Il-Mixi fil-Mogħdijiet taʼ Jehovah Iġib Premjijiet Kbar
QATT mort xi mixja fuq il-muntanji? Jekk mort, x’aktarx li ħassejtek bħallikieku kont qiegħed fuq il-quċċata tad-dinja. Kemm ħadt gost tieħu dik l-arja friska, tara tant ’il bogħod, titgħaxxaq b’dik is-sbuħija naturali! Forsi t-tħassib tad-dinja taʼ taħtek ħassejtu inqas importanti.
Għall-biċċa l-kbira min-nies, ħarġiet bħal dawn huma ftit u rari, imma jekk int Kristjan dedikat, għandek mnejn ilek timxi fuq art muntanjuża għal xi żmien—f’sens spiritwali. Bħas-salmista tal-qedem, bla dubju int tlabt: “Triqatek, Mulej, għarrafni, il-mogħdijiet tiegħek għallimni.” (Salm 25:4) Tiftakar kif ħassejtek meta tlajt għall-ewwel darba fuq l-għolja tad-dar taʼ Jehovah u bdejt timxi fuq l-għoljiet? (Mikea 4:2; Ħabakkuk 3:19) Bla dubju, int malajr indunajt li l-mixi f’dawn il-mogħdijiet għoljin taʼ qima pura ġablek protezzjoni u ferħ. Bdejt tħossok bħas-salmista: “Hieni l-poplu li jaf jgħajjat bil-ferħ, li jimxi, Mulej, fid-dawl taʼ wiċċek.”—Salm 89:16 (89:15, NW).
Kultant, iżda, dawk li jmorru jimxu fuq il-muntanji jkollhom jitħabtu maʼ tlajjaʼ twal u weqfin. Riġlejhom jibdew juġgħuhom, u jibdew jgħejjew. Aħna wkoll nistgħu nġarrbu diffikultajiet fis-servizz tagħna lil Alla. Forsi dan l-aħħar il-passi tagħna saru kemxejn tqal. Kif nistgħu nerġgħu niksbu s-saħħa u l-ferħ tagħna? L-ewwel pass hu li nagħrfu s-superjorità tat-triqat taʼ Jehovah.
Il-Liġijiet Għoljin taʼ Jehovah
It-triqat taʼ Jehovah huma ‘’l fuq minn triqat il-bniedem,’ u l-qima tiegħu ‘għoliet ’il fuq mill-muntanji u ntrefgħet ’il fuq mill-għoljiet.’ (Isaija 55:9; Mikea 4:1) L-għerf taʼ Jehovah huwa “l-għerf li ġej mis-sema.” (Ġakbu 3:17) Il-liġijiet tiegħu huma superjuri għal-liġijiet l-oħra kollha. Per eżempju, fiż-żmien meta l-Kangħanin kienu joffru lit-tfal f’sagrifiċċji krudili, Jehovah ta lill-Iżraelin liġijiet li kienu għoljin moralment u li fihom kienet tispikka il-mogħdrija. Hu qalilhom: “La tħarisx lejn wiċċ il-fqir; lanqas ma tweġġaħ lill-kbir għal wiċċu . . . Ikun għalikom il-barrani bħal wieħed taʼ ġewwa; ħobbu bħalek innifsek.”—Levitiku 19:15, 34.
Ħmistax-il seklu wara, Ġesù ta iktar eżempji tal-liġi maestuża taʼ Jehovah. (Isaija 42:21) Fil-Priedka taʼ fuq il-Muntanja, hu qal lid-dixxipli tiegħu: “Ħobbu lill-għedewwa tagħkom, u itolbu għal dawk li jippersegwitawkom, biex tkunu wlied Missierkom li hu fis-smewwiet.” (Mattew 5:44, 45) “Mela dak kollu li tridu li l-bnedmin jagħmlu lilkom, agħmluh ukoll intom lilhom,” żied hu, “għax din hi l-Liġi u l-Profeti.”—Mattew 7:12.
Dawn il-liġijiet għoljin għandhom effett fuq il-qlub tan-nies li huma ħfief biex iwieġbu favorevolment, u jqanqluhom jimitaw lil dak Alla li huma jaqdu. (Efesin 5:1; 1 Tessalonikin 2:13) Aħseb dwar it-trasformazzjoni li seħħet fil-każ taʼ Pawlu. Meta nisimgħu dwaru għall-ewwel darba, hu kien qed japprova l-qtil taʼ Stiefnu u kien qed “jagħmel ħerba mill-Knisja.” Ftit snin biss wara, hu kien qed jittratta l-Kristjani f’Tessalonika b’ġentilezza bħalma “omm [li] traddaʼ tħaddan lil uliedha.” It-tagħlim divin biddel lil Pawlu minn persekutur għal Kristjan li jieħu interess. (Atti 8:1, 3; 1 Tessalonikin 2:7) Żgur li kien grat li l-personalità tiegħu kienet ġiet magħġuna permezz tat-tagħlim taʼ Kristu. (1 Timotju 1:12, 13) Apprezzament bħal dan kif jistaʼ jgħinna nkomplu mexjin fil-mogħdijiet għoljin t’Alla?
Nimxu b’Apprezzament
Dawk li jħobbu jimxu fuq il-muntanji jitgħaxxqu bil-veduti spettakolari li jidhru minn hemmhekk. Jitgħallmu wkoll jinnotaw u japprezzaw l-affarijiet żgħar li jiltaqgħu magħhom huma u mexjin, bħal xi blata partikulari, xi fjura sabiħa, jew xi annimal salvaġġ li jkunu lemħu kemm kemm. Spiritwalment, aħna rridu niftħu għajnejna għall-premjijiet—kbar u żgħar—li jiġu mill-mixi tagħna m’Alla. Il-fatt li nkunu konxji taʼ dan jistaʼ jagħti s-saħħa mill-ġdid lill-mixi tagħna u minn mixja li tagħtina battikata tinbidel f’waħda li tagħtina l-enerġija. Se ntennu l-kliem taʼ David: “Fakkarni mas-sebħ fi tjubitek, għax fik jien nittama. Għarrafni t-triq li minnha għandi ngħaddi.”—Salm 143:8.
Mary, li ilha miexja għal ħafna snin fil-mogħdijiet taʼ Jehovah, tgħid: “Meta nħares lejn il-ħolqien taʼ Jehovah, ma narax biss id-disinn elaborat imma wkoll il-personalità mimlija mħabba li għandu Alla. Sew jekk ikun annimal, għasfur, jew insett, kull wieħed huwa dinja ċkejkna li tant issaħħrek. L-istess pjaċir jiġi mill-veritajiet spiritwali li jiċċaraw matul is-snin.”
Kif nistgħu nkabbru l-apprezzament tagħna? Sa ċertu punt, billi ma nqisux ħafif ħafif dak li Jehovah jagħmel għalina. “Itolbu bla heda,” kiteb Pawlu. “Iżżu ħajr lil Alla f’kollox.”—1 Tessalonikin 5:17, 18; Salm 119:62.
L-istudju persunali jgħinna nikkultivaw spirtu taʼ gratitudni. Pawlu ħeġġeġ lill-Kristjani Kolossin: “Għixu mela magħqudin [maʼ Kristu Ġesù]; . . . issaħħu fil-fidi, . . . u mtlew bil-gratitudni.” (Kolossin 2:6, 7) Il-qari tal-Bibbja u l-meditazzjoni dwar dak li naqraw isaħħu l-fidi tagħna u jressquna eqreb taʼ l-Awtur tal-Bibbja. Fil-paġni tagħha hemm teżori li jistgħu jqanqluna biex ‘nimtlew bil-gratitudni.’
Il-fatt li naqdu lil Jehovah flimkien maʼ ħutna wkoll jagħmel it-triq iktar faċli. Is-salmista jgħid dwaru nnifsu: “Nissieħeb maʼ kull min għandu l-biżaʼ tiegħek.” (Salm 119:63) Ftit mill-isbaħ mumenti tagħna jkunu fl-assembleat Kristjani jew f’okkażjonijiet oħrajn fil-kumpanija taʼ ħutna. Aħna nirrikonoxxu li l-familja Kristjana prezzjuża tagħna li tinsab mad-dinja kollha teżisti minħabba Jehovah u t-triqat għoljin tiegħu.—Salm 144:15b.
Minbarra l-apprezzament, sens taʼ responsabbiltà se jsaħħaħna biex inkomplu mexjin ’il quddiem fil-mogħdijiet għoljin taʼ Jehovah.
Nimxu b’Mod Responsabbli
Dawk li jħobbu jimxu fuq il-muntanji u li jkollhom sens taʼ responsabbiltà jagħrfu l-bżonn li joqogħdu attenti kif jimxu jekk ma jridux jintilfu jew jitbiegħdu minn triqithom u jispiċċaw qrib xi rdum perikoluż. Bħala persuni li nistgħu nagħżlu x’nagħmlu, Jehovah iħallilna ammont raġunevoli taʼ libertà u inizjattiva. Imma libertà bħal din tirrikjedi sens taʼ responsabbiltà hekk kif inwettqu l-obbligi Kristjani tagħna.
Per eżempju, Jehovah jafda fil-qaddejja tiegħu li dawn se jwettqu l-obbligi tagħhom b’mod responsabbli. Ma jgħidilniex kemm għandna nużaw enerġija u ħin fl-attivitajiet Kristjani jew kemm għandna nikkontribwixxu finanzjarjament jew b’modi oħrajn. Minflok, il-kliem taʼ Pawlu lill-Korintin japplika għalina lkoll: “Kull wieħed għandu jagħti skond ma jidhirlu hu minn rajh.”—2 Korintin 9:7; Lhud 13:15, 16.
L-għoti Kristjan b’mod responsabbli jinkludi li naqsmu l-aħbar tajba m’oħrajn. Anki meta nikkontribwixxu għax-xogħol tas-Saltna mad-dinja kollha nkunu qed nuru li għandna sens taʼ responsabbiltà. Gerhardt, anzjan, jispjega li hu u martu żiedu l-kontribuzzjonijiet tagħhom mhux ħażin wara li attendew assemblea fl-Ewropa tal-Lvant. “Rajna li ħutna hemmhekk tant għandhom ftit affarijiet materjali; però tant japprezzaw il-letteratura Biblika tagħna,” jgħid hu, “u għalhekk iddeċidejna li ridna nagħtu appoġġ kemm nifilħu lil ħutna f’pajjiżi oħra li jinsabu fil-bżonn.”
Nitgħallmu Nissaportu Iktar
Il-mixi fuq il-muntanji jitlob li individwu jkun jiflaħ jimxi għal ħin twil bla ma jċedi għall-għeja. Dawk li jħobbu jimxu fuq il-muntanji jagħmlu l-eżerċizzju kulmeta jkunu jistgħu, u ħafna jmorru għal xi mixja żgħira biex jippreparaw ruħhom għal mixjiet twal. B’mod simili, Pawlu rrikkmandalna biex nibqgħu nħabirku fl-attivitajiet teokratiċi sabiex nibqgħu f’qagħda spiritwali tajba. Dawk li jixtiequ ‘jgħixu sewwa kif jixraq’ lil Jehovah u ‘jitwettqu bil-qawwa kollha,’ qal Pawlu, għandhom ‘jogħġbuh f’kollox bil-frott taʼ kull opra tajba.’—Kolossin 1:10, 11.
Il-motivazzjoni teffettwa kemm dak li jkun jissaporti fil-mixi tiegħu fuq il-muntanji. Kif? Il-fatt li jiffoka fuq objettiv ċar, bħal xi muntanja fil-bogħod, iġagħlu jibqaʼ għaddej. U meta jasal f’ċerti postijiet tul it-triq, jistaʼ jkejjel il-progress li għamel biex jilħaq il-mira finali tiegħu. Hekk kif iħares lura lejn it-triq twila li jkun diġà mexa, hu jħossu sodisfatt.
Bl-istess mod, it-tama tagħna taʼ ħajja taʼ dejjem issostnina u timmotivana. (Rumani 12:12) Sadattant, hekk kif nimxu fit-triqat taʼ Jehovah, inħossuna sodisfatti meta nagħmlu miri Kristjani u nilħquhom. U kemm inħossuna ferħanin meta nħarsu lura lejn is-snin kollha taʼ servizz leali jew nosservaw il-bidliet li għamilna fil-personalità tagħna!—Salm 16:11.
Sabiex jimxu distanzi twal u ma jaħlux l-enerġija, dawk li jimxu jagħmlu dan b’pass konsistenti. B’mod simili, rutina tajba li tinkludi laqgħat u servizz taʼ l-għalqa regulari se żżommna mexjin bil-ħerqa lejn il-mira tagħna. B’hekk, Pawlu inkuraġġixxa lill-Kristjani sħabu biex ikomplu mexjin bl-ordni fl-istess rutina.—Filippin 3:16.
M’għandniex xi ngħidu, aħna ma nimxux waħedna fil-mogħdijiet taʼ Jehovah. “Naraw kif nistgħu nħajjru lil xulxin għall-imħabba u għall-għemil tajjeb,” jikteb Pawlu. (Lhud 10:24) Kumpanija spiritwali tajba se tagħmilhielna iktar faċli biex inżommu l-pass hekk kif nimxu maʼ sħabna fit-twemmin.—Proverbji 13:20.
Fl-aħħar, u l-iktar importanti, m’għandna qatt ninsew il-qawwa li jagħti Jehovah. Dawk li l-qawwa tagħhom hi f’Jehovah se “jimxu u aktar jissaħħu.” (Salm 84:6, 8 [84:5, 7, NW]) Għalkemm xi drabi jkollna ngħaddu minn art imħarbta, bl-għajnuna taʼ Jehovah nistgħu nirnexxu.