Kif Nistgħu Nagħmlu Jiemna Jgħoddu f’Għajnejn Jehovah?
“Intilfu, ilbieraħ, xi mkien bejn tlugħ u nżul ix-xemx, sagħtejn tad-deheb, kull waħda minnhom b’sittin minuta tad-djamanti ingastati fiha. M’hemm ebda rigal offrut għalihom, għax dawn telqu għal dejjem!”—Lydia H. Sigourney, awtriċi Amerikana (1791-1865).
JIEM ħajjitna jidhru ftit u qishom itiru bla ma nkunu nafu kif. Is-salmista David qagħad jirrifletti dwar kemm hi qasira l-ħajja u tqanqal jitlob: “Għarrafni, Mulej, it-tmiem tiegħi, u kemm hu twil żmien il-jiem tiegħi, ħa nkun naf kemm xejn ma niswa. Ara, tul xibrejn għamiltli jiemi, żmien ħajti qisu xejn quddiemek.” David kien interessat li jgħix b’tali mod li jogħġob lil Alla, kemm bi kliemu u kemm bl-azzjonijiet tiegħu. Hu u jesprimi kemm kien jiddependi minn Alla, qal: “Fik biss hija t-tama tiegħi.” (Salm 39:5, 6, 8 [39:4, 5, 7, NW]) Jehovah semgħu. Hu verament kejjel l-attivitajiet taʼ David u ppremjah tagħhom.
Huwa faċli li nkunu mħabbtin kull minuta tal-ġurnata u li ninqabdu f’ħajja mgħaġġla u mimlija attivitajiet. Dan jistaʼ jagħmilna ansjużi, speċjalment billi għandna ħafna x’nagħmlu u x’nesperjenzaw u tassew ftit ħin biex nagħmluh. Interessati aħna fl-istess ħaġa li kienet tinteressa lil David—li ngħixu ħajjitna b’tali mod li jkollna l-approvazzjoni t’Alla? M’hemm l-ebda dubju li Jehovah josserva u jeżamina bir-reqqa lil kull wieħed minna. Ġob, bniedem li kien jibżaʼ minn Alla, għaraf xi 3,600 sena ilu li Jehovah kien qed jara l-imġiba tiegħu u jgħoddlu l-passi kollha tiegħu. Biex jagħmel enfasi Ġob staqsa: “X’kont inwieġeb li kien jiġi jistħarriġni?” (Ġob 31:4-6, 14) Jiemna nistgħu nagħmluhom jgħoddu f’għajnejn Alla billi nistabbilixxu prijoritajiet spiritwali, nobdu l-kmandi tiegħu, u nużaw il-ħin tagħna bil-għaqal. Ejja nikkunsidraw iktar mill-qrib dawn il-punti.
Nagħmlu l-Affarijiet Spiritwali l-Interess Ewlieni
L-Iskrittura mnebbħa tħeġġiġna bix-xieraq biex nistabbilixxu prijoritajiet spiritwali. Din tgħidilna biex ‘nagħrfu nagħżlu l-aħjar’ jew, l-affarijiet l-iktar importanti. X’inhuma dawn l-affarijiet importanti? It-tweġiba tinvolvi ‘l-għerf [“għarfien eżatt,” NW] u kull dehen.’ (Filippin 1:9, 10) Biex niksbu għarfien dwar l-iskop taʼ Jehovah jeħtieġ li nużaw il-ħin tagħna bil-għaqal. Madankollu, jekk l-interess ewlieni tagħna jkun fl-affarijiet spiritwali nistgħu nkunu ċerti li se jkollna ħajja premjanti u sodisfaċenti.
L-appostlu Pawlu jfakkarna biex ‘infittxu li nagħrfu dak li jogħġob lill-Mulej.’ Biex nagħrfu dan irridu neżaminaw il-motivi u x-xewqat taʼ qalbna. L-appostlu jkompli: “Fittxu x’inhi r-rieda tal-Mulej.” (Efesin 5:10, 17) Allura, x’inhu aċċettabbli f’għajnejn Jehovah? Qawl Bibliku jgħid: “L-aqwa ħaġa, li tikseb l-għerf; ikseb id-dehen akkost taʼ kollox. Għożżu, u hu jżommok fl-għoli, tgħannaq miegħu, u jkunlek taʼ ġieħ.” (Proverbji 4:7, 8) Jehovah jifraħ meta persuna tikseb u tuża l-għerf divin. (Proverbji 23:15) Is-sabiħ f’dan l-għerf hu li ma jistax jinsteraq jew jinqered. Fil-fatt, dan isir taʼ kenn u protezzjoni ‘minn triq il-ħażen u minn nies taʼ kliem l-għawġ.’—Proverbji 2:10-15.
Mela, kemm hu għaqli li nirreżistu kwalunkwe tendenza li nadottaw attitudni indifferenti lejn l-affarijiet spiritwali! Jeħtieġ li nikkultivaw attitudni t’apprezzament għall-kliem taʼ Jehovah u biżaʼ bnin minnu. (Proverbji 23:17, 18) Filwaqt li din l-attitudni nistgħu nikkultivawha f’kull żmien f’ħajjitna, l-aħjar hu li nistabbilixxu dan il-mudell xieraq u nnaqqxu l-prinċipji Bibliċi fil-personalità tagħna matul iż-żgħożija. “Ftakar f’min ħalqek f’jiem żgħożitek,” jgħid l-għaref Sultan Salamun.—Koħèlet 12:1.
L-iktar mod intimu biex irrawmu fina apprezzament għal Jehovah huwa billi nitkellmu miegħu f’talb persunali kuljum. David għaraf l-importanza li jiftaħ qalbu maʼ Jehovah, għax hu talab bil-ħrara: “Ismaʼ, Mulej, it-talba tiegħi, agħti widen għall-għajta tiegħi, tibqax trux għad-dmugħ tiegħi.” (Salm 39:13 [39:12, NW]) Jiġrilna xi drabi li l-profondità taʼ l-intimità tagħna m’Alla tmissilna qalbna sal-punt li jaqbżilna d-dmugħ? Tabilħaqq, iktar ma nikkomunikaw maʼ Jehovah dwar l-affarijiet intimi taʼ qalbna u nimmeditaw fuq il-Kelma tiegħu, iktar se jersaq qrib tagħna.—Ġakbu 4:8.
Tgħallem l-Ubbidjenza
Mosè kien bniedem ieħor taʼ fidi li għaraf kemm kien jiddependi minn Alla. Bħal David, Mosè setaʼ jara li l-ħajja hi mimlija inkwiet. Għalhekk talab lil Alla biex jurih kif ‘jgħodd jiem ħajtu, sabiex ikollu qalb għarfa.’ (Salm 90:10-12, KŻ) Qalb għarfa tiġi biss milli nitgħallmu l-liġijiet u l-prinċipji taʼ Jehovah u ngħixu fi qbil magħhom. Mosè kien jafu dan, u għalhekk ħadem biex inaqqax dik il-verità vitali fil-ġens taʼ Iżrael billi rrepetielhom il-liġijiet u r-regolamenti t’Alla qabel ma ħadu l-Art Imwiegħda. Kwalunkwe sultan uman li Jehovah iktar tard kien se jagħżel biex jaħkem fuq Iżrael kellu jikteb għalih innifsu kopja tal-Liġi u jaqra minnha l-jiem kollha taʼ ħajtu. Għala? Sabiex ikun jistaʼ jitgħallem jibżaʼ minn Alla. Dan kien se juri kemm is-sultan kien ubbidjenti. Kien se jipproteġih milli jintrefaʼ f’qalbu ’l fuq minn ħutu u kien se jtawwallu ż-żmien taʼ saltnatu. (Dewteronomju 17:18-20) Din il-wegħda ġiet ripetuta meta Jehovah qal lil bin David, Salamun: “Jekk timxi fi triqati, billi toqgħod għal-liġijiet u l-kmandamenti tiegħi kif mexa David missierek, nagħtik ukoll ħajja twila.”—1 Slaten 3:10-14.
L-ubbidjenza hija kwistjoni serja għal Alla. Kieku kellna nċekknu ċerti aspetti tal-ħtiġijiet u l-kmandi taʼ Jehovah u nqisuhom bħala mhux importanti, hu żgur li se jinnota attitudni bħal din. (Proverbji 15:3) Billi nafu dan, aħna għandna nitqanqlu biex jibqaʼ jkollna rispett kbir għall-ordnijiet divini kollha taʼ Jehovah, avolja jistaʼ ma jkunx dejjem faċli li nagħmlu hekk. Satana jagħmel minn kollox biex ‘ifixkilna’ hekk kif nistinkaw biex nobdu l-liġijiet u l-kmandi t’Alla.—1 Tessalonikin 2:18.
Huwa importanti b’mod partikulari li ngħixu fi qbil mal-parir Skritturali li niltaqgħu flimkien għall-qima u s-sħubija. (Dewteronomju 31:12, 13; Lhud 10:24, 25) Mela nagħmlu tajjeb li nistaqsu lilna nfusna: ‘Għandi jien id-determinazzjoni u l-persistenza meħtieġa biex nagħmel dak li hu verament siewi?’ Jekk nittraskuraw is-sħubija u l-istruzzjoni li nirċievu fil-laqgħat Kristjani biex nipprovaw niksbu sigurtà finanzjarja se niddgħajfu fir-relazzjoni tagħna maʼ Jehovah. L-appostlu Pawlu kiteb: “Tkunux mogħtija għar-regħba tal-flus; kunu kuntenti b’dak li għandkom, għax Alla stess qal: ‘Jien m’iniex se nħallik, anqas nitilqek.’” (Lhud 13:5) Ubbidjenza mill-qalb għall-kmandi taʼ Jehovah turi li għandna fiduċja sħiħa li hu se jieħu ħsiebna.
Ġesù tgħallem l-ubbidjenza u bbenefika. Aħna wkoll nistgħu nagħmlu dan. (Lhud 5:8) Iktar ma nikkultivaw fina l-ubbidjenza, iktar se nħossuha faċli li nobdu, anki f’affarijiet żgħar. Veru, minħabba l-integrità tagħna, għandu mnejn ikollna nissaportu trattament ħażin u saħansitra aħrax minn oħrajn. Dan jistaʼ jiġri speċjalment fuq il-post tax-xogħol, fl-iskola, jew f’familja fejn mhux kulħadd ikun taʼ l-istess reliġjon. Madankollu, aħna nsibu faraġ fl-istqarrija li saret lill-Iżraelin li jekk kienu se ‘jħobbu l-Mulej, u jisimgħu leħnu, u jingħaqdu miegħu, kien se jkun ħajjithom u tul jiemhom.’ (Dewteronomju 30:20, KŻ) Din l-istess wegħda qed issir lilna wkoll.
Uża l-Ħin bil-Għaqal
Il-fatt li nużaw il-ħin tagħna bil-għaqal ukoll se jgħinna nagħmlu jiemna jgħoddu f’għajnejn Jehovah. Il-ħin m’huwiex bħall-flus li jistgħu jitfaddlu, imma jrid jintuża, jew inkella jintilef. Kull siegħa li tgħaddi tkun telqet għal dejjem. Peress li dejjem ikun hemm affarijiet x’nagħmlu iktar milli kapaċi llaħħqu, qegħdin aħna nqattgħu l-ħin tagħna b’tali mod li nkunu nistgħu nilħqu l-miri tagħna f’ħajjitna? Mira importanti ħafna għall-Kristjani kollha għandha tkun li jieħdu sehem regolarment fix-xogħol taʼ l-ippridkar tas-Saltna u taʼ li jagħmlu dixxipli.—Mattew 24:14; 28:19, 20.
Biex nużaw il-ħin tagħna bil-għaqal bilfors li l-ewwel irridu nagħrfu verament kemm dan hu prezzjuż. B’mod xieraq ħafna, Efesin 5:16 (Saydon) iħeġġiġna biex ‘nirbħu ż-żmien,’ u dan jimplika li niggwadanjawh billi nħallu barra affarijiet inqas importanti. Ifisser li nnaqqsu mill-affarijiet li jaħlulna l-ħin. Jekk inqattgħu ħafna ħin naraw it-televixin jew infittxu fuq l-Internet, naqraw materjal sekulari bla siwi, jew niġru żżejjed wara r-rikreazzjoni u d-divertiment, nistgħu nispiċċaw eżawriti. Iżjed minn hekk, il-fatt li naħżnu affarijiet materjali b’mod eċċessiv jistaʼ jiħdilna l-ħin meħtieġ biex niksbu qalb għarfa.
Nies li jaqblu li l-ħin għandu jitqassam bir-reqqa jgħidu: “Ma jistax ikun li tuża l-ħin tiegħek tajjeb mingħajr ma jkollok ċerti miri ċari u speċifiċi.” Huma jissuġġerixxu ħames affarijiet li jiddeterminaw kif għandhom ikunu l-miri: speċifiċi, li tistaʼ tkejjilhom, li tistaʼ tilħaqhom, realistiċi, u b’ħin stipulat għalihom.
Mira siewja waħda hi li ntejbu l-qari tagħna tal-Bibbja. L-ewwel pass hu li nagħmlu l-mira tagħna speċifika—li naqraw il-Bibbja kollha. Il-pass li jmiss hu li l-mira li nagħmlu tkun waħda li nistgħu nkejluha. Billi nagħmlu dan, nistgħu nindunaw kemm qed nagħmlu progress. Il-miri għandhom jgħinuna nistinkaw iebes u nikbru. Għandhom ikunu wkoll miri li jistgħu jintlaħqu u li huma realistiċi. Wieħed irid jikkunsidra l-abbiltajiet u l-kapaċitajiet persunali, u l-ħin disponibbli. Xi wħud għandhom mnejn ikollhom bżonn iktar ħin biex jilħqu xi mira. Finalment, il-mira tagħna għandu jkollha ħin stipulat. Jekk niffissaw data biex inwettqu xi ħaġa, iktar se jkollna motivazzjoni biex nagħmluha.
Il-membri kollha tal-familja globali taʼ Betel, li jaqdu fil-kwartieri ġenerali tax-Xhieda taʼ Jehovah jew f’xi waħda mill-fergħat mad-dinja kollha, għandhom il-mira speċifika li jaqraw il-Bibbja kollha matul l-ewwel sena tagħhom f’Betel. Huma jirrealizzaw li l-qari tal-Bibbja, qari li jsir b’tali mod li jibbenefikaw minnu, se jgħinhom jikbru spiritwalment u jiksbu relazzjoni iktar intima maʼ Jehovah, li qed jgħallimhom għall-ġid tagħhom. (Isaija 48:17) Nistgħu aħna wkoll nagħmluha l-mira tagħna li naqraw il-Bibbja regolarment?
Il-Benefiċċji taʼ li Nagħmlu Jiemna Jgħoddu
Jekk nagħtu l-attenzjoni primarja lill-affarijiet spiritwali se naħsdu għadd taʼ barkiet. Ħaġa waħda hi li dan se jgħinna jkollna sens akbar taʼ sodisfazzjon u skop fil-ħajja. Komunikazzjoni regulari maʼ Jehovah f’talb bil-ħerqa se tressaqna eqreb lejh. Il-fatt stess li nitolbuh juri l-fiduċja tagħna fih. Qari kuljum tal-Bibbja u taʼ pubblikazzjonijiet ibbażati fuq il-Bibbja provduti mill-ilsir leali u diskret juri kemm aħna lesti li nagħtu widen lil Alla hu u jkellimna. (Mattew 24:45-47) Dan jgħinna niksbu qalb għarfa sabiex nieħdu deċiżjonijiet tajbin u nagħmlu għażliet xierqa f’ħajjitna.—Salm 1:1-3.
Aħna nitgħaxxqu nobdu l-kmandamenti taʼ Jehovah, għax li nagħmlu dan m’huwiex taʼ piż. (1 Ġwann 5:3) Hekk kif nagħmlu kull ġurnata tgħodd f’għajnejn Jehovah, se nsaħħu r-relazzjoni tagħna miegħu. Aħna nsiru wkoll uħud li jagħtu appoġġ spiritwali veru lil sħabna Kristjani. Azzjonijiet bħal dawn iferrħu lil Alla Jehovah. (Proverbji 27:11) U m’hemm l-ebda premju akbar milli tgawdi l-approvazzjoni taʼ Jehovah issa u għal dejjem!
[Stampa f’paġna 21]
Il-Kristjani jiħduhom bis-serjetà l-affarijiet spiritwali
[Stampi f’paġna 22]
Qiegħed int tuża l-ħin tiegħek bil-għaqal?
[Stampa f’paġna 23]
Aħna nsaħħu r-relazzjoni tagħna maʼ Jehovah hekk kif nagħmlu kull ġurnata tgħodd f’għajnejh