LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w03 2/1 pp. 30-31
  • Mistoqsijiet mill-Qarrejja

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Mistoqsijiet mill-Qarrejja
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2003
  • Materjal Simili
  • Mistoqsijiet mill-qarrejja
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2019
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2003
w03 2/1 pp. 30-31

Mistoqsijiet mill-​Qarrejja

Il-​Bibbja għala tgħid li persuna għandha tgħajjat jekk tiġi mhedda bi stupru?

Min m’għaddiex mill-​esperjenza orribbli li jiġi attakkat brutalment minn xi ħadd li jkun irid jistuprah, qatt ma jistaʼ jifhem verament kif dan jistaʼ jirrovinalek ħajtek. Il-​vittma tant tgħaddi minn esperjenza tal-​biżaʼ li għandha mnejn tibqaʼ tkiddha għall-​bqija taʼ ħajjitha.a Waħda mara Kristjana żagħżugħa li xi snin ilu ġiet attakkata minn wieħed bil-​ħsieb li jistupraha tgħid: “M’hemmx kliem biex nesprimi l-​biżaʼ kbir li ħassejt dak il-​lejl jew it-​trawma li kelli ngħaddi minnha minn dakinhar ’l hawn.” Nistgħu nifhmu għala ħafna jippreferu li lanqas biss jaħsbu fuq dan is-​suġġett tal-​biżaʼ. Madankollu, it-​theddida taʼ stupru hija realtà f’din id-​dinja mill-​agħar.

Il-​Bibbja ma żżommx lura milli tirrakkonta xi każijiet taʼ stupru u attentati taʼ stupru li ġraw fil-​passat. (Ġenesi 19:​4-11; 34:​1-7; 2 Samwel 13:​1-14) Imma mbagħad toffri wkoll pariri taʼ x’għandek tagħmel jekk tiġi mhedda bi stupru. Dak li tgħid il-​Liġi fuq din il-​kwistjoni nsibuh f’Dewteronomju 22:​23-27. Hemm insibu żewġ sitwazzjonijiet. Fl-​ewwel każ, raġel sab tfajla fil-​belt u mtedd magħha. Madankollu, it-​tfajla ma werżqitx jew għajtet għall-​għajnuna. Għaldaqstant, ġie determinat li hi kienet ħatja “għax ma għajjtitx fil-​belt.” Li kieku għajtet, in-​nies fil-​viċin forsi kienu jiġu jagħtuha l-​għajnuna. Fit-​tieni każ, raġel sab tfajla fir-​rabaʼ, ‘sforzaha u mtedd magħha.’ Biex tiddefendi ruħha, it-​tfajla “għajjtet, u ma kienx hemm min jeħlisha.” Kuntrarju għall-​mara fl-​ewwel każ, din it-​tfajla wriet biċ-​ċar li hi ma ċedietx għall-​azzjonijiet tal-​wieħed li attakkaha. Hi rreżistietu b’mod attiv, billi għajtet għall-​għajnuna, imma hu kien iktar b’saħħtu minnha. Il-​fatt li werżqet wera li hi kienet vittma li ma riditx tkompli miegħu; ma kinitx ħatja taʼ għemil ħażin.

Għalkemm illum il-​Kristjani m’humiex taħt il-​Liġi Mosajka, il-​prinċipji msemmijin hemm jipprovdulhom gwida. Ir-​rakkont li rajna jenfasizza l-​importanza li persuna tirreżisti u tgħajjat għall-​għajnuna. Meta tiġi mhedda bi stupru, l-​għajat għadu meqjus sa llum bħala l-​iktar ħaġa sensibbli li tistaʼ tagħmel. Espert fuq il-​prevenzjoni tal-​kriminalità qal: “Jekk mara tiġi attakkata, il-​garġi jibqgħu l-​aqwa arma tagħha.” It-​twerżiq tal-​mara jistaʼ jiġbed l-​attenzjoni taʼ nies oħra, li mbagħad ikunu jistgħu jgħinuha, jew inkella, min ikun qed jattakkaha għandu mnejn jinħasad u jitlaq ’l hemm. Mara Kristjana żagħżugħa li ġiet attakkata minn wieħed li ried jistupraha qalet: “Werżaqt b’kemm kelli saħħa, u dan resaq lura. Meta reġaʼ resaq lejja, werżaqt u tlaqt niġri. Fil-​passat kemm-il darba kont ngħid, ‘It-​twerżiq kif jistaʼ jgħinni meta jiġi fuqi raġel mimli saħħa u jaħtafni bi skop wieħed f’moħħu?’ Imma issa tgħallimt li t-​twerżiq jiswa ħafna!”

Anki f’każ li, b’dispjaċir kbir, il-​mara tiġi megħluba u stuprata, ma jkunx taʼ xejn jekk din tkun iġġieldet u għajtet għall-​għajnuna. Għall-​kuntrarju, dan jistabbilixxi li hi għamlet dak kollu li setgħet biex tirreżisti lil min ried jattakkaha. (Dewteronomju 22:26) Minkejja li tkun għaddiet minn din it-​trawma kerha, xorta jistaʼ jkollha kuxjenza nadifa, ir-​rispett lejha nfisha, u ċ-​ċertezza li hi nadifa f’għajnejn Alla. Din l-​esperjenza orribbli tistaʼ tħallilha ġrieħi emozzjonali, imma l-​fatt li taf li għamlet kulma setgħet biex tirreżisti l-​attakk se jgħinha ħafna biex bil-​mod il-​mod tkun tistaʼ tfiq.

Biex nifhmu l-​applikazzjoni taʼ Dewteronomju 22:​23-27, għandna nirrealizzaw li dan ir-​rakkont qasir ma jinkludix kull sitwazzjoni li tistaʼ tqum. Per eżempju, ma jsemmi xejn f’każ li l-​mara attakkata ma tkunx tistaʼ tgħajjat għax tkun muta, mitlufa minn sensiha, jew għax tibbies bil-​biżaʼ jew inkella xi ħadd ma jħallihiex twerżaq billi jagħlqilha ħalqha b’idu jew bit-​tejp. Madankollu, ladarba Jehovah jistaʼ jiżen il-​fatturi kollha, inkluż il-​motivi, f’każijiet bħal dawn hu jifhem is-​sitwazzjoni u jeżerċita ġustizzja, għax “ilkoll ġusti t-​triqat tiegħu.” (Dewteronomju 32:4) Hu jkun konxju taʼ dak li ġara attwalment u taʼ l-​isforzi li għamlet il-​vittma biex tirreżisti lill-​aggressur tagħha. Għaldaqstant, jekk vittma ma setgħetx tgħajjat imma xorta għamlet dak kollu li setgħet fiċ-​ċirkustanzi li kienet fihom, hi tistaʼ tħalli kollox f’idejn Jehovah.—Salm 55:23 (55:​22, NW); 1 Pietru 5:7.

Xorta waħda, xi nisa Kristjani li ġew attakkati u vjolentati jibqgħu jitnikktu minħabba sentimenti taʼ ħtija. Meta jħarsu lura lejn l-​inċident, huma jħossu li setgħu għamlu xi ħaġa iktar biex ma jiġrilhomx hekk. Madankollu, minflok ma joqogħdu jwaħħlu fihom infushom, vittmi bħal dawn jistgħu jitolbu lil Jehovah fuq dak li jħossu, jitolbuh għall-​għajnuna, u jkollhom fiduċja fit-​tjieba kbira, jew qalb tajba bl-​imħabba, li għandu.—Eżodu 34:6; Salm 86:5.

Għaldaqstant, nisa Kristjani li ġew attakkati minn xi ħadd li ried jistuprahom u li minħabba f’hekk qed ikollhom jissaportu ġrieħi emozzjonali, jistgħu jserrħu moħħhom li Jehovah jifhem bis-​sħiħ is-​sentimenti taʼ wġigħ li għaddejjin minnhom. Il-​Kelma t’Alla tassigurahom: “Qrib il-​Mulej lejn dawk b’qalbhom maqsuma, jgħin lil dawk b’ruħhom mifnija.” (Salm 34:19 [34:​18, NW]) Huma jistgħu jiksbu iktar għajnuna biex jgħaddu minn din it-​trawma billi jaċċettaw l-​appoġġ ħanin tal-​kredenti sħabhom fil-​kongregazzjoni Kristjana u l-​isforzi sinċieri tagħhom biex jifhmuhom. (Ġob 29:​12, Saydon; 1 Tessalonikin 5:14) Iktar minn hekk, jekk il-​vittma tagħmel sforz hi nfisha biex tikkonċentra fuq ħsibijiet pożittivi, dan se jgħinha biex tesperjenza “s-​sliem taʼ Alla . . . li jgħaddi kull ma l-​moħħ jistaʼ jifhem.”—Filippin 4:​6-9.

[Nota taʼ taħt]

a Għalkemm dan l-​artiklu jitkellem dwar vittmi nisa, il-​prinċipji diskussi hawn japplikaw ukoll għal irġiel li jiġu mhedda bi stupru.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja