddiem il-​qima safja. Ma ssebbaħhiex lil dar Jehovah il-​preżenza t’adoraturi devoti bħal dawn? Il-​profezija taʼ Isaija qalet li hekk jiġri. U nistgħu nkunu ċerti li dawn l-​adoraturi żelużi huma, mill-​banda l-​oħra, sbieħ f’għajnejh Jehovah.

16. Min għen fix-​xogħol taʼ bini mill-​ġdid fl-​antik, u min għamel hekk fi żmienna?

16 L-​uħud li għadhom kif waslu jridu xogħol x’jagħmlu. Il-​profezija tkompli tgħid: “Il-​barranin jibnulek swarek, u jaqduk is-​slaten tagħhom.” (Isaija 60:10) Fl-​ewwel twettiq taʼ dan il-​kliem, fi żmien il-​miġja lura mill-​eżilju f’Babilonja, kien hemm slaten u oħrajn mill-​ġnus li fil-​fatt għenu fil-​bini mill-​ġdid tat-​tempju u tal-​belt taʼ Ġerusalemm. (Esdra 3:7; Neħemija 3:26) Fit-​twettiq taʼ żmienna, il-​kotra kbira appoġġat lill-​fdal midluk fil-​bini tal-​qima vera. Għenu fit-​twaqqif taʼ kongregazzjonijiet Kristjani, u b’hekk qed isaħħu s-​‘swar’ taʼ l-​organizzazzjoni taʼ Jehovah li hija bħal belt. Huma jieħdu sehem ukoll f’xogħol taʼ bini letterali—jibnu Swali tas-​Saltna, Swali għall-​Assembleat, u djar taʼ Betel. B’dawn il-​modi kollha, huma jappoġġaw lil ħuthom il-​midlukin biex jieħdu ħsieb il-​bżonnijiet taʼ l-​organizzazzjoni taʼ Jehovah li dejjem qed tikber!

17. Liema hu mod wieħed kif Jehovah isebbaħ lin-​nies tiegħu?

17 Kemm iqawwilna qalbna l-​kliem finali taʼ Isaija 60:10! Jehovah jgħid: “Jekk sawwattek fil-​qilla tiegħi, fil-​ħniena tiegħi jien ħennejt għalik.” Iva, lura fl-​1918/19, Jehovah iddixxiplina lin-​nies tiegħu. Imma dak għadda. Issa huwa ż-​żmien biex Jehovah juri ħniena lill-​qaddejja midlukin tiegħu u lil sħabhom in-​nagħaġ oħra. L-​evidenza taʼ dan tidher fiż-​żjieda straordinarja li berikhom biha, u b’dan il-​mod ‘sebbaħhom.’

18, 19. (a) Jehovah liema wegħda jagħmel dwar l-​uħud ġodda li deħlin fl-​organizzazzjoni tiegħu? (b) X’jgħidulna l-​versi li baqaʼ minn kapitlu 60 taʼ Isaija?

18 Kull sena, mijiet taʼ eluf oħrajn taʼ “barranin” qed jissieħbu maʼ l-​organizzazzjoni taʼ Jehovah, u t-​triq se tibqaʼ miftuħa għal ħafna iktar biex isegwuhom. Jehovah jgħid lil Sijon: “Il-​bibien tiegħek ikunu miftuħin dejjem, lejl u nhar ma jingħalqux, biex jiġi għandek il-​ġid tal-​ġnus, u s-​slaten tagħhom miexja quddiem.” (Isaija 60:11) Xi wħud li jopponu jipprovaw jagħlquhom dawn il-​“bibien,” imma aħna nafu li mhux se jirnexxilhom. Jehovah innifsu qal li b’mod jew ieħor, il-​bibien se jibqgħu miftuħin. Iż-​żjieda se tkompli sejra.

19 Hemm jerġaʼ modi oħrajn kif Jehovah bierek u sebbaħ lin-​nies tiegħu f’dawn l-​aħħar jiem. Il-​versi li baqaʼ minn Isaija kapitlu 60 jirrivelaw profetikament x’inhuma dawn il-​modi.

Tistaʼ Tispjega?

• Min hi l-​“mara” t’Alla, u min jirrappreżentaha fuq l-​art?

• Ulied Sijon meta kienu mixħutin minn tulhom maʼ l-​art, u meta u kif ‘qamu’?

• Waqt li uża simboli differenti, Jehovah kif bassar iż-​żjieda taʼ llum f’dawk li huma predikaturi tas-​Saltna?

• Jehovah b’liema modi ġiegħel li d-​dawl jiddi fuq in-​nies tiegħu?

[Stampa f’paġna 10]

Il-​“mara” taʼ Jehovah tiġi kmandata tqum

[Stampa f’paġna 12]

Il-​flotta taʼ bastimenti tidher qisha ħamiem fuq ix-​xefaq

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja