LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w03 7/1 pp. 14-19
  • “Alla Hu Mħabba”

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • “Alla Hu Mħabba”
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2003
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • L-​Akbar Att taʼ Mħabba
  • Kif Jehovah Jaċċertana minn Imħabbtu
  • Alla li Hu ‘Lest biex Jaħfer’
  • “Il-​Mogħdrija Tenera taʼ Alla Tagħna”
  • “Il-mogħdrija tenera t’Alla tagħna”
    Ersaq Qrib Lejn Ġeħova
  • “Hu ħabbna l-ewwel”
    Ersaq Qrib Lejn Ġeħova
  • Xejn ma jistaʼ ‘jifridna mill-imħabba ta’ Alla’
    Ersaq Qrib Lejn Ġeħova
  • Alla li hu ‘lest biex jaħfer’
    Ersaq Qrib Lejn Ġeħova
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2003
w03 7/1 pp. 14-19

“Alla Hu Mħabba”

“Dak li ma jħobbx ma għarafx lil Alla, għax Alla hu mħabba.”​—1 Ġwanni 4:8.

1-3. (a) Liema stqarrija tagħmel il-​Bibbja dwar l-​imħabba li hija attribut taʼ Jehovah, u b’liema mod hija din l-​istqarrija unika? (b) Il-​Bibbja għala tgħid li “Alla hu mħabba”?

IL-​KWALITAJIET kollha taʼ Jehovah huma eċċellenti, perfetti, u li jolqtuk. Imma l-​iktar kwalità li tiġbdek mill-​kwalitajiet kollha li għandu Jehovah hija l-​imħabba. Xejn iktar ma jiġbidna b’daqshekk qawwa lejn Jehovah daqskemm tiġbidna l-​imħabba tiegħu. U għandna għalxiex inkunu ferħanin għax l-​imħabba hija wkoll il-​kwalità dominanti tiegħu. Dan kif nafuh?

2 Il-​Bibbja tgħid xi ħaġa dwar l-​imħabba li qatt ma tgħidha dwar l-​attributi kardinali l-​oħra taʼ Jehovah. L-​Iskrittura ma tgħidx li Alla hu qawwa jew li Alla hu ġustizzja jew saħansitra li Alla hu għerf. Hu għandu dawn il-​kwalitajiet, u hu s-​sors aħħari tagħhom it-​tlieta. Iżda, rigward l-​imħabba tingħad xi ħaġa iktar profonda fl-​1 Ġwanni 4:8: “Alla hu mħabba.” (Korsiv tagħna.) Iva, l-​imħabba hija parti integrali minn Jehovah. Hija hu kollu kemm hu, l-​istess natura tiegħu. Ġeneralment, nistgħu naħsbu dwar din il-​ħaġa b’dan il-​mod: Il-​qawwa taʼ Jehovah tgħinu jaġixxi. Il-​ġustizzja u l-​għerf tiegħu jiggwidaw il-​mod taʼ kif jaġixxi. Imma l-​imħabba taʼ Jehovah tqanqlu biex jaġixxi. U l-​imħabba tiegħu hija dejjem riflessa fil-​mod kif juża l-​attributi l-​oħra tiegħu.

3 Spiss jingħad li Jehovah hu l-​istess personifikazzjoni taʼ l-​imħabba. Għaldaqstant, jekk irridu nitgħallmu x’inhi l-​imħabba, jeħtieġ li nitgħallmu dwar Jehovah. Mela, ejja neżaminaw xi ftit aspetti taʼ l-​imħabba unika taʼ Jehovah.

L-​Akbar Att taʼ Mħabba

4, 5. (a) X’inhu l-​akbar att taʼ mħabba fl-​istorja kollha? (b) Għala nistgħu ngħidu li Jehovah u Ibnu huma magħqudin bl-​iktar rabta soda taʼ mħabba li qatt eżistiet?

4 Jehovah wera l-​imħabba b’ħafna modi, imma hemm mod wieħed li jispikka fuq l-​oħrajn kollha. Dan x’inhu? Huwa l-​fatt li Jehovah bagħat lil Ibnu biex ibati u jmut għalina. Nistgħu ngħidu bla tlaqliq li dan huwa l-​akbar att taʼ mħabba li qatt intwera fl-​istorja kollha. Dan għala nistgħu ngħiduh?

5 Il-​Bibbja ssejjaħ lil Ġesù “l-​kbir fost il-​ħlejjaq kollha.” (Kolossin 1:​15) Aħseb ftit​—l-​Iben taʼ Jehovah ilu jeżisti minn qabel l-​univers fiżiku. Allura, kemm kienu ilhom flimkien il-​Missier u l-​Iben? Xi xjenzati jgħidu li l-​univers ilu jeżisti għal 13-il biljun sena. Madankollu, anki kieku din l-​istima hija korretta, ma kinitx tkun biżżejjed biex tirrappreżenta n-​numru taʼ snin li ilu jeżisti l-​ewwel Iben imwieled t’Alla! X’qagħad jagħmel f’dawk is-​snin kollha? L-​Iben qeda bil-​ferħ bħala “mgħallem.” (Qwiel 8:​30, Saydon; Ġwanni 1:3) Jehovah u Ibnu ħadmu flimkien biex joħolqu l-​affarijiet l-​oħra kollha. Min jaf kemm kien żmien eċċitanti u hieni dan għalihom! Mela, min minna jistaʼ jażżarda jimmaġina x’qawwa kellha r-​rabta li eżistiet bejniethom għal din l-​immensità taʼ żmien? Bla ebda dubju, Alla Jehovah u Ibnu huma magħqudin bl-​iktar rabta soda taʼ mħabba li qatt eżistiet.

6. Meta Ġesù tgħammed, Jehovah kif esprima s-​sentimenti tiegħu dwar Ibnu?

6 Minkejja dan, Jehovah bagħat lil Ibnu fuq l-​art biex jitwieled bħala tarbija umana. Dan kien ifisser li Jehovah kellu jgħaddi għaxriet taʼ snin mingħajr is-​sħubija intima taʼ Ibnu l-​maħbub fis-​sema. B’interess profond, Hu mis-​sema żamm għajnejh fuq Ġesù hekk kif hu kiber u sar bniedem perfett. Meta kellu madwar 30 sena, Ġesù tgħammed. F’din l-​okkażjoni l-​Missier tkellem personalment mis-​sema: “Dan hu Ibni l-​għażiż: fih sibt l-​għaxqa tiegħi.” (Mattew 3:​17) Min jaf kemm kien ferħan Missieru meta ra li Ġesù wettaq fedelment dak kollu li kien ġie profetizzat, u kulma kien mitlub minnu!​—Ġwanni 5:​36; 17:4.

7, 8. (a) Ġesù minn xiex kellu jgħaddi nhar l-​14 taʼ Nisan tas-​sena 33 E.K., u Missieru tas-​sema kif kien effettwat? (b) Jehovah għala ħalla lil Ibnu jbati u jmut?

7 Iżda, Jehovah kif ħassu fl-​14 taʼ Nisan tas-​sena 33 E.K., meta ra lil ibnu jiġi tradut u mbagħad arrestat minn ġemgħa taʼ nies irrabjati? Meta ra lil min kien qed iwaqqaʼ għaċ-​ċajt lil Ġesù, lil min jobżoqlu, u lil min jagħtih bil-​ponn? Meta kien qed jiġi flaġellat, b’dahru pjaga waħda? Meta kien qed jissammar, minn idejh u saqajh, m’għuda u mħolli hemm imdendel waqt li n-​nies kienu qed iżebilħuh? Kif ħassu l-​Missier hekk kif l-​għażiż Ibnu beda jgħajjat fl-​eqqel taʼ l-​agunija tiegħu? Kif ħassu Jehovah hekk kif Ġesù ħa l-​aħħar nifs tiegħu u, għall-​ewwel darba mill-​bidu tal-​ħolqien kollu, l-​għażiż Ibnu ma kellux eżistenza?​—Mattew 26:​14-​16, 46, 47, 56, 59, 67; 27:​26, 38-​44, 46; Ġwanni 19:1.

8 Ladarba Jehovah għandu sentimenti, l-​uġigħ li żgur ħass minħabba l-​mewt taʼ Ibnu ħadd ma jistaʼ jsib kliem biex jesprimih. Dak li nistgħu nesprimu huwa l-​motiv li għalih Jehovah ħalla dan jiġri. Il-​Missier għala ħalla lilu nnifsu jgħaddi minn tant uġigħ? Jehovah jirrivelalna xi ħaġa taʼ l-​għaġeb fi Ġwanni 3:​16​—vers mill-​Bibbja li tant hu importanti li ġie msejjaħ l-​Evanġelju fi ftit kliem. Dan jgħid: “Alla hekk ħabb lid-​dinja li ta lil Ibnu l-​waħdieni, biex kull min jemmen fih ma jintilifx, iżda jkollu l-​ħajja taʼ dejjem.” Mela l-​motiv t’Alla kien dan: l-​imħabba. Qatt ma ntweriet imħabba akbar minn din.

Kif Jehovah Jaċċertana minn Imħabbtu

9. Satana xi jridna nemmnu dwar il-​mod kif Jehovah iħares lejna, imma Jehovah x’jaċċertana?

9 Madankollu, tqum mistoqsija importanti: Alla jħobbna personalment? Xi wħud forsi jaqblu li Alla jħobb lill-​bnedmin in ġenerali, bħalma jgħid Ġwanni 3:​16. Imma dawn fil-​fatt iħossu, ‘Ma jistax ikun li Alla jistaʼ qatt iħobb lili bħala individwu.’ Il-​fatt hu li Satana x-​Xitan huwa ħerqan li jġagħalna nemmnu li Jehovah la jħobbna u lanqas iqisna prezzjużi għalih. Mill-​banda l-​oħra, għalkemm aħna nħossu li ma jixirqilniex min iħobbna jew li ma niswew għal xejn, Jehovah jaċċertana li hu jqis lil kull wieħed mill-​qaddejja leali tiegħu bħala prezzjuż għalih.

10, 11. It-​tixbiha taʼ Ġesù dwar l-​għasafar tal-​bejt kif turi li aħna prezzjużi f’għajnejn Jehovah?

10 Per eżempju, ikkunsidra l-​kliem taʼ Ġesù mniżżel f’Mattew 10:​29-​31. Biex juri kemm jiswew id-​dixxipli tiegħu, Ġesù qal: “Żewġ għasafar tal-​bejt m’hux b’ħabba jinbiegħu? U b’danakollu anqas wieħed minnhom ma jaqaʼ fl-​art mingħajr ir-​rieda taʼ missierkom. Intom imbagħad sa x-​xagħar taʼ raskom kollu hu magħdud. Mela xejn la tibżgħu; intom aqwa minn ħafna għasafar tal-​bejt.” Aħseb ftit x’kien ifisser dan il-​kliem għal dawk li semgħu lil Ġesù fl-​ewwel seklu.

11 Fi żmien Ġesù l-​għasfur tal-​bejt kien l-​orħos għasfur li setaʼ jinbiegħ għall-​ikel. Għal munita waħda taʼ valur żgħir, wieħed setaʼ jixtri żewġ għasafar tal-​bejt. Imma skond Luqa 12:​6, 7, Ġesù iktar tard stqarr li jekk wieħed kien jonfoq żewġ muniti, ma kienx jieħu erbaʼ għasafar tal-​bejt, imma ħamsa. Kien jingħata għasfur żejjed bħallikieku dan ma kien jiswa assolutament xejn. Forsi għasafar bħal dawn ma kienu jiswew xejn f’għajnejn il-​bnedmin, imma l-​Ħallieq kif kien iħares lejhom? Ġesù qal: “Anqas wieħed minnhom [lanqas saħansitra l-​wieħed li jingħata b’xejn] ma hu minsi quddiem Alla.” Issa forsi nistgħu nibdew nifhmu l-​punt taʼ Ġesù. Ladarba Jehovah iqis għasfur tal-​bejt wieħed bħala xi ħaġa tant taʼ valur, mela kemm iktar il-​bniedem hu taʼ valur! Bħalma qal Ġesù, Jehovah jaf kull dettall dwarna. Fil-​fatt, saħansitra kull xagħra li għandna f’rasna hija magħduda!

12. Għala nistgħu nkunu ċerti li Ġesù kien realistiku meta tkellem dwar li x-​xagħar taʼ rasna jiġi magħdud?

12 Xi wħud jassumu li Ġesù kien qed jesaġera hawnhekk. Madankollu, aħseb daqsxejn dwar l-​irxoxt. Kemm bilfors li jafna b’mod intimu Jehovah sabiex ikun jistaʼ joħloqna mill-​ġdid! Tant iqisna bħala prezzjużi li jiftakar kull dettall, inkluż il-​kodiċi ġenetika komplessa tagħna kif ukoll is-​snin taʼ memorji u esperjenzi kollha tagħna. Tkun ħaġa komparattivament ħafifa għalih li jgħoddilna xagħarna—li ras normali fiha madwar 100,000 waħda. Kemm jaċċertana b’mod sabiħ il-​kliem taʼ Ġesù dwar il-​fatt li Jehovah jieħu ħsiebna bħala individwi!

13. Il-​każ tas-​Sultan Ġosafat kif juri li Jehovah ifittex it-​tajjeb fina avolja aħna imperfetti?

13 Il-​Bibbja tirrivela xi ħaġa oħra li taċċertana mill-​imħabba li Jehovah għandu għalina. Hu jfittex u japprezza t-​tajjeb li hemm fina. Per eżempju, ejja nieħdu lis-​Sultan Ġosafat. Meta dan is-​sultan wettaq att taʼ bluha, il-​profeta taʼ Jehovah qallu: “Waqaʼ fuqek l-​għadab minn quddiem il-​Mulej.” Xi ħsieb li jġagħlek tidħol f’qoxortok! Imma l-​messaġġ taʼ Jehovah ma waqafx hemm. Kompla: “Imma fik instabu wkoll ħwejjeġ tajba.” (2 Kronaki 19:​1-3) Mela, Jehovah ma ħalliex ir-​rabja ġusta tagħmih, imma xorta ra l-​“ħwejjeġ tajba” li kien għamel Ġosafat. Ma tħossokx inkuraġġit li tkun taf li Alla tagħna jfittex it-​tajjeb fina avolja aħna imperfetti?

Alla li Hu ‘Lest biex Jaħfer’

14. Meta nidinbu, liema sentimenti jistgħu jtaqqluna, imma kif nistgħu nibbenefikaw mill-​maħfra li jagħtina Jehovah?

14 Meta nidinbu, għandu mnejn li d-​diżappunt, il-​mistħija, u l-​ħtija jġagħluna nħossu li qatt ma nistgħu nkunu denji li naqdu lil Jehovah. Iżda, irridu niftakru li Jehovah hu ‘lest biex jaħfer.’ (Salm 86:5) Iva, jekk nindmu minn dnubietna u nagħmlu ħilitna kollha biex ma nerġgħux nagħmluhom, inkunu nistgħu nibbenefikaw mill-​maħfra li jagħtina Jehovah. Ikkunsidra kif il-​Bibbja tiddeskrivi dan l-​aspett meraviljuż taʼ l-​imħabba taʼ Jehovah.

15. Jehovah kemm ipoġġihom ’il bogħod minna d-​dnubiet tagħna?

15 Is-​salmista David uża espressjoni ċara biex jiddeskrivi l-​maħfra li jagħti Jehovah: “Daqs kemm hu mbiegħed il-​lvant mill-​punent, hekk hu jbiegħed minna ħtijietna.” (Salm 103:​12, korsiv tagħna.) Il-​lvant kemm hu ’l bogħod mill-​punent? F’ċertu sens, il-​lvant hu dejjem fil-​punt l-​iktar imbiegħed mill-​punent; dawn iż-​żewġ punti qatt ma jistgħu jiltaqgħu. Wieħed studjuż jinnota li din l-​espressjoni tfisser “l-​iktar bogħod possibbli; l-​iktar bogħod immaġinabbli.” Il-​kliem imnebbaħ taʼ David jgħidilna li meta Jehovah jaħfer, hu jpoġġi d-​dnubiet tagħna ’l bogħod kemm jiflaħ tant li lanqas biss nistgħu nimmaġinaw kemm.

16. Meta Jehovah jaħfrilna dnubietna, għala nistgħu nħossuna ċerti li hu jqisna bħala nodfa minn dakinhar ’il quddiem?

16 Qatt ipprovajt tneħħi tebgħa minn fuq xi libsa taʼ kulur ċar? Forsi minkejja l-​isforzi kollha li tkun għamilt, it-​tebgħa xorta baqgħet tidher. Innota kif Jehovah jiddeskrivi l-​kapaċità tiegħu li jaħfer: “Imqar jekk dnubietkom ikunu ħomor bħall-​iskarlatt, isiru bojod bħas-​silġ; mqar jekk ikunu ħomor bħall-​kremżi, isiru bojod bħas-​suf.” (Isaija 1:​18, korsiv tagħna.) Il-​kelma “skarlatt” tfisser kulur aħmar jgħajjat.a Il-​“kremżi” kien wieħed mill-​kuluri skuri taʼ drapp kulurit. Qatt ma nistgħu nagħmlu sforz biżżejjed biex inneħħu t-​tebgħa tad-​dnub bis-​saħħa tagħna stess. Iżda, Jehovah jistaʼ jaqbad id-​dnubiet, li bħallikieku huma lewn l-​iskarlatt u l-​kremżi, u jagħmilhom bojod bħas-​silġ jew bħas-​suf naturali. Għalhekk, meta Jehovah jaħfrilna dnubietna, m’għandniex għalfejn inħossu li se nibqgħu nġorru t-​tebgħa taʼ dawn id-​dnubiet għall-​bqija taʼ ħajjitna.

17. Jehovah f’liema sens jitfaʼ dnubietna wara spallejh?

17 Ħeżekija kkompona għanja taʼ gratitudni u li tqanqal il-​qalb wara li hu nħeles minn marda serja. Fiha qal lil Jehovah: “Int xħett wara spallejk ħtijieti kollha.” (Isaija 38:​17, korsiv tagħna.) Hawnhekk, Jehovah jidher bħala wieħed li jaqbad id-​dnubiet taʼ midneb li jindem u jitfagħhom wara spallejh, biex la jarahom u lanqas jagħti kashom iktar. Xogħol wieħed taʼ referenza, jesprimi din l-​idea b’dan il-​mod: “[Dnubieti] qisthom bħallikieku qatt ma saru.” M’huwiex dan taʼ faraġ?

18. Il-​profeta Mikea kif jindika li meta Jehovah jaħfer, Hu jħassar id-​dnubiet tagħna darba għal dejjem?

18 F’wegħda taʼ restawr, il-​profeta Mikea esprima l-​konvinzjoni tiegħu li Jehovah kien se jaħfer lill-​poplu niedem tiegħu: “Min hu Alla bħalek li . . . jaħfer id-​dnub lil fdal wirtu? . . . jarmi ħtijiet[hom] kollha f’qiegħ il-​baħar.” (Mikea 7:​18-20, [18, 19, NW] korsiv tagħna.) Immaġina x’kien ifisser dan il-​kliem għan-​nies li kienu jgħixu fi żminijiet Bibliċi. Kien hemm xi ċans li xi ħadd iġib xi ħaġa li tkun intefgħet f’“qiegħ il-​baħar”? Il-​kliem taʼ Mikea b’hekk jindika li meta Jehovah jaħfer, hu jħassar dnubietna darba għal dejjem.

“Il-​Mogħdrija Tenera taʼ Alla Tagħna”

19, 20. (a) X’inhi t-​tifsira tal-​verb Ebrajk li jingħata “juri ħniena” jew “ħasra”? (b) Il-​Bibbja kif tuża s-​sentimenti li omm tħoss għat-​tarbija tagħha biex tgħallimna dwar il-​mogħdrija taʼ Jehovah?

19 Il-​mogħdrija hija aspett ieħor taʼ l-​imħabba taʼ Jehovah. Din il-​mogħdrija x’inhi? Fil-​Bibbja, il-​mogħdrija u l-​ħniena huma relatati ħafna maʼ xulxin. Numru taʼ kliem bl-​Ebrajk u bil-​Grieg iġorr is-​sens taʼ mogħdrija. Per eżempju, il-​verb Ebrajk ra·chamʹ taʼ spiss jingħata bħala “juri ħniena” jew “ħasra.” Dan it-​terminu bl-​Ebrajk, li Jehovah japplika għalih innifsu, hu relatat mal-​kelma ‘ġuf’ u jistaʼ jiġi deskritt bħala “l-​mogħdrija taʼ omm.”

20 Il-​Bibbja tuża s-​sentimenti li omm tħoss għat-​tarbija tagħha biex tgħallimna dwar il-​mogħdrija taʼ Jehovah. Isaija 49:15 jgħid: “Tistaʼ mara tinsa t-​tarbija tagħha, u ma turix mogħdrija [ra·chamʹ] maʼ bin ġufha? Iva, huma jistgħu jinsew, iżda jien mhux se ninsiek.” (The Amplified Bible) Diffiċli timmaġina li xi omm tistaʼ qatt tinsa titmaʼ u tieħu ħsieb lit-​tarbija tagħha. Ngħiduha kif inhi, tarbija ma tistax tieħu ħsieb tagħha nfisha; lejl u nhar ikollha bżonn lil ommha biex tieħu ħsiebha. Madankollu, b’dispjaċir jeżistu ommijiet li jittraskuraw lil uliedhom, speċjalment f’dan iż-​“żmien iebes.” (2 Timotju 3:​1, 3) “Iżda,” Jehovah jiddikjara, “jien mhux se ninsiek.” Il-​mogħdrija tenera li Jehovah għandu għall-​qaddejja tiegħu hija qawwija immensament, ferm iktar qawwija mill-​iktar sentiment teneru u naturali li qatt nistgħu nimmaġinaw​—il-​mogħdrija li omm normalment tħoss għat-​tarbija tagħha.

21, 22. L-​Iżraelin x’esperjenzaw fl-​Eġittu tal-​qedem, u Jehovah kif wieġeb għall-​krib tagħhom?

21 Jehovah, bħal ġenitur li tant iħobb lil uliedu, kif juri l-​mogħdrija? Din il-​kwalità tidher sew fil-​mod kif hu ttratta lil Iżrael tal-​qedem. Sa tmiem is-​seklu 16 Q.E.K., miljuni taʼ Iżraelin kienu lsiera fl-​Eġittu, fejn kienu maħqurin ferm. (Eżodu 1:​11, 14) Fin-​niket tagħhom, l-​Iżraelin sejħu lil Jehovah. L-​Alla tal-​mogħdrija kif wieġeb?

22 Qalb Jehovah tqanqlet. Hu qal: “Jien ħarist u rajt it-​tbatija tal-​poplu tiegħi fl-​Eġittu. U jien smajt il-​karba tagħhom . . . u għaraft l-​uġigħ tagħhom.” (Eżodu 3:7) Jehovah ma setax jara t-​tbatijiet tal-​poplu tiegħu jew jismaʼ l-​krib tagħhom mingħajr ma jħoss għalihom. Jehovah hu Alla mimli empatija. U l-​empatija—l-​abbiltà li tħoss l-​uġigħ li jħossu l-​oħrajn—hija relatata ħafna mal-​mogħdrija. Madankollu, Jehovah mhux sempliċement ħass għall-​poplu tiegħu; hu tqanqal biex jaġixxi għan-​nom tagħhom. Isaija 63:9 jgħid: “Hu stess salvahom għall-​imħabba u l-​ħniena [jew mogħdrija] tiegħu.” “B’id qawwija,” hu ħeles lill-​Iżraelin mill-​Eġittu. (Dewteronomju 4:34) Minn dakinhar ’il quddiem, hu pprovdielhom ikel mirakoluż u wassalhom f’art produttiva ferm li saret tagħhom.

23. (a) Il-​kliem tas-​Salmista kif jaċċertana li Jehovah jimpurtah ħafna minna bħala individwi? (b) Jehovah b’liema modi jgħinna?

23 Jehovah ma jurix il-​mogħdrija mal-​poplu tiegħu bħala grupp biss. Alla tagħna kollu mħabba jimpurtah ħafna minna bħala individwi. Hu jaf sewwa dwar kwalunkwe tbatija li nistgħu ngħaddu minnha. Is-​salmista qal: “Għajnejn il-​Mulej lejn il-​ġusti, u widnejh miftuħa għall-​għajta tagħhom. Qrib il-​Mulej lejn dawk b’qalbhom maqsuma, jgħin lil dawk b’ruħhom mifnija.” (Salm 34:​16, 19 [34:​15, 18, NW]) Jehovah kif jgħinna bħala individwi? Hu mhux neċessarjament ineħħilna l-​kaġun tat-​tbatija tagħna. Imma għamel provvedimenti abbundanti għal dawk li jitolbu l-​għajnuna tiegħu. Il-​Kelma tiegħu toffri pariri prattiċi li jistgħu jagħmlu differenza kbira. Fil-​kongregazzjoni, hu jipprovdi indokraturi kwalifikati spiritwalment, li jagħmlu ħilithom kollha sabiex jirriflettu l-​mogħdrija tiegħu meta jgħinu lil oħrajn. (Ġakbu 5:​14, 15) Bħala Semmiegħ it-​talb, Jehovah jagħti “spirtu qaddis lil dawk li jitolbuhulu!” (Salm 65:3 [65:​2, NW]; Luqa 11:13) Dawn il-​provvedimenti kollha huma espressjonijiet tal-​“qalb ħanina [jew “mogħdrija,” NW] taʼ Alla tagħna.”​—Luqa 1:78.

24. Kif se twieġeb għall-​imħabba taʼ Jehovah?

24 M’huwiex eċċitanti li toqgħod tirrifletti dwar l-​imħabba taʼ Missierna tas-​sema? Fl-​artiklu taʼ qabel dan ġejna mfakkrin li Jehovah eżerċita l-​qawwa, il-​ġustizzja, u l-​għerf tiegħu bl-​imħabba għall-​benefiċċju tagħna. U f’dan l-​artiklu rajna li Jehovah esprima direttament l-​imħabba tiegħu għall-​umanità​—u għalina individwalment—b’modi tant meraviljużi. Issa lkoll kemm aħna nagħmlu tajjeb jekk nistaqsu, ‘Jien kif se nwieġeb għall-​imħabba taʼ Jehovah?’ Jalla twieġeb billi tħobbu b’qalbek, b’moħħok, b’ruħek, u b’saħħtek kollha. (Mark 12:​29, 30) Jalla l-​mod kif tgħix ħajtek kuljum jirrifletti x-​xewqa taʼ qalbek biex tersaq dejjem eqreb taʼ Jehovah. U jalla Jehovah, l-​Alla li hu mħabba, jersaq dejjem eqreb tiegħek​—għall-​eternità kollha!​—Ġakbu 4:8.

[Nota taʼ taħt]

a Wieħed studjuż jgħid li l-​iskarlatt “kien kulur li ma jitfix, jew li ma jerħix. La n-​nida, la x-​xita, la l-​ħasil, u lanqas l-​użu, ma jneħħih.”

Tiftakar Int?

• Kif nafu li l-​imħabba hija l-​kwalità dominanti taʼ Jehovah?

• Għala jistaʼ jingħad li l-​fatt li Jehovah bagħat lil Ibnu biex imut għalina hu l-​akbar att taʼ mħabba li qatt twettaq?

• Jehovah kif jaċċertana li hu jħobbna bħala individwi?

• Il-​Bibbja b’liema modi ċari tiddeskrivi l-​maħfra li jagħtina Jehovah?

[Stampa f’paġna 15]

“Alla . . . ta lil Ibnu l-​waħdieni”

[Stampa f’paġna 16]

“Intom aqwa minn ħafna għasafar tal-​bejt”

[Sors]

© J. Heidecker/VIREO

[Stampa f’paġna 18]

Is-​sentimenti li tħoss omm għat-​tarbija tagħha jistgħu jgħallmuna dwar il-​mogħdrija taʼ Jehovah

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja