Jehovah Jimpurtah Minnek
“Ixħtu [fuq Alla] l-ħsibijiet kollha tagħkom għax hu jaħseb fikom.”—1 Pietru 5:7.
1. Jehovah u Satana f’liema ħaġa importanti huma kompletament l-oppost taʼ xulxin?
JEHOVAH u Satana huma kompletament l-oppost taʼ xulxin. Kulmin iħossu miġbud lejn Jehovah, bilfors li jħoss li x-Xitan jiddiżgustah. Dan il-kuntrast jissemma fi ktieb taʼ referenza popolari. Rigward l-attivitajiet taʼ Satana kif jissemmew fil-ktieb Bibliku taʼ Ġob, l-Encyclopædia Britannica (1970) tgħid: ‘Xogħol Satana huwa li jdur maʼ l-art ifittex atti jew persuni biex jirrapporta kontrihom; b’hekk hu jaħdem il-kontra taʼ “għajnejn il-Mulej,” li jiġru fuq l-art biex isaħħu kulma hu tajjeb (II Kron. xvi, 9). Satana ma jemminx li l-bnedmin jistgħu jagħmlu t-tajjeb mingħajr motiv egoistiku, u jitħalla jittestja dan taħt l-awtorità u l-kontroll t’Alla u fil-limiti li jqiegħed Alla.’ Iva, x’kuntrast dak!—Ġob 1:6-12; 2:1-7.
2, 3. (a) It-tifsir tal-kelma “Xitan” kif jintwera tajjeb minn dak li ġralu Ġob? (b) Il-Bibbja kif turi li Satana għadu jixli lill-qaddejja taʼ Jehovah fuq l-art?
2 Il-kelma “Xitan” ġejja mill-kelma Griega li tfisser “xellej falz,” “kalunnjatur.” Il-ktieb taʼ Ġob juri li Ġob, qaddej leali taʼ Jehovah, ġie mixli minn Satana li kien qed jaqdi lil Jehovah għax kien jaqbillu. Satana qal: “Tgħid għal xejn Ġob jibżaʼ minn Alla?” (Ġob 1:9) Ir-rakkont fil-ktieb taʼ Ġob juri li minkejja l-provi li kellu, Ġob resaq ħafna eqreb taʼ Jehovah. (Ġob 10:9, 12; 12:9, 10; 19:25; 27:5; 28:28) Wara l-esperjenza kerha li kellu, hu qal lil Alla: “Fuqek jien b’widnejja smajt; imma issa b’għajnejja rajtek.”—Ġob 42:5.
3 Waqaf Satana jixlihom lill-qaddejja leali t’Alla minn żmien Ġob ’l hawn? Le. Il-ktieb t’Apokalissi juri li f’dan iż-żmien tat-tmiem, Satana qed ikompli jixli lill-aħwa midlukin taʼ Kristu u ċertament ukoll lil sħabhom leali. (2 Timotju 3:12; Apokalissi 12:10, 17) Għaldaqstant, aħna lkoll bħala Kristjani veri għandna bżonn ħafna li nissottomettu ruħna lejn Alla Jehovah, li jieħu ħsiebna ferm, billi naqduh imqanqlin mill-imħabba profonda li għandna lejh, u b’hekk nuru li l-akkuża taʼ Satana hija falza. Jekk nagħmlu hekk, se nferrħu qalb Jehovah.—Proverbji 27:11.
Jehovah Ifittex Kif Jgħinna
4, 5. (a) B’kuntrast maʼ Satana, Jehovah xi jfittex fuq l-art? (b) Biex nesperjenzaw il-favur taʼ Jehovah, x’hemm bżonn min-naħa tagħna?
4 Ix-Xitan idur maʼ l-art, u jfittex li jixli u jiblaʼ lil xi ħadd. (Ġob 1:7, 9; 1 Pietru 5:8) B’kuntrast, Jehovah ifittex li jgħin lil dawk li għandhom bżonn is-saħħa tiegħu. Il-profeta Ħanani qal lis-Sultan Asa: “Għajnejh [Jehovah] jiġru fuq l-art kollha, isaħħaħ lil dawk li qalbhom marbuta fis-sħiħ miegħu.” (2 Kronaki 16:9) X’differenza bejn Satana li jiflilna l-irqaqat kollha u Jehovah li jieħu ħsiebna b’imħabba!
5 Jehovah mhux qed jispijana biex jipprova jaqbad kull difett u nuqqas tagħna. Is-salmista kiteb: “Jekk tal-ħtijiet int tagħti kas, Mulej, Sidi, min jistaʼ jżomm sħiħ?” (Salm 130:3) It-tweġiba indikata hi: ħadd. (Koħèlet 7:20) Jekk nersqu qrib Jehovah b’qalb sħiħa, għajnejh se jkunu fuqna, mhux biex jikkundannawna, imma biex jaraw l-isforzi li nagħmlu u jwieġbu t-talb tagħna għall-għajnuna u l-maħfra. L-appostlu Pietru kiteb: “Għajnejn il-Mulej huma fuq il-ġusti u widnejh miftuħa għat-talb tagħhom. Imma [“wiċċ Jehovah qiegħed kontra,” NW] dawk li jagħmlu l-ħażen.”—1 Pietru 3:12.
6. Il-każ taʼ David kif inhu taʼ faraġ kif ukoll taʼ twissija għalina?
6 David kien imperfett u dineb bil-kbir. (2 Samwel 12:7-9) Imma hu fetaħ qalbu maʼ Jehovah u resaq lejh b’talb mimli ħrara. (Salm 51:1-14 [51:1-12, sopraskrizzjoni, NW]) Jehovah semaʼ t-talba tiegħu u ħafirlu, għalkemm David ħasad konsegwenzi koroh għad-dnub tiegħu. (2 Samwel 12:10-14) Dan għandu jkun kemm taʼ faraġ u kemm taʼ twissija għalina. Huwa taʼ faraġ li nkunu nafu li Jehovah huwa lest li jaħfrilna dnubietna jekk inkunu verament niedma, imma niġu f’sensina meta nirrealizzaw li d-dnubiet spiss iġibu konsegwenzi serji. (Galatin 6:7-9) Jekk irridu nersqu qrib Jehovah għandna noqogħdu ’l bogħod kemm jistaʼ jkun minn kull ħaġa li ma togħġbux.—Salm 97:10.
Jehovah Jiġbed lin-Nies Tiegħu Lejh
7. X’tip taʼ nies jgħasses fuqhom Jehovah, u kif jiġbidhom lejh?
7 David kiteb f’wieħed mis-salmi tiegħu: “Fil-għoli l-Mulej, iżda jara l-umli, [“imma lill-wieħed imkabbar jafu biss,” NW] mill-bogħod.” (Salm 138:6, Saydon) B’mod simili, salm ieħor jgħid: “Min hu bħall-Mulej, Alla tagħna, li qiegħed fl-għoli? Hu li jħares ’l isfel, lejn is-smewwiet u lejn l-art. Hu li jqajjem mit-trab l-imsejken.” (Salm 113:5-7) Iva, il-Ħallieq li jistaʼ kollox taʼ l-univers jindenja ruħu jħares ’l isfel lejn l-art, u għajnejh jaraw “l-umli,” “l-imsejken,” nies li “jitniehdu u jitbikkew minħabba l-qżiżijiet kollha li jsiru.” (Eżekjel 9:4) Hu jiġbed lil uħud bħal dawn lejh permezz taʼ Ibnu. Waqt li kien fuq l-art, Ġesù qal: “Ħadd ma jistaʼ jiġi għandi jekk il-Missier li bagħatni ma jiġbdux lejja . . . Ħadd ma jistaʼ jiġi għandi jekk il-Missier ma jagħtihx li jiġi.”—Ġwann 6:44, 65.
8, 9. (a) Għala għandna lkoll niġu għand Ġesù? (b) X’hemm li jispikka ħafna fl-arranġament tal-fidwa?
8 Il-bnedmin kollha għandhom jiġu għand Ġesù u jpoġġu fidi fis-sagrifiċċju li tħallas bħala prezz tal-fidwa għax huma twieldu midinbin, imbegħdin minn Alla. (Ġwann 3:36) Iridu jerġgħu jitħabbu m’Alla. (2 Korintin 5:20) Alla ma stenniex li l-midinbin jitolbuh jipprovdi xi arranġament li bih setgħu jerġgħu jagħmlu paċi miegħu. L-appostlu Pawlu kiteb: “Alla wriena l-imħabba tiegħu meta Kristu miet għalina, aħna li konna għadna midinbin. . . . Jekk meta konna għadna għedewwa taʼ Alla tħabbibna miegħu bis-saħħa tal-mewt taʼ Ibnu, kemm iktar issa, li aħna ħbieb miegħu, nsalvaw permezz tal-ħajja tiegħu?”—Rumani 5:8, 10.
9 L-appostlu Ġwanni kkonferma l-verità sublimi li Alla qed iħabbeb lill-bnedmin miegħu nnifsu, u kiteb: “B’dan dehret l-imħabba taʼ Alla fina, għax Alla bagħat lil Ibnu l-waħdieni fid-dinja, biex ngħixu bih. U hawn qiegħda l-imħabba; mhux għax aħna ħabbejna ’l Alla, imma għax ħabbna Hu u bagħat lil Ibnu biex ikun taʼ tpattija għal dnubietna.” (1 Ġwann 4:9, 10) Kien Alla li ħa l-inizjattiva mhux il-bnedmin. Ma tħossokx tinġibed lejn Alla li wera daqstant imħabba għalina l-bnedmin li mhux biss konna “midinbin” imma wkoll “għedewwa”?—Ġwann 3:16.
Il-Bżonn li Nfittxu lil Jehovah
10, 11. (a) Xi rridu nagħmlu biex infittxu lil Jehovah? (b) Kif għandna nqisuha s-sistema t’affarijiet taʼ Satana?
10 M’għandniex xi ngħidu, Jehovah ma jisforzaniex biex niġu għandu. Aħna rridu nfittxuh, ‘inħossuh b’idejna u nsibuh; u tassew, hu m’huwiex ’il bogħod minn kull wieħed minna.’ (Atti 17:27) Irridu nagħrfu d-dritt li għandu Jehovah li jitlob li nkunu sottomessi lejh. Id-dixxiplu Ġakbu kiteb: “Mela oqogħdu għar-rieda taʼ Alla. Ieqfu lix-xitan, u hu jaħrab minnkom. Ersqu lejn Alla, u hu jersaq lejkom. Midinbin, naddfu jdejkom; nies taʼ moħħ imħawwad, saffu qlubkom.” (Ġakbu 4:7, 8) M’għandniex naħsbuha darbtejn biex nieħdu waqfa soda kontra x-Xitan u favur Jehovah.
11 Dan ifisser li nitbiegħdu mis-sistema t’affarijiet mill-agħar taʼ Satana. Ġakbu kiteb ukoll: “Ma tafux li l-ħbiberija mad-dinja hija l-għadu taʼ Alla? Min mela jrid isir ħabib tad-dinja huwa għadu taʼ Alla.” (Ġakbu 4:4) Mill-banda l-oħra, jekk irridu nkunu l-ħbieb taʼ Jehovah, irridu nistennew li d-dinja taʼ Satana se tobgħodna.—Ġwann 15:19; 1 Ġwann 3:13.
12. (a) Liema kliem taʼ faraġ kiteb David? (b) Liema twissija ta Jehovah permezz tal-profeta Għażarija?
12 Meta d-dinja taʼ Satana topponina b’xi mod partikulari, ikollna bżonn b’mod speċjali li nersqu lejn Jehovah bit-talb, u nitolbuh għall-għajnuna. David, li kemm-il darba ħass l-id taʼ Jehovah issalvah, kiteb kliem taʼ faraġ għalina: “Qrib il-Mulej lejn kull min isejjaħlu, lejn kull min isejjaħlu fis-sewwa. Jaqtgħalhom xewqithom ’il dawk li jibżgħu minnu, jismaʼ l-għajta tagħhom, u jsalvahom. Iħares il-Mulej lil ħbiebu kollha, imma lill-ħżiena jeqridhom.” (Salm 145:18-20) Dan is-salm juri li Jehovah jistaʼ jsalvana individwalment meta nġarrbu xi prova u se jsalva l-poplu tiegħu kollettivament meta tiġi t-tribulazzjoni l-kbira. (Apokalissi 7:14) Jehovah se jibqaʼ qrib tagħna jekk aħna nibqgħu qrib tiegħu. Gwidat mill-“ispirtu tal-Mulej,” il-profeta Għażarija qal xi ħaġa li nistgħu niħduha bħala verità li tapplika b’mod ġenerali: “Il-Mulej ikun magħkom, meta intom tkunu miegħu; u meta intom tfittxuh, intom issibuh; u meta intom titilquh, hu jitlaqkom.”—2 Kronaki 15:1, 2.
Jehovah Irid Ikun Reali Għalina
13. Kif nistgħu nuru li Jehovah hu reali għalina?
13 L-appostlu Pawlu kiteb dwar Mosè li “żamm iebes, daqs kemm kieku kien qiegħed jara lil Alla li ma jidhirx.” (Lhud 11:27) M’għandniex xi ngħidu, Mosè qatt ma ra lil Jehovah verament. (Eżodu 33:20) Imma tant kien reali għalih li kien daqslikieku qed jara lil Jehovah. B’mod simili, wara l-provi li ġarrab, l-għajnejn tal-fidi taʼ Ġob raw lil Jehovah iktar ċar, bħala Alla li jippermetti l-qaddejja leali tiegħu jgħaddu minn provi imma li qatt ma jabbandunahom. (Ġob 42:5) Dwar Ħenok u Noè ntqal li huma ‘kienu jimxu sewwa maʼ Alla.’ Dan għamluh billi fittxew li jogħġbu lil Alla u jobduh. (Ġenesi 5:22-24; 6:9, 22; Lhud 11:5, 7) Jekk Jehovah ikun reali għalina daqskemm kien għal Ħenok, Noè, Ġob, u Mosè, ‘fih se naħsbu f’kull ma nagħmlu, u hu jwittilna triqatna.’—Proverbji 3:5, 6.
14. X’jiġifieri li ‘ningħaqdu’ maʼ Jehovah?
14 Eżatt qabel ma kien wasal il-waqt li l-Iżraelin jidħlu fl-Art Imwiegħda, Mosè wissiehom: “Intom għandkom timxu wara l-Mulej, u minnu tibżgħu, u l-kmandamenti tiegħu tħarsu, u leħnu tisimgħu, u lilu taqdu, u miegħu tingħaqdu.” (Dewteronomju 13:5 [13:4, NW]) Kellhom isegwu lil Jehovah, jibżgħu minnu, jobduh, u jingħaqdu miegħu. Rigward il-kelma hawn tradotta “tingħaqdu,” studjuż tal-Bibbja jgħid li “l-lingwa [Ebrajka] tindika relazzjoni mill-qrib u intima.” Is-salmista qal: “Midħla l-Mulej taʼ dawk li jibżgħu minnu, lilhom jgħarraf il-patt tiegħu.” (Salm 25:14) Se jkollna din ir-relazzjoni prezzjuża u intima maʼ Jehovah jekk hu jkun reali għalina u jekk tant inkunu nħobbuh li nibżgħu nagħmlu kwalunkwe ħaġa li ma togħġbux.—Salm 19:10-15 (9-14, NW).
Tirrealizza li Jehovah Jimpurtah Minnek?
15, 16. (a) Salm 34 kif juri li Jehovah jimpurtah minna? (b) X’għandna nagħmlu jekk insibuha diffiċli li niftakru l-affarijiet tajbin li Jehovah għamel magħna?
15 Wieħed mill-atti makakki taʼ Satana hu li jipprova jnessina l-fatt li Alla tagħna, Jehovah, qiegħed il-ħin kollu jieħu ħsieb il-qaddejja leali tiegħu. Is-Sultan David taʼ Iżrael irrealizza b’mod ċar li Jehovah kellu l-qawwa li jipproteġih anki meta kien iffaċċja mument perikoluż ferm. Meta kellu bilfors jagħmilha taʼ miġnun quddiem is-Sultan Akis taʼ Gatt, hu kkompona għanja, salm veru sabiħ, li fiha kien hemm dawn l-espressjonijiet taʼ fidi: “Xandru l-kobor tal-Mulej miegħi; ħa ngħollu ismu flimkien. Jien fittixt il-Mulej, u weġibni, minn kull biżaʼ tiegħi ħelisni. L-anġlu tal-Mulej jgħasses madwar dawk li jibżgħu minnu, u jeħlishom. Ippruvaw u taraw kemm hu tajjeb il-Mulej; hieni l-bniedem li jistkenn fih. Qrib il-Mulej lejn dawk b’qalbhom maqsuma, jgħin lil dawk b’ruħhom mifnija. Kbar huma l-ħsarat tar-raġel sewwa, iżda minnhom kollha jeħilsu l-Mulej.”—Salm 34:4, 5, 8, 9, 19, 20 (34:3, 4, 7, 8, 18, 19, NW); 1 Samwel 21:11-16 (21:10-15, NW).
16 Konvint int mill-qawwa li għandu Jehovah biex isalva? Tirrealizza li hu jipprovdi protezzjoni permezz taʼ l-anġli? Ipprovajt u rajt personalment kemm hu tajjeb Jehovah? Meta kienet l-aħħar darba li kont konxju b’mod partikulari li Jehovah kien qalbu tajba miegħek? Ipprova ftakar. Kien dan meta ħabbatt l-aħħar bieb fil-ministeru, preċiż meta ħassejtek li ma flaħtx tkompli iktar? Forsi mbagħad kellek konversazzjoni sabiħa ħafna maʼ l-inkwilin. Ftakart tirringrazzja lil Jehovah talli tak is-saħħa li kellek bżonn u talli bierkek? (2 Korintin 4:7) Mill-banda l-oħra, forsi ssibha diffiċli li tiftakar f’xi ħaġa tajba partikulari li Jehovah għamel miegħek. Forsi jkollok taħseb fil-ġimgħa li għaddiet, ix-xahar li għadda, is-sena li għaddiet, jew iktar. Jekk dan huwa l-każ, għax ma tkunx determinat li tagħmel sforz biex tersaq eqreb lejn Jehovah u tipprova tara kif jiggwidak u jidderiġik? L-appostlu Pietru widdeb lill-Kristjani: “Kunu . . . umli taħt l-id setgħana taʼ Alla . . . Ixħtu fuqu l-ħsibijiet kollha tagħkom għax hu jaħseb fikom.” (1 Pietru 5:6, 7) Tabilħaqq, se tibqaʼ skantat b’kemm jimpurtah minnek!—Salm 73:28.
Kompli Fittex lil Jehovah
17. X’għandna bżonn biex nibqgħu nfittxu lil Jehovah?
17 Li nżommu r-relazzjoni tagħna maʼ Jehovah hija xi ħaġa kontinwa. Ġesù qal f’talba lil Missieru: “Din hi l-ħajja taʼ dejjem, li jagħrfu lilek, Alla waħdek veru, u lil Ġesù Kristu, li inti bgħatt.” (Ġwann 17:3) Biex nieħdu għarfien dwar Jehovah u Ibnu jeħtieġ sforz kontinwu min-naħa tagħna. Għandna bżonn l-għajnuna tat-talb u l-ispirtu qaddis biex nifhmu l-affarijiet profondi t’Alla. (1 Korintin 2:10; Luqa 11:13) Għandna bżonn ukoll il-gwida taʼ l-ilsir leali u diskret biex nitimgħu lil moħħna bl-ikel spiritwali mogħti “fil-ħin.” (Mattew 24:45) B’dan il-mezz taʼ komunikazzjoni, Jehovah tana l-parir li naqraw il-Kelma tiegħu kuljum, nattendu l-laqgħat Kristjani regolarment, u nieħdu sehem b’qalb sħiħa fl-ippridkar taʼ “l-Evanġelju tas-Saltna.” (Mattew 24:14) Billi nagħmlu hekk se nkomplu nfittxu lil Alla tagħna Jehovah li tant jieħu ħsiebna.
18, 19. (a) X’għandna nkunu determinati li nagħmlu? (b) Jekk nieħdu l-waqfa soda tagħna kontra x-Xitan u nibqgħu nfittxu lil Jehovah, kif se nitbierku?
18 Satana qed jagħmel kulma jistaʼ biex iġib persekuzzjoni, oppożizzjoni, u pressjoni minn kull naħa fuq il-poplu taʼ Jehovah. Hu jipprova jtellfilna l-paċi tagħna u jeqred il-waqfa tajba li għandna m’Alla tagħna. Hu ma jridniex inkomplu x-xogħol tagħna taʼ li nsibu lil uħud taʼ qalb onesta u ngħinuhom jiġu fuq in-naħa taʼ Jehovah fil-kwistjoni tas-sovranità universali. Imma rridu nkunu determinati li nibqgħu leali lejn Jehovah, u nafdaw fih biex jeħlisna mill-wieħed mill-agħar. Billi nħallu l-Kelma t’Alla tiggwidana u billi nibqgħu attivi maʼ l-organizzazzjoni viżibbli tiegħu, nistgħu nkunu ċerti li hu dejjem se jappoġġana.—Isaija 41:8-13.
19 Għalhekk, ejja lkoll nieħdu l-waqfa soda tagħna kontra x-Xitan u l-atti makakki tiegħu, u dejjem infittxu lill-għażiż Alla tagħna, Jehovah, li m’huwiex se jonqos li ‘jsaħħaħna u jqegħedna fis-sod.’ (1 Pietru 5:8-11) B’hekk se ‘nżommu rwieħna fl-imħabba taʼ Alla, [waqt li] nistennew il-ħniena taʼ Sidna Ġesù Kristu għall-ħajja taʼ dejjem.’—Ġuda 21.
Int Kif Twieġeb?
• Il-kelma “Xitan” xi tfisser, u x-Xitan kif jgħix fi qbil maʼ dak it-titlu?
• Jehovah kif inhu differenti mix-Xitan fil-mod kif iħares lejn dawk li jgħixu fuq l-art?
• Persuna għala għandha taċċetta l-fidwa biex tersaq lejn Jehovah?
• Xi jfisser li ‘ningħaqdu’ maʼ Jehovah, u kif nistgħu nibqgħu nfittxuh?
[Stampa f’paġna 15]
Minkejja l-provi tiegħu, Ġob sar japprezza l-fatt li Jehovah kien jimpurtah minnu
[Stampi f’paġna 16]
Il-qari tal-Bibbja kuljum, l-attendenza regulari għal-laqgħat Kristjani, u l-parteċipazzjoni żeluża fix-xogħol taʼ l-ippridkar ifakkruna li Jehovah jimpurtah minna