Konversazzjonijiet Spiritwali Jibnuna
“Ebda kelma mhux xierqa m’għandha toħroġ minn fommkom, imma kliem sewwa li jedifika skond il-ħtieġa, kliem li jagħmel il-ġid lil min jisimgħu.”—Efesin 4:29.
1, 2. (a) Kemm hu taʼ valur id-diskors tal-bnedmin? (b) Il-qaddejja taʼ Jehovah kif jixtiequ jużaw id-diskors tagħhom?
“ID-DISKORS tal-bnedmin huwa misteru; huwa rigal mingħand Alla, miraklu.” Hekk kiteb il-lessikografu Ludwig Koehler. Forsi dan ir-rigal prezzjuż mingħand Alla ma napprezzawhx biżżejjed. (Ġakbu 1:17) Imma ikkunsidra x’telfa kbira tkun meta xi ħadd mill-maħbubin tagħna tagħtih xi puplesija u jitlef l-abbiltà li jitkellem b’mod li jinftiehem. “Kellna komunikazzjoni mill-aqwa li tant kienet tgħaqqadna,” tispjega Joan, li r-raġel tagħha reċentement tatu puplesija. “Kemm nimmissjahom il-konversazzjonijiet li kien ikollna!”
2 Il-konversazzjonijiet jistgħu jsaħħu l-ħbiberiji, jirranġaw in-nuqqas taʼ ftehim, jinkuraġġixxu lil dawk taʼ qalbhom maqtugħa, isaħħu l-fidi, u jtejbu l-ħajjiet—imma mhux awtomatikament. Is-Sultan għaref Salamun osserva: “Min iqassas b’ilsienu jinfed bħal sejf, imma lsien l-għorrief idewwi.” (Proverbji 12:18) Bħala l-qaddejja taʼ Jehovah, aħna rridu li l-konversazzjonijiet tagħna jdewwu u jibnu minflok ma jweġġgħu u jkissru. Aħna nixtiequ wkoll nużaw id-diskors tagħna biex infaħħru lil Jehovah, kemm fil-ministeru pubbliku kif ukoll f’konversazzjonijiet privati. Is-salmista kanta: “F’Alla niftaħar il-ħin kollu; ismek infaħħru għal dejjem.”—Salm 44:9 (44:8, NW).
3, 4. (a) Liema problema niffaċċjaw ilkoll kemm aħna fejn jidħol id-diskors? (b) Id-diskors tagħna għala huwa importanti?
3 “L-ilsien,” iwissi d-dixxiplu Ġakbu, ‘ħadd ma għandu ħila jimmansah.’ Hu jfakkarna: “Aħna lkoll niżbaljaw, u taʼ sikwit; jekk xi ħadd ma jiżbaljax f’dak li jgħid, dan ikun perfett, kapaċi jrażżan ġismu kollu.” (Ġakbu 3:2, 8) Ħadd minna m’hu perfett. Għalhekk, minkejja li nagħmlu l-aħjar li nistgħu, id-diskors tagħna mhux dejjem jibni lil oħrajn jew ifaħħar lill-Ħallieq tagħna. Allura, għandna nitgħallmu noqogħdu attenti għal dak li ngħidu. Iktar minn hekk, Ġesù qal: “Il-bnedmin f’jum il-ħaqq għad iridu jagħtu kont taʼ kull kelma fiergħa li jkunu qalu, għax minn kliemek tkun iġġustifikat, u minn kliemek tkun ikkundannat.” (Mattew 12:36, 37) Iva, l-Alla veru jitlob kont minna taʼ dak li ngħidu.
4 Wieħed mill-aqwa modi biex nevitaw diskors li jġib il-ħsara huwa li niżviluppaw id-drawwa li nieħdu sehem f’konversazzjonijiet spiritwali. Dan l-artiklu se jikkunsidra kif nistgħu nagħmlu dan, liema tip t’affarijiet nistgħu nitkellmu dwarhom, u liema benefiċċji nistgħu niksbu minn diskors li jibni.
Ara X’Hemm f’Qalbek
5. Il-qalb x’parti prinċipali għandha f’li tippromwovi konversazzjonijiet li jibnu?
5 Meta niġu biex nikkultivaw id-drawwa li nieħdu sehem f’konversazzjonijiet li jibnu, irridu l-ewwel nirrikonoxxu li d-diskors tagħna jirrifletti dak li hemm f’qalbna. Ġesù qal: “Mill-milja tal-qalb jitkellem il-fomm.” (Mattew 12:34) Fi kliem sempliċi, aħna nieħdu pjaċir nitkellmu dwar l-affarijiet li huma importanti għalina. Għalhekk, għandna bżonn nistaqsu lilna nfusna: ‘Il-konversazzjonijiet tiegħi x’juru dwar il-kundizzjoni taʼ qalbi? Meta nkun mal-familja tiegħi jew maʼ sħabi fit-twemmin, il-konversazzjoni tiegħi tikkonċentra fuq affarijiet spiritwali jew dejjem nispiċċa nitkellem dwar l-isport, il-ħwejjeġ, il-films, l-ikel, xi ħaġa li nkun xtrajt, jew xi ħaġa oħra mhux importanti?’ Forsi mingħajr ma rridu, ħajjitna u l-ħsibijiet tagħna saru jikkonċentraw fuq affarijiet li m’humiex daqshekk importanti. Billi naġġustaw il-prijoritajiet tagħna aħna nistgħu ntejbu l-konversazzjonijiet tagħna kif ukoll ħajjitna.—Filippin 1:10.
6. Il-meditazzjoni x’parti għandha fil-konversazzjonijiet tagħna?
6 Meditazzjoni bi skop hija mod ieħor kif intejbu l-kwalità taʼ dak li ngħidu. Jekk aħna verament nagħmlu sforz biex naħsbu fuq affarijiet spiritwali, se nsibu li awtomatikament il-konversazzjoni tagħna se tkun spiritwali. Is-Sultan David ra din il-konnessjoni. Hu kanta: “Ħa jkunu milqugħa quddiemek kliem fommi u ħsieb [“il-meditazzjoni taʼ,” NW] qalbi, Mulej, blata tiegħi u feddej tiegħi.” (Salm 19:15 [19:14, NW]) U s-salmista Asaf qal: “Naħseb [“nimmedita,” NW] f’kull ma int għamilt; nixtarr l-għemejjel kbar tiegħek.” (Salm 77:13 [77:12, NW]) Qalb u moħħ konċernati bis-serjetà dwar il-veritajiet tal-Kelma t’Alla se jfuru b’mod naturali b’diskors taʼ tifħir. Ġeremija ma setax iżomm lura milli jitkellem dwar l-affarijiet li Jehovah kien għallmu. (Ġeremija 20:9) L-istess nistgħu nagħmlu aħna jekk regolarment naħsbu fit-tul dwar affarijiet spiritwali.—1 Timotju 4:15.
7, 8. Liema suġġetti huma tajbin biex aħna jkollna konversazzjonijiet li jibnu?
7 Rutina spiritwali tajba se tipprovdilna ħafna suġġetti għal konversazzjonijiet li jibnu. (Filippin 3:16) L-assembleat, il-konvenzjonijiet, il-laqgħat tal-kongregazzjoni, il-pubblikazzjonijiet kurrenti, u l-vers skritturali taʼ kuljum flimkien mal-kumenti miktubin, kollha jfornuna b’ġawhar spiritwali li nistgħu naqsmu m’oħrajn. (Mattew 13:52) U kemm jistgħu jqanqluna spiritwalment l-esperjenzi li jkollna fil-ministeru Kristjan tagħna!
8 Is-Sultan Salamun kien affaxxinat bil-varjetà kbira taʼ siġar, annimali, għasafar, u ħut li ra f’Iżrael. (1 Slaten 5:13 [4:33, NW]) Hu kien jitgħaxxaq jitkellem dwar il-ħolqien meraviljuż t’Alla. L-istess nistgħu nagħmlu aħna. Il-qaddejja taʼ Jehovah jieħdu gost jitkellmu dwar diversi suġġetti, imma suġġetti spiritwali dejjem isebbħu l-konversazzjonijiet taʼ nies inklinati spiritwalment.—1 Korintin 2:13.
‘F’Dan Kollu Komplu Aħsbu’
9. Pawlu liema twissija ta lill-Filippin?
9 Ikun xi jkun is-suġġett, il-konversazzjonijiet tagħna se jibnu lil oħrajn jekk iżommu mat-twissija li l-appostlu Pawlu ta lill-kongregazzjoni taʼ Filippi. Hu kiteb: “F’dan għandkom taħsbu: f’kull ma hu veru, f’kull ma hu xieraq [“serju,” NW], f’kull ma hu ġust, f’kull ma hu safi, f’kull ma jiġbed l-imħabba, f’kull ma jistħoqqlu l-ġieħ, f’kull ma hu virtù, f’kull ma ħaqqu t-tifħir; f’dan kollu [“komplu,” NW] aħsbu.” (Filippin 4:8) L-affarijiet li jsemmi Pawlu tant huma vitali li hu jgħid “f’dan kollu [“komplu,” “NW”] aħsbu.” Għandna nimlew moħħna u qalbna bihom. Għalhekk, ejja naraw kif il-fatt li nagħtu attenzjoni lil kull wieħed mit-tmien affarijiet li kkwota Pawlu jistaʼ jgħinna fil-konversazzjonijiet tagħna.
10. Il-konversazzjonijiet tagħna kif jistgħu jinvolvu affarijiet li huma veri?
10 Dak li hu veru jinvolvi iktar minn informazzjoni li hija korretta u mhux falza. Jirreferi għal xi ħaġa li hija onesta u taʼ min jafdaha, bħall-verità tal-Kelma t’Alla. B’hekk, meta nitkellmu m’oħrajn dwar il-veritajiet tal-Bibbja li impressjonawna, diskors jew taħditiet li inkuraġġewna, jew xi parir Skritturali li għenna, aħna nkunu qed nikkunsidraw affarijiet li huma veri. Mill-banda l-oħra, aħna ma naċċettawx “l-għerf falz” li sempliċement jagħti l-impressjoni li hu verità. (1 Timotju 6:20) U aħna nevitaw li nirrepetu tqassis jew li nirrakkontaw esperjenzi dubjużi li ma jistgħux jiġu verifikati.
11. Liema affarijiet li huma serji jistgħu jiġu inklużi fil-konversazzjonijiet tagħna?
11 Affarijiet li huma serji huma suġġetti dinjitużi u importanti, u mhux bla siwi. Huma jinkludu tħassib dwar il-ministeru Kristjan tagħna, iż-żminijiet kritiċi li ngħixu fihom, u l-bżonn li aħna nżommu kondotta tajba. Meta niddiskutu dawn l-affarijiet serji, aħna nsaħħu d-determinazzjoni tagħna li nibqgħu mqajmin spiritwalment, inżommu l-integrità tagħna, u nkomplu nippridkaw l-aħbar tajba. Tabilħaqq, esperjenzi interessanti fil-ministeru tagħna kif ukoll ġrajjiet kurrenti li jfakkruna li qed ngħixu fl-aħħar jiem jipprovdu varjetà taʼ materjal għal konversazzjonijiet inkuraġġanti.—Atti 14:27; 2 Timotju 3:1-5.
12. Fi qbil mal-parir taʼ Pawlu biex nikkunsidraw affarijiet li huma ġusti u safjin, x’għandna nevitaw?
12 Il-kelma ġust tfisser li nagħmlu s-sewwa f’għajnejn Alla—nilħqu l-livelli tiegħu. Is-safa tagħti l-idea taʼ ndafa fil-ħsieb u fil-kondotta. Il-malafama, iċ-ċajt maħmuġ, jew il-kliem doppju sens m’għandhom ebda lok fil-konversazzjonijiet tagħna. (Efesin 5:3; Kolossin 3:8) Fil-post tax-xogħol jew fl-iskola, il-Kristjani bil-għaqal kollu jitilqu meta l-konversazzjonijiet jaqgħu fuq dawn is-suġġetti.
13. Agħti eżempji taʼ konversazzjonijiet li jiċċentraw fuq affarijiet li jiġbdu l-mħabba u jistħoqqilhom il-ġieħ.
13 Meta Pawlu jissuġġerixxi li nikkunsidraw affarijiet li jiġbdu l-imħabba, hu qed jirreferi għal affarijiet li huma pjaċevoli u ħelwin jew li jħeġġu l-imħabba, u mhux dawk li jqanqlu l-mibegħda, ir-rabja, jew it-tħaqqiq. Affarijiet li jistħoqqilhom il-ġieħ jirreferu għal informazzjoni onesta jew rapport tajjeb. Rapporti tajbin bħal dawn jinkludu r-rakkonti dwar il-ħajja t’aħwa leali, li jidhru regolarment fir-rivisti tat-Torri taʼ l-Għassa u Stenbaħ! Għala ma taqsamx m’oħrajn dak li taħseb int dwar dawn l-artikli li tkun qrajt u li tant isaħħulna l-fidi? U kemm hu taʼ inkuraġġiment meta tismaʼ dak li oħrajn wettqu spiritwalment! Dawn il-konversazzjonijiet se jibnu l-imħabba u l-unità fil-kongregazzjoni.
14. (a) X’jirrikjedi biex aħna nuru l-virtù? (b) Id-diskors tagħna kif jistaʼ jinkludi affarijiet li ħaqqhom tifħir?
14 Pawlu jitkellem dwar “kull ma hu virtù.” Il-kelma virtù tirreferi għal tjubija jew eċċellenza morali. Irridu noqogħdu attenti li dak li ngħidu jkun gwidat minn prinċipji skritturali u ma jwarrabx mill-ġustizzja, is-safa, u l-virtù. Ħaqqu tifħir ifisser “taʼ min jirrikkmandah.” Jekk tismaʼ taħdita inkuraġġanti jew tinnota eżempju taʼ lealtà fil-kongregazzjoni, tkellem dwaru—kemm maʼ l-individwu involut kif ukoll m’oħrajn. L-appostlu Pawlu spiss kien ifaħħar il-kwalitajiet mill-isbaħ taʼ sħabu fit-twemmin. (Rumani 16:12; Filippin 2:19-22; Filemon 4-7) U, m’għandniex xi ngħidu, dak li għamel il-Ħallieq tagħna verament hu taʼ min ifaħħru. F’dan l-aspett insibu abbundanza taʼ suġġetti għal konversazzjonijiet li jibnu.—Proverbji 6:6-8; 20:12; 26:2.
Ħu Sehem f’Konversazzjonijiet li Jibnu
15. Liema kmand skritturali jobbliga lill-ġenituri biex ikollhom konversazzjonijiet siewja maʼ wliedhom?
15 Dewteronomju 6:6, 7 jgħid: “Żomm f’qalbek dan il-kliem u dawn il-kmandamenti li qiegħed nagħtik illum. Tennihom lil uliedek, u tkellem fuqhom meta tkun f’darek, u meta tkun miexi fit-triq, u meta timtedd, u meta tqum.” Jidher ċar li dan il-kmand jirrikjedi li l-ġenituri jkollhom konversazzjonijiet spiritwali siewja maʼ wliedhom.
16, 17. Il-ġenituri Kristjani x’jistgħu jitgħallmu mill-eżempji taʼ Jehovah u Abraham?
16 Nistgħu nimmaġinaw il-konversazzjonijiet twal li Ġesù kien ikollu maʼ Missieru tas-sema meta kienu jiddiskutu l-inkarigu tiegħu fuq l-art. “Kien dak li bagħatni, jiġifieri l-Missier, li ordnali xi ngħid u nitkellem,” Ġesù qal lid-dixxipli. (Ġwanni 12:49; Dewteronomju 18:18) Il-patrijarka Abraham żgur li qattaʼ ħafna sigħat jitkellem maʼ ibnu Iżakk dwar kif Jehovah kien bierek lilhom u lil missirijiethom. Konversazzjonijiet bħal dawn żgur li għenu kemm lil Ġesù u kemm lil Iżakk biex jissottomettu ruħhom għar-rieda t’Alla.—Ġenesi 22:7-9; Mattew 26:39.
17 Uliedna wkoll jeħtieġu konversazzjonijiet li jibnu. Il-ġenituri għandhom isibu l-ħin fl-iskeda mimlija tagħhom sabiex jitkellmu maʼ wliedhom. Jekk inhu possibbli, għala ma tirranġawx biex tieklu flimkien bħala familja għallinqas darba kuljum? Waqt dawn l-ikliet u wara, se jkun hemm opportunitajiet għal diskussjonijiet li jibnu li tant jistgħu jkunu taʼ ġid għas-saħħa spiritwali tal-familja.
18. Semmi esperjenza li turi l-benefiċċji taʼ komunikazzjoni tajba bejn il-ġenituri u t-tfal.
18 Alejandro, pijunier li għandu ftit iktar minn 20 sena, jiftakar id-dubji li kellu taʼ 14-il sena. Hu jirrakkonta: “Minħabba l-influwenza taʼ dawk fl-iskola u l-għalliema, ma kontx konvint dwar l-eżistenza t’Alla u l-awtentiċità tal-Bibbja. Il-ġenituri tiegħi qattgħu ħafna sigħat jirraġunaw miegħi bil-paċenzja. Dawn il-konversazzjonijiet mhux biss għenuni biex negħleb id-dubji li kelli matul dak il-perijodu diffiċli imma wkoll biex nieħu deċiżjonijiet tajbin f’ħajti.” U xi ngħidu għal-lum? Alejandro jkompli: “Għadni ngħix id-dar. Imma l-iskedi mimlijin tagħna jagħmluha diffiċli biex jien u missieri nitkellmu fil-privatezza. Għalhekk, it-tnejn li aħna nieklu flimkien darba f’ġimgħa fil-post fejn jaħdem. Jien verament ngħożż dawn il-konversazzjonijiet.”
19. Għala lkoll kemm aħna neħtieġu konversazzjonijiet spiritwali?
19 Mhux anki aħna ngħożżu l-opportunitajiet li ngawdu konversazzjonijiet spiritwali maʼ sħabna fit-twemmin? Aħna jkollna opportunitajiet bħal dawn fil-laqgħat, fil-ministeru taʼ l-għalqa, u f’laqgħat soċjali u meta nkunu qed nivvjaġġaw. Pawlu ħares ’il quddiem bil-ħerqa biex jitkellem mal-Kristjani f’Ruma. “Nixtieq ħafna narakom,” hu kitbilhom, “biex . . . inqawwu lil xulxin permezz tal-fidi li għandna, jien lilkom u intom lili.” (Rumani 1:11, 12) “Konversazzjonijiet spiritwali maʼ sħabna Kristjani jwettqu bżonn vitali,” josserva Johannes, li hu anzjan Kristjan. “Dawn iferrħu l-qalb u jġagħlu l-piżijiet taʼ kuljum jinħassu eħfef. Spiss nistaqsi lil uħud imdaħħlin fiż-żmien biex jgħiduli dwar ħajjithom u dwar x’għenhom jibqgħu leali. Matul is-snin, tkellimt maʼ ħafna, u tgħallimt u bbenefikajt minn kull wieħed minnhom, u b’hekk ħajti saret ħafna aħjar.”
20. X’nistgħu nagħmlu jekk nitkellmu maʼ xi ħadd li jistħi?
20 X’tagħmel jekk xi ħadd ma jkomplix miegħek meta tqajjem suġġett spiritwali? Taqtax qalbek. Forsi iktar tard tkun tistaʼ ssib il-ħin addattat. “Bħal tuffieħ tad-deheb fuq platt tal-fidda, hi l-kelma li tingħad f’waqtha,” qal Salamun. (Proverbji 25:11) Uri li tifhem lil dawk li jkunu jistħu. “Il-ħsieb f’moħħ il-bniedem bħall-ilma f’bir fond; min moħħu jilħaqlu jaf joħroġhulu.”a (Proverbji 20:5) Fuq kollox, qatt tħalli l-attitudnijiet t’oħrajn iżommuk lura milli titkellem dwar l-affarijiet li jmissulek qalbek.
Konversazzjonijiet Spiritwali Huma Premjanti
21, 22. Liema benefiċċji nieħdu jekk nipparteċipaw f’konversazzjonijiet spiritwali?
21 L-appostlu Pawlu wissa: “Ebda kelma mhux xierqa m’għandha toħroġ minn fommkom, imma kliem sewwa li jedifika skond il-ħtieġa, kliem li jagħmel il-ġid lil min jisimgħu.” (Efesin 4:29; Rumani 10:10) Jistaʼ jkun li hemm bżonn taʼ sforz biex indawru l-konversazzjoni fuq suġġetti li jibnu, imma l-barkiet huma ħafna. Konversazzjonijiet spiritwali jgħinuna nesprimu l-fidi tagħna m’oħrajn u nsaħħu l-fratellanza tagħna.
22 Għalhekk, ejja nużaw ir-rigal tad-diskors biex nibnu lil oħrajn u nfaħħru lil Alla. Konversazzjonijiet bħal dawn se jkunu sors taʼ sodisfazzjon għalina u taʼ inkuraġġiment għal oħrajn. Fuq kollox, se jferrħu qalb Jehovah għaliex hu jagħti kas il-konversazzjonijiet tagħna u jifraħ meta nużaw il-kliem tagħna b’mod xieraq. (Salm 139:4; Proverbji 27:11) Meta l-konversazzjonijiet tagħna jkunu spiritwali, nistgħu nibqgħu żguri li Jehovah mhux se jinsiena. Il-Bibbja tirreferi għal dawk li qed jaqdu lil Jehovah fi żmienna, billi tgħid: “Hekk qalu wieħed lil ieħor dawk li jibżgħu mill-Mulej; u l-Mulej ta widen u samaʼ; u nkiteb quddiemu ktieb it-tifkiriet minħabba f’dawk li jibżgħu minnu u dawk li jafdaw f’Ismu.” (Malakija 3:16; 3:23 [4:5, NW]) Kemm hu vitali li l-konversazzjonijiet tagħna jibnu spiritwalment!
[Nota taʼ taħt]
a Xi wħud mill-bjar f’Iżrael kienu fondi ħafna. F’Gibgħon, xi arkeoloġi sabu ġiebja li kienet fonda madwar 25 metru. Fiha taraġ, li għen lin-nies jinżlu sal-qiegħ sabiex itellgħu l-ilma.
Int Kif Twieġeb?
• Il-konversazzjonijiet tagħna x’juru dwarna?
• Liema affarijiet li jibnu nistgħu nitkellmu dwarhom?
• Xi rwol importanti għandhom il-konversazzjonijiet fil-familja u fil-kongregazzjoni Kristjana?
• X’benefiċċji jġibu konversazzjonijiet li jibnu?
[Stampi f’paġna 12]
Konversazzjonijiet li jibnu jiċċentraw fuq . . .
“kull ma hu veru”
‘kull ma hu serju’
“kull ma ħaqqu t-tifħir”
“kull ma jistħoqqlu l-ġieħ”
[Sorsi]
Video cover, Stalin: U.S. Army photo; Creator book cover, Eagle Nebula: J. Hester and P. Scowen (AZ State Univ.), NASA
[Stampa f’paġna 13]
Il-ħin taʼ l-ikel jipprovdi opportunitajiet eċċellenti biex nieħdu sehem f’konversazzjonijiet spiritwali