“Ersqu Lejn Alla, U Hu Jersaq Lejkom”
Qabel u Wara—Kisbet is-Saħħa biex Tinbidel
SANDRA, mara mill-Messiku, iddeskriviet lilha nfisha bħala l-paljazza tar-razza. L-adolexxenza tagħha kienet imħassra minħabba li ġiet imwarrba u kienet nieqsa mill-affezzjoni. Hi tgħid: “Matul l-adolexxenza tiegħi kont dejjem inħossni bla skop u kont niddubita ħafna dwar għala neżisti u dwar il-ħajja.”
Meta kienet l-iskola sekondarja, Sandra bdiet tixrob l-inbid li missierha kien ikollu d-dar. Maż-żmien bdiet tixtri l-fliexken għaliha u qabdet il-vizzju taʼ l-alkoħol. “Ma kellix għalxiex ngħix,” tammetti hi. Tant ħassitha bla tama, li Sandra spiċċat biex bdiet tieħu d-drogi. Hi tgħid: “Dak li għenni ninsa l-problemi tiegħi kien dak li kont inġorr fil-basket miegħi: flixkun, xi pilloli, jew xi naqra ħaxixa.”
Wara li Sandra spiċċat mill-iskola medika, hi bdiet tixrob dejjem iktar. Ipprovat tagħmel suwiċidju. Iżda xorta baqgħet ħajja.
Sandra pprovat tfittex l-għajnuna spiritwali u l-appoġġ emozzjonali f’reliġjonijiet differenti, iżda kien kollu għalxejn. B’qalbha maqtugħa u ddisprata, hi spiss kienet titlob lil Alla: “Fejn int? Għala ma tgħinnix?” Meta ħassitha li ma tiflaħx iktar kellmitha waħda mix-Xhieda taʼ Jehovah. Dan wassal għal studju persunali tal-Bibbja. Sandra tqanqlet profondament meta saret taf li “qrib il-Mulej lejn dawk b’qalbhom maqsuma.”—Salm 34:19 (34:18, NW).
Dik li studjat il-Bibbja magħha għenet lil Sandra biex tifhem li Jehovah jaf li aħna vulnerabbli minħabba d-dnub u l-imperfezzjoni li writna minn Adam. Sandra rrealizzat li Alla jifhem li aħna ma nistgħux nilħqu perfettament il-livelli ġusti tiegħu. (Salm 51:7 [51:5, NW]; Rumani 3:23; 5:12, 18) Kemm ħadet pjaċir meta saret taf li Jehovah ma joqgħodx jiffoka fuq id-dgħjufijiet tagħna, u li ma jistenniex li nagħmlu iktar milli nifilħu! Is-salmista staqsa: “Jekk tal-ħtijiet int tagħti kas, Mulej, Sidi, min jistaʼ jżomm sħiħ?”—Salm 130:3.
Verità importanti mill-Bibbja li qawwiet qalb Sandra kienet dik tas-sagrifiċċju li Ġesù ħallas bħala prezz għall-fidwa. Permezz tiegħu, Jehovah bi ħniena kbira jagħti lill-bnedmin waqfa retta minkejja l-imperfezzjonijiet tagħhom. (1 Ġwann 2:2; 4:9, 10) Iva, aħna nistgħu niksbu “l-maħfra tad-dnubiet” u b’hekk niġu megħjuna biex ma nħossux li m’aħna tajbin għalxejn.—Efesin 1:7.
Sandra tgħallmet lezzjonijiet imprezzabbli mill-eżempju taʼ l-appostlu Pawlu. Hu apprezzaha ferm il-qalb tajba t’Alla li bil-grazzja li wera miegħu ħafirlu l-iżbalji tiegħu tal-passat u appoġġah fil-ġlieda iebsa li kellu biex jegħleb id-dgħjufijiet tiegħu li kienu jerġgħu jfeġġu. (Rumani 7:15-25; 1 Korintin 15:9, 10) Pawlu rranġa ħajtu, ‘għakkes bl-aħrax lil ġismu u jassru’ sabiex jibqaʼ fit-triq approvata minn Alla. (1 Korintin 9:27) Ma ħalliex li l-inklinazzjonijiet midinba tiegħu ijassruh.
Id-dgħjufijiet taʼ Sandra kienu jifnuha, iżda hi baqgħet tiġġildilhom. Hi talbet lil Jehovah bil-ħrara għall-ħniena kif ukoll talbitu biex jgħinha tegħlibhom. (Salm 5:23 [Salm 55:22, NW]; Ġakbu 4:8) Peress li ħasset l-interess persunali li Alla wera fiha, Sandra rnexxielha tibdel ħajjitha. “Kemm jien ferħana li issa ngħallem il-Bibbja lil oħrajn fuq bażi full-time,” qalet hi. Sandra kellha l-privileġġ li tgħin lil oħtha l-kbira u lil oħtha ż-żgħira jsiru jafu lil Jehovah. Hekk kif ‘tagħmel il-ġid maʼ kulħadd,’ hi tuża wkoll l-abbiltajiet li tgħallmet fil-mediċina biex taqdi bħala volontiera f’konvenzjonijiet tax-Xhieda taʼ Jehovah.—Galatin 6:10.
Xi ngħidu għall-vizzji taʼ Sandra? Hi tgħid bil-kunfidenza kollha: “Issa naħseb sew. M’għadnix nixrob, inpejjep, jew nieħu d-drogi. M’għandix bżonnhom. Sibt dak li kont qed infittex.”
[Kumment f’paġna 9]
“Sibt dak li kont qed infittex”
[Kaxxa f’paġna 9]
Il-Prinċipji tal-Bibbja Jaħdmu
Dawn huma xi prinċipji mill-Bibbja li għenu lil ħafna biex jeħilsu minn vizzji maħmuġin:
“Ħa nitnaddfu minn kull tidnis tal-ġisem u tar-ruħ, u ntemmu l-qdusija tagħna fil-biżaʼ taʼ Alla.” (2 Korintin 7:1) Alla jbierek lil dawk li naddfu lilhom infushom mill-ħmieġ billi jevitaw prattiċi moqżieża.
“Il-biżaʼ tal-Mulej jobgħod il-ħażen.” (Proverbji 8:13) Il-biżaʼ minħabba r-rispett profond lejn Alla jgħin lil dak li jkun biex jeħles minn drawwiet ħżiena, inkluż l-abbuż mid-droga. Minbarra li jogħġob lil Jehovah, l-individwu li jinbidel ikun protett minn mard tal-biżaʼ.
“Joqogħdu għall-maġistrati u għall-awtorità, jobduhom.” (Titu 3:1) F’ħafna postijiet, huwa kontra l-liġi li individwu jkollu jew juża d-drogi. Il-Kristjani veri ma jkollhomx u ma jużawx drogi illegali.