LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w03 7/1 pp. 9-14
  • “Dan Hu Alla Tagħna”

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • “Dan Hu Alla Tagħna”
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2003
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • “Għoli fil-​Qawwa”
  • ‘Il-​Mulej Iħobb il-​Ġustizzja’
  • ‘Kemm Huwa Kbir l-​Għerf t’Alla!’
  • Tista’ int verament ‘tersaq qrib lejn Alla’?
    Ersaq Qrib Lejn Ġeħova
  • Xi kwalitajiet għandu Alla?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Pubbliku)—2019
  • “Ilkoll ġusti t-triqat tiegħu”
    Ersaq Qrib Lejn Ġeħova
  • Il-qawwa protettiva—“Kenn . . . hu Alla għalina”
    Ersaq Qrib Lejn Ġeħova
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2003
w03 7/1 pp. 9-14

“Dan Hu Alla Tagħna”

L-​informazzjoni diskussa f’dawn iż-​żewġ artikli taʼ studju hija bbażata fuq il-​ktieb Draw Close to Jehovah (Ersaq Qrib taʼ Jehovah), li ħareġ fil-​konvenzjonijiet distrettwali li nżammu madwar id-​dinja matul l-​2002/03.​—Ara l-​artiklu “Imlieli l-​Vojt li Kelli f’Qalbi,” f’paġna 20.

“Dan hu Alla tagħna: fih ittamajna li jsalvana; dan hu l-​Mulej.”​—Isaija 25:9.

1, 2. (a) Jehovah kif irrefera għall-​patrijarka Abraham, u dan x’jistaʼ jġagħalna naħsbu? (b) Il-​Bibbja kif taċċertana li relazzjoni intima m’Alla hija possibbli?

“ĦABIBI.” Dan hu kif Jehovah, il-​Ħallieq tas-​sema u l-​art, irrefera għall-​patrijarka Abraham. (Isaija 41:8) Immaġina ftit​—sempliċi bniedem igawdi ħbiberija mal-​Mulej Sovran taʼ l-​univers! Għandek mnejn taħseb, ‘Kif jistaʼ jkun li nkun daqshekk qrib t’Alla?’

2 Il-​Bibbja taċċertana li relazzjoni intima m’Alla hija possibbli. Abraham setaʼ jgawdi intimità bħal din għax hu “emmen lil Alla,” jew kellu fidi fih. (Ġakbu 2:23) Illum, ukoll, Jehovah hu ‘ħaġa waħda mat-​tajbin.’ (Qwiel 3:​32, Saydon) F’Ġakbu 4:​8, il-​Bibbja tħeġġiġna: “Ersqu lejn Alla, u hu jersaq lejkom.” Jidher ċar li jekk nieħdu passi biex nersqu qrib taʼ Jehovah, hu se jaġixxi. Tabilħaqq, hu se jersaq qrib tagħna. Imma jfisser dan il-​kliem imnebbaħ li aħna—bnedmin midinbin u imperfetti—nieħdu l-​ewwel pass? Lanqas xejn. Din l-​intimità privileġġata maʼ Jehovah hija possibbli biss għaliex Alla tagħna kollu mħabba ħa żewġ passi importanti.—Salm 25:14.

3. Jehovah liema żewġ passi ħa biex jagħmilha possibbli għalina li ngawdu ħbiberija miegħu?

3 L-​ewwelnett, Jehovah irranġa biex Ġesù “jagħti ħajtu b’fidwa għall-​kotra.” (Mattew 20:28) Dan is-​sagrifiċċju tal-​fidwa jagħmilha possibbli għalina li nkunu qrib t’Alla. Il-​Bibbja tgħid: “Aħna nħobbu, għax hu ħabbna l-​ewwel.” (1 Ġwanni 4: ​19) Iva, ladarba Alla “ħabbna l-​ewwel,” hu ħejja l-​pedament għalina biex nidħlu fi ħbiberija miegħu. It-​tieni, Jehovah irrivelalna min hu. Kwalunkwe rabta taʼ ħbiberija li noħolqu tkun ibbażata fuq li nsiru nafu tajjeb lill-​individwu l-​ieħor, nammiraw u napprezzaw il-​karatteristiċi distintivi tiegħu. Ikkunsidra dan xi jfisser. Li kieku Jehovah kien Alla moħbi minna u lanqas ħadd ma jistaʼ jsir jafu, qatt ma nistgħu nkunu qrib tiegħu. Iżda, mhux talli Jehovah mhux moħbi minna, imma talli hu jridna nsiru nafuh. (Isaija 45:19) Fil-​Kelma tiegħu, il-​Bibbja, hu jirrivela lilu nnifsu b’termini li nistgħu nifhmuhom—prova li hu mhux biss iħobbna imma jridna nsiru nafuh u nħobbuh bħala Missierna tas-​sema.

4. Kif se nħossuna dwar Jehovah hekk kif insiru nafu aħjar il-​kwalitajiet tiegħu?

4 Ġieli rajt xi tifel ċkejken flimkien maʼ sħabu u kollu kburi jipponta lejn missieru bil-​ferħ u bl-​innoċenza kollha jgħidilhom, “Dak il-​papà tiegħi”? L-​aduraturi t’Alla għandhom kull raġun biex iħossuhom l-​istess dwar Jehovah. Il-​Bibbja tbassar żmien meta nies leali se jgħajtu: “Dan hu Alla tagħna.” (Isaija 25:​8, 9) Iktar ma niksbu dehen dwar il-​kwalitajiet taʼ Jehovah, iktar se nħossuna li għandna l-​aqwa Missier u Ħabib tal-​qalb li jistaʼ jkollna. Iva, meta nibdew nifhmu l-​kwalitajiet taʼ Jehovah ikollna ħafna raġunijiet għalxiex nersqu qrib tiegħu. Mela ejja neżaminaw kif il-​Bibbja tirrivela l-​attributi kardinali taʼ Jehovah—il-​qawwa, il-​ġustizzja, l-​għerf, u l-​imħabba. F’dan l-​artiklu, se niddiskutu l-​ewwel tlieta minn dawn il-​kwalitajiet.

“Għoli fil-​Qawwa”

5. Għala hu xieraq li Jehovah biss jissejjaħ ‘Alla li jistaʼ kollox,’ u b’liema modi juża l-​qawwa taʼ l-​għaġeb tiegħu?

5 Jehovah hu “għoli fil-​qawwa.” (Ġob 37:23) Ġeremija 10:6 jgħid: “Ħadd m’hu bħalek, Mulej, int kbir, u kbir ismek f’qawwitu!” Kuntrarju għal kwalunkwe ħlejqa, Jehovah għandu qawwa bla limitu. Għal din ir-​raġuni, hu biss jissejjaħ ‘Alla li jistaʼ kollox.’ (Apokalissi 15:3) Jehovah juża l-​qawwa taʼ l-​għaġeb tiegħu biex joħloq, biex jeqred, biex jipproteġi, u biex jirrestawra. Ikkunsidra żewġ eżempji biss—il-​qawwa kreattiva tiegħu u l-​qawwa protettiva tiegħu.

6, 7. Ix-​xemx kemm għandha qawwa, u din għal liema verità importanti tixhed?

6 Meta tkun qiegħed fil-​beraħ f’jum sabiħ u sajfi, xi tħoss fuq il-​ġilda tiegħek? Tħoss is-​sħana tax-​xemx. Fil-​fatt, iżda, dak li tkun qed tħoss huwa r-​riżultat tal-​qawwa kreattiva taʼ Jehovah. X’qawwa għandha x-​xemx? Fil-​qalba tagħha, it-​temperatura hi taʼ madwar 15-il miljun grad Celsius. Kieku kellek taqbad daqs ras taʼ labra mill-​qalba tax-​xemx u tpoġġiha hawn fuq l-​art, kien ikun perikoluż li toqgħod inqas minn 150 kilometru ’l bogħod minn dak is-​sors tant ċkejken taʼ sħana! Kull sekonda, ix-​xemx tarmi enerġija li hija daqs l-​isplużjoni taʼ ħafna mijiet taʼ miljuni taʼ bombi nukleari. Madankollu, l-​art iddur u żżomm id-​distanza preċiża minn din il-​ħuġġieġa termonukleari tant taʼ l-​għaġeb. Jekk tasal qrib ħafna, l-​ilma taʼ fuq l-​art jinxtorob; jekk tmur ’il bogħod ħafna, isir kollu silġ. Fiż-​żewġ estremi l-​ħajja fuq din il-​pjaneta tagħna tkun impossibbli.

7 Għalkemm ħajjithom stess tiddependi mix-​xemx, ħafna nies ma japprezzawhiex. B’hekk, jitilfu dak li tistaʼ tgħallimna x-​xemx. Salm 74:16 jgħid dwar Jehovah: “Il-​kwiekeb u x-​xemx int għamilthom.” Iva, ix-​xemx tigglorifikah lil Jehovah, “li għamel is-​sema, l-​art u l-​baħar.” (Salm 146:6) Però, din m’hijiex ħlief waħda mill-​affarijiet maħluqin kollha li jgħallmuna dwar il-​qawwa immensa taʼ Jehovah. Iktar ma nitgħallmu dwar il-​qawwa kreattiva taʼ Jehovah, iktar isir profond l-​istagħġib tagħna.

8, 9. (a) Liema kliem teneru jagħti stampa taʼ kemm Jehovah hu lest li jipproteġi u jieħu ħsieb l-​aduraturi tiegħu? (b) Ir-​ragħaj fi żminijiet Bibliċi kif ħa ħsieb in-​nagħaġ tiegħu, u dan x’jgħallimna dwar ir-​Ragħaj il-​Kbir tagħna?

8 Jehovah juża wkoll il-​qawwa vasta tiegħu biex jipproteġi lill-​qaddejja tiegħu u biex jieħu ħsiebhom. Il-​Bibbja tuża kliem li jagħtik stampi ċari ħafna u li jolqtok biex tiddeskrivi l-​wegħdi taʼ Jehovah li jħarisna b’mod protettiv. Per eżempju, innota Isaija 40:11. F’dan il-​vers Jehovah ixebbah lilu nnifsu maʼ Ragħaj u lill-​poplu tiegħu maʼ nagħaġ. Naqraw: “Bħal ragħaj li jirgħa l-​merħla tiegħu; bi driegħu jiġmagħha, u l-​ħrief fi ħdanu jerfagħhom; u n-​nagħaġ ireddgħu bil-​mod imexxihom.” Tistaʼ ġġib quddiem għajnejk x’qed jiġi deskritt f’dan il-​vers?

9 Ma tantx hemm annimali li għandhom bżonn min jipproteġihom daqs in-​nagħaġ domestiċi. Fi żminijiet Bibliċi, ir-​ragħaj ried ikun kuraġġuż biex jipproteġi lin-​nagħaġ tiegħu mill-​ilpup, l-​orsijiet, u l-​iljuni. (1 Samwel 17:​34-36; Ġwanni 10:​10-​13) Imma kien hemm drabi meta kellu juri t-​tenerezza biex jipproteġi lin-​nagħaġ. Per eżempju, meta xi nagħġa kienet tiled ’il bogħod mill-​maqjel, kif setaʼ r-​ragħaj iħares lill-​ħaruf fraġli li jkun għadu kif twieled? Kien iġorru, forsi għal ġranet sħaħ, “fi ħdanu”—fid-​drapp wiesaʼ tal-​libsa taʼ fuq tiegħu. Imma dak il-​ħaruf ċkejken kif kien isib ruħu fi ħdan ir-​ragħaj? Il-​ħaruf għandu mnejn jersaq lejn ir-​ragħaj u saħansitra jitħakkek maʼ saqajh. Madankollu, ried ikun ir-​ragħaj li jitbaxxa, joħroġ idu u jiġbor lill-​ħaruf, u jqiegħdu fi ħdanu biex ma jkunx fil-​periklu. Xi stampa tenera dik tar-​Ragħaj il-​Kbir tagħna li hu lest li jipproteġi u jieħu ħsieb il-​qaddejja tiegħu!

10. Jehovah liema protezzjoni jipprovdilna llum, u din il-​protezzjoni għala hija daqshekk importanti?

10 Jehovah għamel iktar milli sempliċement wiegħed li jipproteġina. Fi żminijiet Bibliċi, hu wera b’modi mirakolużi li hu kapaċi “jeħles it-​tajbin mit-​tiġrib.” (2 Pietru 2:9) Xi ngħidu għal-​lum? Aħna nafu li hu m’huwiex qed juża l-​qawwa tiegħu biex jipproteġina minn kull gwaj li jkollna bħalissa. Madankollu, hu jipprovdi xi ħaġa iktar importanti—protezzjoni spiritwali. Alla tagħna kollu mħabba jipproteġina mill-​ħsara spiritwali billi jgħammarna b’dak li neħtieġu sabiex nissaportu l-​provi u nipproteġu r-​relazzjoni prezzjuża tagħna miegħu. Per eżempju, Luqa 11:13 jgħid: “Mela jekk intom, nies ħżiena bħalkom, tafu tagħtu lil uliedkom ħwejjeġ tajba, kemm aktar il-​Missier mis-​smewwiet jagħti spirtu qaddis lil dawk li jitolbuhulu!” Dik il-​forza qawwija tistaʼ tgħinna niffaċċjaw kwalunkwe prova jew problema li jistaʼ jkollna. (2 Korintin 4:7) Jehovah b’hekk jaħdem biex iżommna ħajjin, mhux biss għal ftit snin qosra, imma għall-​eternità. B’dan il-​prospett f’moħħna, nistgħu tabilħaqq inqisu kwalunkwe tbatija li jistaʼ jkollna f’din is-​sistema bħala “għal mument u ħafifa.” (2 Korintin 4:​17, NW) Ma nħossuniex miġbudin lejn Alla bħal dan li juża l-​qawwa tiegħu b’tant imħabba għalina?

‘Il-​Mulej Iħobb il-​Ġustizzja’

11, 12. (a) Il-​ġustizzja taʼ Jehovah għala tiġbidna iktar lejh? (b) Liema konklużjoni wasal għaliha David rigward il-​ġustizzja taʼ Jehovah, u dan il-​kliem imnebbaħ kif inhu taʼ faraġ għalina?

11 Jehovah jagħmel kulma hu sewwa u ġust, u dan jagħmlu b’mod konsistenti, mingħajr parzjalità. Il-​ġustizzja divina mhix xi kwalità mingħajr ebda sentiment, ħarxa u li timbottana, imma hija kwalità li ġġagħalna ninġibdu lejn Jehovah u ngħożżuh. Il-​Bibbja tiddeskrivi b’mod ċar kemm din il-​kwalità hi taʼ natura tenera. Mela, ejja nikkunsidraw tliet modi li bihom Jehovah jeżerċita l-​ġustizzja tiegħu.

12 L-​ewwelnett, il-​ġustizzja taʼ Jehovah tqanqlu biex juri l-​fedeltà u l-​lealtà mal-​qaddejja tiegħu. Is-​salmista David setaʼ japprezza personalment dan l-​aspett tal-​ġustizzja taʼ Jehovah. Mill-​esperjenza tiegħu stess u mill-​istudju tiegħu dwar il-​mogħdijiet t’Alla, David għal liema konklużjoni wasal? Hu ddikjara: “Il-​Mulej iħobb is-​sewwa [“il-​ġustizzja,” NW], u ma jitlaqx it-​twajbin tiegħu; hu jħarishom għal dejjem.” (Salm 37:28) X’assiguranza taʼ faraġ! Alla tagħna qatt m’hu se jabbanduna, lanqas għal mument wieħed, lil min hu leali lejh. Għalhekk, nistgħu nkunu ċerti li hu se jkun qrib tagħna u li bi mħabba se jieħu ħsiebna. Il-​ġustizzja tiegħu tiggarantih dan!​—Proverbji 2:​7, 8.

13. It-​tħassib taʼ Jehovah għal kulmin hu żvantaġġat kif jidher ċar fil-​Liġi li hu ta lil Iżrael?

13 It-​tieni, il-​ġustizzja divina hi sensittiva għall-​bżonnijiet taʼ min hu magħkus. It-​tħassib li Jehovah juri għal kulmin hu żvantaġġat jidher ċar mil-​Liġi li hu ta lil Iżrael. Per eżempju, fil-​Liġi kien hemm provvedimenti biex jaċċertaw li l-​iltiema u r-​romol ikollhom min jieħu ħsiebhom. (Dewteronomju 24:​17-21) Peress li għaraf kemm il-​ħajja setgħet tkun diffiċli għal dawn il-​familji, Jehovah innifsu sar l-​Imħallef u l-​Protettur tagħhom bħala missier. (Dewteronomju 10:​17, 18) Hu wissa lill-​Iżraelin li jekk jaħqru lin-​nisa u lit-​tfal li ma kellhomx min jaqbeż għalihom, hu kien se jismaʼ l-​għajta taʼ wħud bħal dawn. “Il-​qilla tiegħi tixgħel,” hu stqarr, bħalma nsibu f’Eżodu 22:​21-23 (22:​22-24, NW). Għalkemm ir-​rabja mhix waħda mill-​kwalitajiet dominanti t’Alla, hu jiġi provokat biex juri għadab ġust meta jsiru atti taʼ inġustizzja apposta, speċjalment meta l-​vittmi jkunu nies vulnerabbli.​—Salm 103:6.

14. Liema evidenza taʼ l-​għaġeb għandna dwar l-​imparzjalità taʼ Jehovah?

14 It-​tielet, f’Dewteronomju 10:​17, il-​Bibbja tassigurana li Jehovah “ma jħarisx lejn l-​uċuħ u ma jiħux rigali.” Kuntrarju għal ħafna bnedmin li għandhom xi poter jew influwenza, Jehovah ma jiġix influwenzat mill-​ġid materjali jew mid-​dehra taʼ barra. Hu ħieles minn kull preġudizzju jew favoritiżmu. Evidenza taʼ l-​għaġeb taʼ l-​imparzjalità tiegħu hija din: L-​opportunità li wieħed isir aduratur veru tiegħu, b’tama taʼ ħajja bla tmiem, mhix ristretta għal xi ftit tal-​qalba. Pjuttost, Atti 10:​34, 35 jistqarr: “Alla ma jħares lejn wiċċ ħadd, imma jilqaʼ lil kull min għandu l-​biżaʼ tiegħu u jagħmel is-​sewwa, ikun minn liema poplu jkun.” Dan il-​prospett huwa miftuħ għal kulħadd, hi x’inhi l-​qagħda soċjali tagħhom, il-​kulur tal-​ġilda tagħhom, jew il-​pajjiż fejn joqogħdu. M’hijiex din ġustizzja vera fl-​aqwa tagħha? Tabilħaqq, meta nifhmu aħjar il-​ġustizzja taʼ Jehovah inkunu nistgħu nersqu qrib tiegħu!

‘Kemm Huwa Kbir l-​Għerf t’Alla!’

15. X’inhu l-​għerf, u Jehovah kif jurih?

15 L-​appostlu Pawlu ħassu mqanqal biex ilissen il-​kliem li nsibu f’Rumani 11:33: ‘Kemm huwa kbir l-​għerf t’Alla!’ Iva, waqt li nikkontemplaw dwar id-​diversi aspetti taʼ l-​għerf vast taʼ Jehovah, ma nistgħux ma nimtlewx b’riverenza profonda. Iżda kif nistgħu nispjegaw eżatt x’inhi din il-​kwalità? L-​għerf iġiegħel l-​għarfien, id-​dehen, u l-​fehma jaħdmu flimkien biex jipproduċu l-​effett mixtieq. Meta Jehovah juża l-​għarfien kbir u l-​fehma profonda li għandu, Hu dejjem jagħmel l-​aqwa deċiżjonijiet possibbli, u jwettaqhom bl-​aqwa mod immaġinabbli.

16, 17. L-​affarijiet li ħalaq Jehovah kif huma xiehda taʼ l-​għerf vast li għandu? Agħti eżempju.

16 X’inhuma xi evidenzi speċifiċi taʼ l-​għerf vast taʼ Jehovah? Salm 104:24 jgħid: “Kemm huma kotrana l-​għemejjel tiegħek, Mulej! Kollha bl-​għerf għamilthom; mimlija l-​art bil-​ħlejjaq tiegħek.” Tabilħaqq, iktar ma nitgħallmu dwar l-​affarijiet li għamel Jehovah, iktar insibu ruħna msaħħrin bl-​għerf tiegħu. Fil-​fatt, ix-​xjenzati tgħallmu ħafna billi studjaw l-​affarijiet li ħalaq Jehovah! Hemm saħansitra qasam taʼ l-​inġinerija li jissejjaħ bijomimetika, li fih jipprovaw jimitaw id-​disinji li jinsabu fin-​natura.

17 Per eżempju, forsi ġieli bqajt miblugħ tħares lejn il-​ġmiel t’għanqbuta. Hija tabilħaqq meravilja taʼ disinn. Dawk li jidhru qishom xagħriet dgħajfin huma proporzjonalment iktar b’saħħithom mill-​azzar u mill-​fibri taʼ ġakketta li tirreżisti t-​tiri minn arma tan-​nar. Eżattament xi jfisser dan? Immaġina għanqbuta li tiġi mkabbra fl-​iskala sakemm issir id-​daqs taʼ xibka li tintuża fuq dgħajsa tas-​sajd. Għanqbuta bħal din tant tkun b’saħħitha li tkun tistaʼ twaqqaf ajruplan tal-​passiġġieri li jkun għaddej fl-​ajru b’veloċità kbira! Iva, Jehovah għamel dawn l-​affarijiet kollha “bl-​għerf.”

18. L-​għerf taʼ Jehovah kif jidher mill-​mod kif uża l-​bnedmin biex iniżżlu bil-​miktub il-​Kelma tiegħu, il-​Bibbja?

18 L-​akbar evidenza taʼ l-​għerf taʼ Jehovah tistaʼ tinstab fil-​Kelma tiegħu, il-​Bibbja. Il-​pariri għaqlin li nsibu fil-​paġni tagħha juruna verament l-​aqwa mod taʼ kif għandna ngħixu. (Isaija 48:17) Imma l-​għerf taʼ Jehovah li ma tistaʼ tqabblu maʼ xejn jidher ukoll mill-​mod taʼ kif inkitbet il-​Bibbja. Dan kif? Fl-​għerf tiegħu, Jehovah għażel li juża lill-​bnedmin biex iniżżlu bil-​miktub il-​Kelma tiegħu. Kieku uża lill-​anġli biex jiktbu l-​Kelma mnebbħa, kienet il-​Bibbja tkun tappella daqshekk għan-​nies? Veru, l-​anġli setgħu jagħtu stampa taʼ Jehovah mill-​mod superjuri kif jarawh u setgħu jesprimu d-​devozzjoni li huma stess għandhom lejh. Imma konna aħna se nifhmuhom l-​affarijiet mill-​perspettiva taʼ ħlejjaq spirti perfetti, li l-​għarfien, l-​esperjenza, u l-​qawwa tagħhom huma ferm iktar superjuri għal tagħna?​—Lhud 2:​6, 7.

19. Minħabba li ntużaw kittieba umani, liema eżempju juri li l-​Bibbja miktuba b’mod li tassew jolqtok u jiġbdek?

19 Minħabba li ntużaw kittieba bnedmin, il-​Bibbja miktuba b’mod li tassew jolqtok u jiġbdek. Il-​kittieba tagħha kienu bnedmin li kellhom sentimenti bħal tagħna. Peress li kienu imperfetti, huma ħabbtu wiċċhom maʼ provi u pressjonijiet bħal dawk li ngħaddu minnhom aħna. F’ċerti każi, kitbu fl-​ewwel persuna dwar is-​sentimenti u t-​taħbit tagħhom infushom. (2 Korintin 12:​7-​10) Għalhekk huma kitbu l-​kliem li ebda anġlu ma setaʼ jesprimi. Per eżempju, ejja nieħdu l-​kliem taʼ David li nsibuh f’Salm 51. Skond is-​sopraskrizzjoni, David ikkompona dan is-​salm wara li kien għamel dnub serju. Hu ferraʼ qalbu, waqt li esprima d-​dispjaċir profond tiegħu u talab bil-​ħniena lil Alla biex jaħfirlu. Versi 4 u 5 (2 u 3, NW), jgħidu: “Aħsilni kollni mill-​ħtija tiegħi; naddafni mid-​dnub tiegħi. Għax jien nagħrafhom ħtijieti; id-​dnub tiegħi dejjem quddiemi.” Innota vers 7 (5, NW): “Ara, jiena ssawwart fil-​ħtija, u fid-​dnub nisslitni ommi.” Vers 19 (17, NW) iżid: “Is-​sagrifiċċju tiegħi, o Alla, hu l-​qalb niedma; qalb maqsuma u sogħbiena ma twarrabhiex, o Alla.” Ma tħossux int in-​niket li qed iħoss il-​kittieb? Min ħlief bniedem imperfett jistaʼ jesprimi sentimenti bħal dawn?

20, 21. (a) Kif jistaʼ jingħad li minkejja li Jehovah uża bnedmin biex jiktbu l-​Bibbja, din fiha l-​għerf taʼ Jehovah? (b) X’se jiġi diskuss fl-​artiklu li jmiss?

20 Minħabba li uża bnedmin imperfetti bħal dawn, Jehovah setaʼ jipprovdi sewwasew dak li għandna bżonn​—kitba li hi “mnebbħa minn Alla” u li fl-​istess ħin fiha l-​element uman. (2 Timotju 3:16) Iva, dawn il-​kittieba kienu gwidati mill-​ispirtu qaddis. Huma b’hekk niżżlu bil-​miktub l-​għerf taʼ Jehovah, u mhux tagħhom stess. Dan l-​għerf tistaʼ tafdah perfettament. Tant hu ogħla mill-​għerf tagħna stess li Alla jħeġġiġna bl-​imħabba kollha: “Ittama fil-​Mulej b’qalbek kollha, u tafdax fl-​għaqal tiegħek. Fih aħseb f’kull ma tagħmel, u hu jwittilek triqatek.” (Proverbji 3:​5, 6) Meta nagħtu kas dak il-​parir għaqli, nersqu eqreb t’Alla tagħna mimli għerf.

21 L-​iktar kwalità sabiħa u li tiġbdek mill-​kwalitajiet kollha taʼ Jehovah hija l-​imħabba. Fl-​artiklu li jmiss se jiġu diskussi xi modi kif Jehovah wera l-​imħabba.

Tistaʼ Tiftakar?

• Jehovah liema passi ħa biex inkunu nistgħu nikkultivaw relazzjoni intima miegħu?

• Liema huma xi eżempji tal-​qawwa kreattiva u tal-​qawwa protettiva taʼ Jehovah?

• Jehovah b’liema modi jeżerċita l-​ġustizzja tiegħu?

• L-​għerf taʼ Jehovah kif jidher kemm fil-​ħolqien kif ukoll fil-​Bibbja?

[Stampa f’paġna 10]

Bħal ragħaj li jġorr il-​ħaruf fi ħdanu, hekk Jehovah b’mod teneru jieħu ħsieb in-​nagħaġ Tiegħu

[Stampa f’paġna 13]

L-​għerf taʼ Jehovah jidher fil-​mod li bih ġiet miktuba l-​Bibbja

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja