Mistoqsijiet mill-Qarrejja
F’ħafna partijiet tad-dinja, hemm id-drawwa li jingħataw ir-rigali tat-tieġ. Liema prinċipji Skritturali rridu nikkunsidraw meta nagħtu jew nirċievu rigali bħal dawn?
Il-Bibbja m’hijiex kontra l-għoti tar-rigali meta dawn jingħataw b’intenzjoni tajba u f’okkażjoni xierqa. Dwar il-kwistjoni taʼ l-għoti, il-Bibbja tinkuraġġixxi lill-Kristjani veri biex jimitaw lil Jehovah, Dak li jipprovdi b’tant ġenerożità. (Ġakbu 1:17) L-appostlu Pawlu ħeġġeġ lill-Kristjani sħabu: “Tinsewx tagħmlu l-ġid lill-oħrajn, u taqsmu bejnietkom dak li għandkom, għax b’sagrifiċċji bħal dawn jitgħaxxaq Alla.” B’hekk, il-Kristjani huma inkuraġġiti biex ikunu ġenerużi.—Lhud 13:16; Luqa 6:38.
Xi ngħidu dwar li koppja tmur ġo ħanut u tagħmel lista taʼ l-oġġetti li tkun tixtieq taqlaʼ bħala rigal, drawwa li hija komuni ħafna fl-Istati Uniti? F’Malta din nirreferu għaliha bħala wedding list. Li jiġri hu li koppja li tkun se tiżżewweġ tmur ġo ħanut, tara xi jkun hemm għall-bejgħ, u tagħmel lista taʼ dawk l-affarijiet li tixtieq tirċievi bħala rigal. Il-qraba u l-ħbieb tal-koppja jirċievu stedina biex imorru f’dan il-ħanut partikulari ħalli jixtru oġġett mil-lista li tkun għamlet il-koppja. Fil-prattika, din il-lista tiffranka lil dak li jkun se jagħti r-rigal milli joqgħod idur għal sigħat sħaħ biex ifittex rigal, filwaqt li dawk li jirċievu r-rigal jiffrankaw l-inkonvenjenza li jkollhom jirritornaw ir-rigali li ma jkunux xtaqu lil tal-ħanut.
Jekk koppja li tkun se tiżżewweġ tixtieqx tagħmel dan it-tip taʼ lista jew le, hija deċiżjoni persunali. Madankollu, Kristjan irid joqgħod attent biex jevita kwalunkwe prattika li tmur kontra l-prinċipji tal-Bibbja. Per eżempju, xi ngħidu jekk l-għarajjes jagħmlu lista li jkollha oġġetti li jkunu jiswew ħafna? F’dan il-każ, xi wħud li jkunu limitati f’dak li jistgħu jonfqu forsi ma jkunux jistgħu jixtru dak it-tip taʼ rigal, jew jistgħu jaħsbu li aħjar ma jaċċettawx l-istedina għat-tieġ ħalli ma jistħux minħabba li jkunu taw rigal li ma jqumx ħafna flus. Waħda mara Kristjana qalet: “Qed issir xi ħaġa verament taʼ piż. Kont nipprova nkun ġeneruża, imma dan l-aħħar il-ferħ li kont insib meta nagħti, spiċċa.” X’ħasra jekk tieġ jispiċċa jkun xi ħaġa taʼ skuraġġiment!
Żgur li dawk li jagħtu r-rigali m’għandhomx iħossuhom li biex ir-rigal tagħhom jiġi aċċettat dan għandu jinxtara minn ċertu ħanut u jkun jiswa ċertu prezz. Wara kollox, Ġesù Kristu wera li dak li hu l-iktar prezzjuż f’għajnejn Alla huwa l-attitudni tal-qalb taʼ min jagħti r-rigal, u mhux il-valur materjali tiegħu. (Luqa 21:1-4) Bl-istess mod, rigward għotjiet taʼ ħniena lil dawk fil-bżonn, l-appostlu Pawlu kiteb: “Kull wieħed għandu jagħti skond ma jidhirlu hu minn rajh, mhux fuq il-qalb jew bilfors; għax Alla jħobb lil min jagħti bil-ferħ.”—2 Korintin 9:7.
Skond il-Bibbja, m’hemm xejn ħażin li turi li r-rigal tkun tajthulhom int, forsi permezz taʼ biljett mar-rigal. Madankollu, f’xi postijiet, id-drawwa lokali hi li juru lil kull min ikun preżenti min ikun ta r-rigal. Din id-drawwa tistaʼ toħloq il-problemi. Forsi dawk li jagħtu r-rigal ikunu jixtiequ jibqgħu anonimi biex ma jiġbdux attenzjoni żejda lejhom infushom. Nies bħal dawn jaġixxu fi qbil mal-prinċipju li nsibu f’Mattew 6:3, fejn Ġesù jistqarr: “Iżda int, meta tagħmel karità, idek ix-xellugija m’għandhiex tkun taf x’inhi tagħmel il-leminija.” Oħrajn jistgħu jkunu tal-fehma li l-għoti tar-rigali huwa kwistjoni persunali u jrid jinżamm fil-privat bejn dak li jagħti u dak li jirċievi. Iktar minn hekk, il-fatt li turi min ikun tak ir-rigal jistaʼ jwassal biex rigal jitqabbel maʼ ieħor, u ‘titqanqal il-kompetizzjoni’ bejniethom. (Galatin 5:26, NW) Żgur li l-Kristjani jkunu jridu jevitaw li jġagħlu lil xi ħadd iħossu skomdu jew imbarazzat billi joqogħdu jxandru maʼ kulħadd l-ismijiet taʼ dawk li taw ir-rigali.—1 Pietru 3:8.
Iva, billi naġixxu fi qbil mal-prinċipji li jinsabu fil-Kelma t’Alla, l-għoti tar-rigali se jibqaʼ sors taʼ ferħ.—Atti 20:35.