LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w03 3/15 pp. 15-20
  • Ipprova Ara lill-Oħrajn Kif Jarahom Jehovah

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Ipprova Ara lill-Oħrajn Kif Jarahom Jehovah
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2003
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Ħarsa Onestà Lejn Ġona
  • Opinjoni Bilanċjata dwar Pietru
  • Napplikaw it-​Tagħlima Llum
  • Tgħallem mill-Iżbalji Tiegħu
    Imita l-Fidi Tagħhom
  • Ġona Jsir Jaf X’Inhi l-Ħniena taʼ Jehovah
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1996
  • Tgħallem Lezzjoni Dwar il-Ħniena
    Imita l-Fidi Tagħhom
  • Ġeħova kien paċenzjuż maʼ Ġona
    Lezzjonijiet li tista’ titgħallem mill-Bibbja
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2003
w03 3/15 pp. 15-20

Ipprova Ara lill-​Oħrajn Kif Jarahom Jehovah

“Il-​Mulej ma jarax bħalma jara l-​bniedem.”—1 SAMWEL 16:7.

1, 2. Jehovah kif qies lil Elijab b’mod differenti minn kif qiesu Samwel, u x’nistgħu nitgħallmu minn dan?

FIS-​SEKLU 11 Q.E.K., Jehovah bagħat lill-​profeta Samwel fuq missjoni sigrieta. Hu kkmanda lill-​profeta biex imur fid-​dar taʼ raġel jismu Ġesse u jidlek lil wieħed minn uliedu biex ikun is-​sultan futur taʼ Iżrael. Meta Samwel lemaħ lill-​iben il-​kbir taʼ Ġesse, Elijab, ħassu ċert li kien sab il-​wieħed li kien għażel Alla. Imma Jehovah qal: “Tħarisx lejn is-​sura tiegħu, jew it-​tul taʼ persuntu, għax jien diġà warrabtu. Għax il-​Mulej ma jarax bħalma jara l-​bniedem, dak biss li jidher fl-​għajn, imma l-​qalb.” (1 Samwel 16:​6, 7) Samwel naqas li jara lil Elijab kif rah Jehovah.a

2 Kemm huwa faċli għall-​bnedmin li jkollhom opinjoni żbaljata dwar oħrajn! Minn banda, nistgħu nitqarrqu minn individwi li minn barra jiġbduk imma minn ġewwa jkunu bla skruplu. U mill-​banda l-​oħra, nistgħu nkunu ħorox u riġidi fl-​opinjoni tagħna dwar individwi sinċieri li fil-​personalità tagħhom ikollhom karatteristiċi li jkunu jdejquna.

3, 4. (a) Jekk tinqalaʼ problema bejn żewġ Kristjani, kull wieħed minnhom x’għandu jkun determinat li jagħmel? (b) Liema mistoqsijiet għandna nistaqsu lilna nfusna meta jkollna xi ngħidu serjament maʼ sieħeb fit-​twemmin?

3 Meta nkunu ħfief biex niġġudikaw lill-​oħrajn—anki dawk li ilna nafuhom snin sħaħ—jistgħu jinqalgħu l-​problemi. Forsi kellek xi tgħid serjament maʼ Kristjan li darba kien ħabib tal-​qalb. Tixtieq li terġaʼ ssir ħabib tiegħu bħal qabel? X’se jgħinek tagħmel dan?

4 Għala ma taħsibx sew u fit-​tul dwar dan il-​Kristjan u tħares lejh b’mod pożittiv? U agħmel dan billi tikkunsidra l-​kliem taʼ Ġesù: “Ħadd ma jistaʼ jiġi għandi jekk il-​Missier li bagħatni ma jiġbdux lejja.” (Ġwann 6:44) Imbagħad staqsi lilek innifsek: ‘Jehovah għala ġibed lil dan l-​individwu lejn Ibnu? Liema kwalitajiet sbieħ għandu dan il-​bniedem? Kont jien qed ninjora jew ma napprezzax biżżejjed dawn il-​karatteristiċi? Fil-​bidu għala sirna ħbieb? X’kien li ġibidni lejn din il-​persuna?’ Għall-​ewwel, forsi ssibha diffiċli li taħseb f’xi punti tajbin, speċjalment jekk ilek tħossok diżappuntat għal xi żmien. Madankollu, dan huwa pass vitali biex tirranġa l-​ħsara li saret fil-​ħbiberija taʼ bejnietkom. Biex nieħdu eżempju taʼ kif dan jistaʼ jsir, ejja nfittxu xi karatteristiċi pożittivi f’żewġt irġiel li kultant jitqiesu mil-​lat negattiv. Dawn huma l-​profeta Ġona u l-​appostlu Pietru.

Ħarsa Onestà Lejn Ġona

5. Liema inkarigu ngħata Ġona, u kif irreaġixxa?

5 Ġona qeda bħala profeta għal Iżrael, is-​saltna tat-​tramuntana, fi żmien is-​sultan Ġerobogħam II, bin Ġowas. (2 Slaten 14:​23-25) Darba waħda, Jehovah ikkmanda lil Ġona biex jitlaq minn Iżrael u jmur Ninwè, il-​belt kapitali taʼ l-​Imperu setgħani taʼ l-​Assirja. X’kien l-​inkarigu tiegħu? Li jwissi lin-​nies taʼ dak il-​post illi l-​belt kbira tagħhom kienet se tinqered. (Ġona 1:​1, 2) Minflok ma segwa d-​direzzjoni t’Alla, Ġona ħarab ’l hemm! Hu telaʼ fuq ġifen li kien sejjer Tarsis, ’il bogħod minn Ninwè.—Ġona 1:3.

6. Jehovah għala għażel lil Ġona biex imur Ninwè?

6 X’jiġik f’moħħok meta taħseb f’Ġona? Taħseb dwaru bħala li kien profeta diżubbidjenti? Maʼ l-​ewwel daqqa t’għajn nistgħu naslu għal konklużjoni bħal din. Imma ħatar Alla lil Ġona bħala profeta minħabba li kien diżubbidjenti? Dażgur li le! Ġona bilfors li kellu xi kwalitajiet sbieħ. Ikkunsidra x’għamel bħala profeta.

7. Ġona f’liema ċirkustanzi qeda lil Jehovah f’Iżrael, u l-​fatt li taf dan kif jeffettwa l-​mod kif tqisu?

7 Ġona fil-​fatt kien ħadem bil-​fedeltà f’Iżrael, territorju fejn in-​nies ftit li xejn wieġbu b’mod favorevoli. Il-​profeta Għamos, li għex bejn wieħed u ieħor fi żmien Ġona, iddeskriva lill-​Iżraelin taʼ żmienu bħala nies materjalistiċi li jħobbu l-​pjaċiri.b Fil-​pajjiż kienu qed isiru ħafna affarijiet ħżiena, imma l-​Iżraelin injorawhom għalkollox. (Għamos 3:​13-15; 4:4; 6:​4-6) Madankollu, jum wara l-​ieħor Ġona wettaq fedelment l-​inkarigu tiegħu biex jippridkalhom. Jekk int proklamatur taʼ l-​aħbar tajba, taf kemm hu diffiċli li titkellem maʼ nies li jinsabu sodisfatti bihom infushom u li huma apatetiċi. Mela, allura, waqt li nagħrfu d-​dgħjufijiet taʼ Ġona, ejja ma ninjorawx il-​kwalitajiet tiegħu taʼ fedeltà u ssaportar li wera meta ppriedka lill-​Iżraelin taʼ bla fidi.

8. Liema sfidi kellu jiffaċċja profeta Iżraeli f’Ninwè?

8 L-​inkarigu biex imur Ninwè involva saħansitra sfida iktar diffiċli. Biex jasal fil-​belt, Ġona kellu jivvjaġġa xi 800 kilometru bil-​mixi—vjaġġ iebes li kien se jiħodlu madwar xahar. Meta jasal, il-​profeta kellu jippriedka lill-​Assirjani, li kienu magħrufin għall-​krudeltà tagħhom. It-​tortura sadistika kienet karatteristika popolari fil-​gwerer tagħhom. Kienu saħansitra jiftaħru bis-​salvaġġiżmu tagħhom. Mhux taʼ b’xejn li Ninwè ġiet imsejħa “belt id-​dmija”!—Naħum 3:​1, 7.

9. Meta l-​baħrin kienu se jmutu minħabba maltempata qawwija, liema kwalitajiet wera Ġona?

9 Ġona ma riedx jobdi l-​kmand taʼ Jehovah, u rikeb fuq ġifen li ħadu ’l bogħod ħafna mill-​inkarigu tiegħu. Madankollu, Jehovah ma qatax qalbu mill-​profeta tiegħu jew għażel lil xi ħadd ieħor floku. Minflok, Jehovah aġixxa biex iġib lil Ġona f’sensih. Alla qajjem maltempata qawwija fuq il-​baħar. Il-​mewġ beda jitfaʼ l-​ġifen li kien fuqu Ġona ’l hawn u ’l hemm. Irġiel innoċenti kienu se jmutu, kollu tort taʼ Ġona! (Ġona 1:4) Kif kien se jirreaġixxi Ġona? Billi ma riedx li l-​baħrin fuq il-​ġifen jitilfu ħajjithom minħabba fih, Ġona qalilhom: “Aqbduni u ixħtuni l-​baħar . . . u l-​baħar jikkwitalkom.” (Ġona 1:12) Hu ma kellu l-​ebda bażi biex jaħseb li meta l-​baħrin fl-​aħħar veru tefgħuh il-​baħar, Jehovah kien se jsalvah. (Ġona 1:15) Madankollu, Ġona kien lest li jħallas prezz għoli sabiex il-​baħrin ma jmutux. Ma narawx hawnhekk li hu wera l-​kwalitajiet tal-​kuraġġ, l-​umiltà, u l-​imħabba?

10. X’ġara wara li Jehovah ġedded l-​inkarigu taʼ Ġona?

10 Finalment, Jehovah salva lil Ġona. Kienu l-​azzjonijiet reċenti taʼ Ġona se jiskwalifikawh milli qatt jerġaʼ jaqdi lil Alla bħala rappreżentant tiegħu? Le, Jehovah bil-​ħniena u bi mħabba ġedded l-​inkarigu tal-​profeta biex jippriedka lin-​nies taʼ Ninwè. Meta Ġona wasal Ninwè, hu bil-​kuraġġ qal lill-​abitanti tagħha li l-​ħażen kbir tagħhom kien ġie notat minn Alla u li l-​belt tagħhom kienet se tinqered fi żmien 40 jum. (Ġona 1:2; 3:4) Wara li semgħu l-​messaġġ dirett taʼ Ġona, in-​nies taʼ Ninwè nidmu, u l-​belt tagħhom ħelset mill-​qerda.

11. X’jindika li Ġona tgħallem tagħlima importanti?

11 Ġona xorta kien għadu mhux qed iqis l-​affarijiet b’mod tajjeb. Iżda permezz t’eżempju prattiku, Jehovah bil-​paċenzja għen lil Ġona jitgħallem li Hu ma jarax biss id-​dehra. Hu jeżamina l-​qalb. (Ġona 4:​5-11) Mir-​rakkont onest li hu stess niżżel bil-​miktub jidher ċar li Ġona tgħallem tagħlima importanti. Il-​fatt li kien lest jikteb dwar in-​nuqqasijiet tiegħu u jinkludi dettalji imbarazzanti jkompli juri l-​umiltà li kellu. Wieħed irid ikollu l-​kuraġġ biex jammetti żball!

12. (a) Kif nafu li Ġesù jqis in-​nies kif iqishom Jehovah? (b) Kif aħna inkuraġġiti li nqisuhom lin-​nies li nippridkawlhom l-​aħbar tajba? (Ara l-​kaxxa f’paġna 18.)

12 Sekli wara, Ġesù Kristu qal xi ħaġa pożittiva dwar ġrajja fil-​ħajja taʼ Ġona. Hu qal: “Kif Ġona għamel tlitt ijiem u tlitt iljieli f’żaqq il-​ħuta, hekk ukoll Bin il-​bniedem għad jagħmel tlitt ijiem u tlitt iljieli fil-​qalba taʼ l-​art.” (Mattew 12:40) Meta Ġona jiġi rxoxtat, hu se jsir jaf li Ġesù qabbel iż-​żmien Tiegħu fil-​qabar maʼ dan il-​perijodu inattiv fil-​ħajja tal-​profeta. M’aħniex ferħanin li naqdu Alla li ma jaqtax qalbu mill-​qaddejja tiegħu meta jonqsu? Is-​salmista kiteb: “Bħalma jħenn il-​missier għal uliedu, hekk iħenn il-​Mulej għal min għandu l-​biżaʼ tiegħu. Għax hu jaf kif aħna magħġuna, jiftakar li aħna trab.” (Salm 103:​13, 14) Tabilħaqq, dan it-​“trab”—inkluż in-​nies imperfetti llum—jistaʼ jwettaq ħafna affarijiet bl-​appoġġ taʼ l-​ispirtu qaddis t’Alla!

Opinjoni Bilanċjata dwar Pietru

13. Liema karatteristiċi taʼ Pietru jistgħu jiġuna f’moħħna, imma Ġesù għala għażlu bħala appostlu?

13 Issa ejja nikkunsidraw fil-​qosor eżempju ieħor, dak taʼ l-​appostlu Pietru. Jekk tintalab tiddeskrivi lil Pietru, se jiġik mill-​ewwel f’moħħok li hu kien żatat, impulsiv, u saħansitra prużuntuż? Veru, xi drabi Pietru aġixxa hekk. Madankollu, kien Ġesù se jagħżel lil Pietru bħala wieħed mill-​appostli tiegħu kieku Pietru verament kien bniedem żatat, impulsiv, jew prużuntuż? (Luqa 6:​12-14) Dażgur li le! B’mod ċar, Ġesù injora dawn id-​difetti u għaraf il-​kwalitajiet pożittivi taʼ Pietru.

14. (a) X’jistgħu jkunu xi raġunijiet għala Pietru kien jidher bħala bniedem taʼ żaqqu f’fommu? (b) Għala jmissna nkunu grati li Pietru kien taʼ spiss jistaqsi mistoqsijiet?

14 Xi drabi Pietru għamilha taʼ kelliemi għall-​appostli l-​oħra. Xi wħud, dan jistgħu jqisuh bħala evidenza taʼ nuqqas taʼ modestja. Imma jfisser dan bilfors hekk? Xi wħud jissuġġerixxu li Pietru forsi kien akbar fl-​età mill-​appostli l-​oħra—forsi akbar minn Ġesù nnifsu. Jekk dan huwa veru, forsi jgħinna nifhmu għala Pietru taʼ spiss kien ikun minn taʼ l-​ewwel biex jitkellem. (Mattew 16:22) Madankollu, hemm fattur ieħor x’nikkunsidraw. Pietru kien raġel spiritwali. L-​għatx li kellu għall-​għarfien qanqlu biex jistaqsi mistoqsijiet. Aħna bbenefikajna minn dan. Ġesù għamel ħafna stqarrijiet prezzjużi biex iwieġeb il-​mistoqsijiet taʼ Pietru, u dawn inżammu bil-​miktub fil-​Bibbja. Per eżempju, Ġesù tkellem dwar il-​“prokuratur leali” meta wieġeb mistoqsija li għamillu Pietru. (Luqa 12:​41-44, NW) U aħseb ftit dwar il-​mistoqsija taʼ Pietru: “Aħna ħallejna kollox u ġejna warajk; issa x’se jmissna?” Minħabba f’hekk Ġesù għamel din il-​wegħda inkuraġġanti: “Kull min iħalli ’l daru jew ’il ħutu jew ’il missieru jew ’l ommu jew ’l uliedu jew ir-​rabaʼ tiegħu minħabba f’ismi, jerġaʼ jirċievi kollox għal mitt darba iktar, u jieħu b’sehmu l-​ħajja taʼ dejjem.”—Mattew 15:15; 18:​21, 22; 19:​27-29.

15. Għala jistaʼ jintqal li Pietru kien verament leali?

15 Pietru kellu kwalità eċċellenti oħra—kien leali. Meta ħafna mid-​dixxipli ma baqgħux jimxu wara Ġesù għax ma fehmux waħda mill-​affarijiet li kien qed jgħallem, kien Pietru li tkellem f’isem it-​12-il appostlu u qal: “Mulej, għand min immorru? Inti għandek il-​kliem tal-​ħajja taʼ dejjem.” (Ġwann 6:​66-68) Min jaf kemm qanqallu qalbu dan il-​kliem lil Ġesù! Iktar tard, meta marmalja nies ġiet biex tarresta lis-​Sid, il-​biċċa l-​kbira mill-​appostli tiegħu ħarbu. Madankollu, Pietru segwa l-​folla mill-​bogħod u baqaʼ dieħel fil-​bitħa tal-​qassis il-​kbir. Kien il-​kuraġġ, mhux il-​biżaʼ, li qanqlu biex imur hemm. Waqt li Ġesù kien qed jiġi interrogat, Pietru ngħaqad maʼ grupp taʼ Lhud li kienu qed jisħnu ħdejn ħuġġieġa nar. Wieħed mill-​qaddejja tal-​qassis il-​kbir għarfu u akkużah li kien jagħmilha maʼ Ġesù. Iva, Pietru ċaħad lil Sidu, imma ejja ma ninsewx li kien minħabba l-​lealtà u l-​interess f’Ġesù li Pietru sab ruħu f’din is-​sitwazzjoni perikoluża, sitwazzjoni li l-​biċċa l-​kbira mill-​appostli m’ażżardawx jiffaċċjaw.—Ġwann 18:​15-27.

16. Għal liema raġuni prattika kkunsidrajna l-​kwalitajiet pożittivi taʼ Ġona u Pietru?

16 Il-​kwalitajiet pożittivi taʼ Pietru kienu jisbqu bil-​kbir in-​nuqqasijiet tiegħu. L-​istess jistaʼ jingħad għal Ġona. Bħalma qisna lil Ġona u lil Pietru minn aspett iktar pożittiv milli forsi nqisuhom is-​soltu, hekk ukoll għandna nħarrġu lilna nfusna biex inkunu iktar pożittivi fl-​opinjoni tagħna dwar ħutna spiritwali taʼ żmienna. Jekk nagħmlu hekk se jkollna relazzjonijiet aħjar magħhom. Għala għandna bżonn nagħmluh dan?

Napplikaw it-​Tagħlima Llum

17, 18. (a) Għala jistaʼ jinqalaʼ xi nuqqas taʼ qbil bejn il-​Kristjani? (b) Liema parir mill-​Bibbja jistaʼ jgħinna nsolvu d-​diffikultajiet maʼ sħabna kredenti?

17 Irġiel, nisa, u tfal minn kull livell ekonomiku kif ukoll minn kull sfond edukattiv u razzjali llum qed jaqdu lil Jehovah magħqudin. (Apokalissi 7:​9, 10) X’varjetà taʼ personalitajiet naraw fil-​kongregazzjoni Kristjana! Ladarba qed naqdu lil Alla fi sħubija mill-​qrib, ma jistax jonqos li xi drabi jkun hemm nuqqas taʼ qbil.—Rumani 12:10; Filippin 2:3.

18 Filwaqt li m’aħniex għamjin għan-​nuqqasijiet taʼ ħutna, aħna ma niffokawx fuqhom. Aħna nistinkaw biex nimitaw lil Jehovah. Is-​salmista kanta dwaru: “Jekk tal-​ħtijiet int tagħti kas, Mulej, Sidi, min jistaʼ jżomm sħiħ?” (Salm 130:3) Minflok ma jkun moħħna fil-​karatteristiċi tal-​personalità li jistgħu joħolqu firda bejnietna, aħna “nfittxu . . . dak li jġib is-​sliem u dak li jservi għall-​edifikazzjoni taʼ xulxin.” (Rumani 14:19) Aħna nipprovaw naraw lill-​oħrajn kif jarahom Jehovah, u ninjoraw id-​difetti waqt li niffokaw fuq il-​kwalitajiet tajbin. Meta nagħmlu hekk inkunu nistgħu ‘nistabru b’xulxin.’—Kolossin 3:13.

19. Semmi xi passi prattiċi li jistaʼ jieħu Kristjan biex isolvi nuqqas taʼ qbil serju.

19 Xi ngħidu jekk ikun hemm xi nuqqas taʼ qbil li ma nkunux nistgħu nieqfu ninkwetaw fuqu f’qalbna? Ġralek hekk maʼ xi ħadd minn ħutek? Għax ma tipprovax tirranġa l-​kwistjoni? (Ġenesi 32:​14-16 [32:​13-15, NW]) L-​ewwelnett, ersaq lejn Jehovah bit-​talb u itolbu għall-​gwida tiegħu. Imbagħad, billi żżomm f’moħħok il-​karatteristiċi pożittivi taʼ l-​individwu, mur kellmu bi “ħlewwa għaqlija.” (Ġakbu 3:13) Għidlu li trid tagħmel paċi. Ftakar fil-​parir ispirat: ‘Kun ħafif biex tismaʼ, tqil biex titkellem, tqil biex tinkorla.’ (Ġakbu 1:19) Il-​parir biex tkun ‘tqil biex tinkorla’ jindika li l-​persuna l-​oħra għandha mnejn tagħmel jew tgħid xi ħaġa li tistaʼ tirrabjak. Jekk jiġri hekk, itlob lil Jehovah biex jgħinek tikkontrolla lilek innifsek. (Galatin 5:​22, 23) Ħalli lil ħuk jgħid tiegħu, u ismaʼ sewwa. Twaqqfux, anki jekk ma taqbilx maʼ kulma jgħid. L-​opinjoni tiegħu forsi tkun żbaljata, imma hi x’inhi, dik hija l-​opinjoni tiegħu. Ipprova ara l-​problema bil-​mod kif qed jaraha hu. Dan forsi jinkludi li tara lilek innifsek kif qed jarak ħuk.—Proverbji 18:17.

20. Meta tkun qed tirranġa xi nuqqas taʼ qbil, liema passi oħra x’aktarx jirriżultaw f’paċi maʼ ħuk?

20 Meta jkun imissek titkellem, uża l-​ħlewwa. (Kolossin 4:6) Għid lil ħuk x’tapprezza dwaru. Skuża ruħek għal dak kollu li għamilt int min-​naħa tiegħek biex ma nftehemtux. Jekk ir-​riżultat taʼ l-​isforzi umlin tiegħek ikunu li tagħmel paċi maʼ ħuk, irringrazzja lil Jehovah. Jekk ma jkunx hemm dan ir-​riżultat, kompli itlob lil Jehovah għall-​gwida waqt li tkompli tfittex opportunitajiet oħra biex tagħmel paċi.—Rumani 12:18.

21. Din id-​diskussjoni kif għenitek tara lill-​oħrajn kif jarahom Jehovah?

21 Jehovah iħobb lill-​qaddejja tiegħu kollha. Hu jieħu gost jużana lkoll fis-​servizz tiegħu minkejja l-​imperfezzjonijiet tagħna. Hekk kif nitgħallmu iktar dwar il-​mod kif iqis lill-​oħrajn, l-​imħabba tagħna għal ħutna se tikber. Jekk l-​imħabba tagħna għal Kristjan ieħor birdet, din tistaʼ terġaʼ titkebbes. Kemm se nitbierku bil-​kbir jekk b’determinazzjoni nagħmlu sforz biex ikollna opinjoni pożittiva t’oħrajn—iva, li narawhom kif jarahom Jehovah!

[Noti taʼ taħt]

a Iktar tard deher li Elijab, raġel sabiħ fid-​dehra, ma kellux il-​kwalitajiet meħtiġin biex ikun sultan xieraq għal Iżrael. Meta l-​ġgant Filisti Gulija sfida lill-​Iżraelin f’battalja, Elijab, kif ukoll l-​irġiel l-​oħra taʼ Iżrael, triegħdu bil-​biżaʼ.—1 Samwel 17:​11, 28-30.

b Minħabba xi konkwisti importanti u l-​kisba mill-​ġdid taʼ ċerti territorji kif ukoll il-​ħaraġ li x’aktarx inġabar b’riżultat taʼ dan, Ġerobogħam II milli jidher żied ħafna l-​għana tas-​saltna tat-​tramuntana.—2 Samwel 8:6; 2 Slaten 14:​23-28; 2 Kronaki 8:​3, 4; Għamos 6:2.

Int Kif Twieġeb?

• Jehovah kif iqishom in-​nuqqasijiet tal-​qaddejja leali tiegħu?

• Liema kwalitajiet pożittivi taʼ Ġona u Pietru taf issemmi?

• Kif int determinat li tibqaʼ tqishom lil ħutek Kristjani?

[Kaxxa f’pagna 18]

Aħseb dwar Kif l-​Oħrajn Jidhru f’Għajnejn Alla

Int u timmedita fuq ir-​rakkont Bibliku taʼ Ġona, tara int il-​bżonn li tqis lin-​nies li tippridkalhom l-​aħbar tajba regolarment minn angolu differenti? Jistgħu jidhru sodisfatti bihom infushom jew apatetiċi, bħall-​Iżraelin, jew jistgħu jopponu l-​messaġġ t’Alla. Madankollu, kif jidhru f’għajnejn Alla Jehovah? Anki xi individwi li huma prominenti f’din is-​sistema t’affarijiet jistgħu xi darba jduru lejn Jehovah, bħalma s-​sultan taʼ Ninwè nidem b’riżultat taʼ l-​ippridkar taʼ Ġona.—Ġona 3:​6, 7.

[Stampa f’paġna 15]

Tara int lill-​oħrajn kif jarahom Jehovah?

[Stampa f’paġna 16]

Ġesù sab xi ħaġa pożittiva x’jgħid dwar l-​esperjenza taʼ Ġona

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja