Id-Deċiżjonijiet—Sfida li Ma Tistax Taħrabha
“XEJN ma hu iktar diffiċli, u allura iktar prezzjuż milli tkun kapaċi tiddeċiedi,” qal darba minnhom Napuljun Bonaparte, imperatur taʼ Franza fis-seklu 19. Għandek mnejn taqbel maʼ dawn l-istqarrijiet ladarba, ġeneralment, huwa importanti għan-nies li jkollhom kontroll fuq ħajjithom stess. Fl-istess ħin, huma tgħallmu li d-deċiżjonijiet kultant xejn m’huma faċli.
Kemm jekk faċli u kemm jekk tqal, id-deċiżjonijiet ma tistax taħrabhom. Aħna niffaċċjaw din il-biċċa xogħol kuljum. Hekk kif inqumu fil-għodu, irridu niddeċiedu x’se nilbsu, x’se nieklu għall-kolazzjon, u kif se nagħmlu elf ħaġa oħra matul il-ġurnata. Ħafna minn dawn id-deċiżjonijiet m’humiex daqshekk importanti. Kważi qatt ma nerġgħu noqogħdu naħsbu fuqhom. Rari noqogħdu nħabblu rasna jekk kinux għaqlin jew le.
Mill-banda l-oħra, xi deċiżjonijiet iħallu effett fit-tul. Ħafna żgħażagħ fid-dinja taʼ llum iridu jiddeċiedu liema miri għandhom isegwu. Għandu mnejn ikollhom jiddeċiedu x’edukazzjoni se jagħżlu u għal kemm żmien. Xi darba jew oħra ħafna minnhom se jiddeċiedu jekk humiex se jiżżewġu jew le. Dawk li jagħżlu li jiżżewġu jridu jiddeċiedu: ‘Jien kbir u matur biżżejjed biex niżżewweġ? X’tip taʼ sieħeb jew sieħba rrid, jew iktar importanti, għandi bżonn?’ Ftit huma d-deċiżjonijiet fil-ħajja li jinfluwenzawna iktar mill-għażla tas-sieħeb jew is-sieħba.
Fi kwistjonijiet taʼ importanza kbira, huwa vitali li tieħu deċiżjonijiet għaqlin, ladarba l-ferħ jiddependi ħafna milli nagħmlu hekk. Xi nies jistgħu jħossu li huma kapaċi jieħdu deċiżjonijiet bħal dawn u għandhom mnejn jirrifjutaw l-għajnuna meta tiġi offruta. Huwa għaqli dan? Ejja naraw.
[Sors tal-Istampa f’paġna 3]
Napuljun: Mill-ktieb The Pictorial History of the World