Proklamaturi tas-Saltna Jirrapportaw
Riżultati Hienja Minħabba l-Paċenzja u l-Persistenza
ĠESÙ KRISTU bassar li fl-aħħar jiem “l-imħabba [kienet se] tibred f’ħafna.” Għal din ir-raġuni, illum f’bosta partijiet tad-dinja, in-nies in ġenerali ma jagħtux kas l-aħbar tajba tas-Saltna. Xi wħud saħansitra jħarsu lejn ir-reliġjon b’disprezz.—Mattew 24:12, 14.
Minkejja dan, bil-fidi u l-paċenzja, il-pubblikaturi tas-Saltna qed jirnexxilhom jilqgħu l-isfida, bħalma se turi din l-esperjenza mir-Repubblika Ċeka.
Tnejn mix-Xhieda kellmu lil waħda mara minn wara bieb magħluq. Wara ftit, il-bieb kemm kemm tbexxaq, u ħarġet id li ħatfet ir-rivisti t-Torri taʼ l-Għassa u Stenbaħ! li kienu qed joffru x-Xhieda. Instemaʼ leħen li qal “grazzi,” u l-bieb ngħalaq. Ix-Xhieda bdew jgħidu, “Tgħid għandna nerġgħu niġu?” Waħda minnhom, pijuniera, jew ministru full-time, iddeċidiet li terġaʼ tmur, imma reġaʼ ġara l-istess, u baqgħu sejrin hekk għal sena sħiħa.
Peress li l-pijuniera ddeċidiet li għandha tibdel il-mod kif tkellimha, hi talbet lil Jehovah għall-għajnuna. Meta reġgħet marret toffrilha r-rivisti, hi b’mod dħuli staqsiet lill-mara: “Kif inti? Għoġbuk l-aħħar rivisti li tajtek?” Għall-ewwel ma kellha ebda tweġiba, iżda wara ftit żjajjar oħra, il-mara bdiet issir iktar dħulija. Darba minnhom fetħet il-bieb beraħ, imma l-konversazzjoni kienet qasira.
Meta rat kemm din il-mara ma kinitx tieħu pjaċir titkellem fil-bieb, il-pijuniera ddeċidiet li tiktbilha ittra biex tispjegalha għala kienet iżżurha u biex toffrilha studju tal-Bibbja fid-dar. Sa fl-aħħar, wara sena u nofs taʼ sforz paċenzjuż, il-pijuniera rnexxielha tibda studju tal-Bibbja maʼ din l-inkwilina. Hi baqgħet skantata imma ħassitha inkuraġġita meta l-istess mara iktar tard qaltilha: “Ili nemmen b’Alla minn meta bdejt iġġibli r-rivisti.”
Tabilħaqq, il-paċenzja u l-persistenza jistgħu jġibu riżultati hienja fl-ippridkar tas-Saltna u fix-xogħol taʼ li nagħmlu dixxipli.—Mattew 28:19, 20.