LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w03 11/1 pp. 19-25
  • Mgħallem Minn Jehovah sa Minn Żgħożiti

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Mgħallem Minn Jehovah sa Minn Żgħożiti
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2003
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Progress Bikri fil-​Veritajiet tal-​Bibbja
  • Nibda fil-​Ministeru Full-Time
  • Servizz fil-​Betel taʼ Brooklyn
  • Bidliet Kbar f’Ħajti
  • Servizz f’Pajjiżi Barranin
  • Lura fi Brooklyn
  • Servizz minn Żgħożiti ’l Quddiem
  • Il-ministeru fultajm—⁠Fejn wassalni
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2014
  • Ħajja Mimlija Għana fis-Servizz taʼ Jehovah
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2001
  • ‘Għamilna dak li Kellna Nagħmlu’
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1998
  • Tistaʼ Tagħmel Lilek Innifsek Disponibbli?
    Il-Ministeru tas-Saltna—2001
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2003
w03 11/1 pp. 19-25

Bijografija

Mgħallem Minn Jehovah sa Minn Żgħożiti

KIF RAKKONTATA MINN RICHARD ABRAHAMSON

“O Alla, sa minn żgħożiti int għallimtni; u jien s’issa għadni nxandar għeġubijietek.” Ħallini nispjega għala dan il-​kliem taʼ Salm 71:17 għandu tifsir speċjali għalija.

FIS-​SENA 1924, ommi, Fannie Abrahamson, iltaqgħet maʼ l-​Istudenti tal-​Bibbja, kif kienu jissejħu x-​Xhieda taʼ Jehovah dak iż-​żmien. Jien kelli sena biss. Hi u titgħallem il-​veritajiet tal-​Bibbja, ommi kienet titlaq sparata għand il-​ġirien u tgħidilhom l-​affarijiet li kienet tgħallmet, u kienet tgħallem ukoll lili u lil ħija u ’l oħti li kienu akbar minni. Qabel ma tgħallimt naqra, hi kienet għenitni nitgħallem ħafna skritturi bl-​amment dwar il-​barkiet tas-​Saltna t’Alla.

Fl-aħħar tas-​snin 20, il-​grupp tagħna taʼ Studenti tal-​Bibbja ġo La Grande, fl-​istat taʼ Oregon, l-​Istati Uniti, fejn twilidt u trabbejt, kien fih ftit nisa u tfal. Għalkemm konna iżolati, darba jew darbtejn fis-​sena kien ikollna żjajjar mill-​ministri li jivvjaġġaw li kienu magħrufin bħala pellegrini. Dawn kienu jagħtu taħditiet inkuraġġanti, joħorġu magħna fil-​ministeru minn dar għal dar, u juru interess ġenwin fit-​tfal. Fost dawn l-​uħud għeżież kien hemm Shield Toutjian, Gene Orrell, u John Booth.

Fl-​1931, ħadd mill-​grupp tagħna ma setaʼ jattendi għall-​konvenzjoni li nżammet f’Columbus, Ohio, fejn l-​Istudenti tal-​Bibbja adottaw l-​isem Xhieda taʼ Jehovah. Imma l-​kumpaniji, bħalma kienu magħrufin il-​kongregazzjonijiet dak iż-​żmien, u l-​gruppi iżolati mhux rappreżentati fil-​konvenzjoni ltaqgħu lokalment f’Awissu taʼ dik is-​sena biex jadottaw riżoluzzjoni u jaċċettaw l-​isem. Il-​grupp żgħir tagħna ġo La Grande hekk għamel. Imbagħad, fil-​kampanja li saret fl-​1933 biex jitqassam il-​ktejjeb The Crisis, jien tgħallimt preżentazzjoni fuq il-​Bibbja bl-​amment u, għall-​ewwel darba, jien mort inxandar minn bieb għal bieb waħdi.

Matul is-​snin 30, l-​oppożizzjoni bdiet tikber kontra x-​xogħol tagħna. Sabiex ikampaw maʼ dan, il-​kumpaniji ġew miġburin f’dawk li kienu jissejħu diviżjonijiet, li kien ikollhom assembleat żgħar u ħadu sehem f’missjonijiet taʼ ppridkar, li kienu magħrufin bħala kampanji tad-​diviżjonijiet, darba jew darbtejn fis-​sena. F’dawn l-​assembleat, aħna ġejna mgħallmin kif nippridkaw b’modi differenti u wkoll kif niffaċċjaw lill-​pulizija b’rispett meta dawn jindaħlu fix-​xogħol tagħna. Ladarba x-​Xhieda spiss kienu jittieħdu quddiem pulizija li kien imħallef jew f’qorti normali, aħna konna nipprattikaw xi istruzzjonijiet minn karta msejħa Order of Trial. Dan ħejjiena biex inkampaw maʼ l-​oppożizzjoni.

Progress Bikri fil-​Veritajiet tal-​Bibbja

L-​apprezzament tiegħi għall-​veritajiet tal-​Bibbja u għat-​tama bbażata fuq il-​Bibbja dwar ħajja taʼ dejjem fuq l-​art taħt is-​Saltna tas-​sema t’Alla, kien qed jikber. Dak iż-​żmien, ma kinitx issir ħafna enfasi biex dawk li ma kellhomx it-​tama li jaħkmu fis-​sema maʼ Kristu jitgħammdu. (Apokalissi 5:​10; 14:​1, 3) Minkejja dan, xi ħadd kien qalli li jekk f’qalbi kont determinat li nagħmel ir-​rieda taʼ Jehovah, kien ikun xieraq li nitgħammed. Dan għamiltu f’Awissu taʼ l-​1933.

Meta kelli 12-il sena, l-​għalliema tiegħi kienet tal-​fehma li kont sejjer tajjeb fid-​diskors pubbliku, għalhekk hi ħeġġet lil ommi biex tirranġali għal iktar taħriġ. Ommi ħasbet li dan setaʼ jgħinni naqdi lil Jehovah aħjar. Għalhekk, hi kienet tħallasli l-​lezzjonijiet billi taħsel il-​ħwejjeġ taʼ l-​għalliema għal sena. It-​taħriġ swieli t’għajnuna fil-​ministeru tiegħi. Meta kelli 14-il sena, imradt bid-​deni rewmatiku, u minħabba f’hekk kelli nitlaq mill-​iskola għal iktar minn sena.

Fl-1939, ministru full-time jismu Warren Henschel ġie jgħix fil-​post fejn konna noqogħdu.a Spiritwalment, għalija kien ħija l-​kbir, u kien jiħodni miegħu għal ġranet sħaħ fil-​ministeru taʼ l-​għalqa. Malajr għenni nibda fis-​servizz taʼ pijunier fil-​vaganzi, li kien tip taʼ ministeru full-time temporanju. Dak is-​sajf, il-​grupp tagħna sar kumpanija. Warren inħatar bħala l-​qaddej tal-​kumpanija, u jien ġejt maħtur biex nikkonduċi l-​istudju tat-​Torri taʼ l-​Għassa. Meta Warren telaq biex jaqdi f’Betel, il-​kwartieri ġenerali internazzjonali tax-​Xhieda taʼ Jehovah fi Brooklyn, New York, jien sirt il-​qaddej tal-​kumpanija.

Nibda fil-​Ministeru Full-Time

Ir-​responsabbiltà miżjuda biex naqdi bħala l-​qaddej tal-​kumpanija saħħitli x-​xewqa li nidħol fil-​ministeru full-time b’mod regulari, u dan għamiltu meta kelli 17-il sena wara li spiċċajt l-​aħħar sena fl-​iskola sekondarja. Missieri ma kellux l-​istess twemmin tagħna, imma kien jieħu ħsieb il-​bżonnijiet tal-​familja u kien raġel taʼ prinċipji għoljin. Hu riedni mmur il-​kulleġġ. Madankollu, hu qal li sakemm ma nistenniex li jagħtini saqaf fuq rasi u ikel, stajt nagħmel li rrid. Għalhekk, bdejt naqdi bħala pijunier fl-​1 taʼ Settembru taʼ l-​1940.

Meta tlaqt mid-​dar, ommi staqsietni biex naqra Proverbji 3:​5, 6: “Ittama fil-​Mulej b’qalbek kollha, u tafdax fl-​għaqal tiegħek. Fih aħseb f’kull ma tagħmel, u hu jwittilek triqatek.” Għalija, li dejjem inħalli ħajti f’idejn Jehovah kien, tabilħaqq, verament t’għajnuna.

Ftit taż-​żmien wara, ngħaqadt maʼ Joe u Margaret Hart fil-​ministeru fit-​tramuntana taʼ l-​Istat taʼ Washington. It-​territorju kien varjat ħafna​—irziezet tal-​baqar u tan-​nagħaġ, riservi għall-​Indjani, kif ukoll ħafna bliet żgħar u rħula. Fil-​ħarifa taʼ l-​1941, jien ġejt inkarigat bħala l-​qaddej tal-​kumpanija fil-​kongregazzjoni f’Wenatchee, Washington.

F’waħda mill-​assembleat tagħna f’Walla Walla, Washington, jien qdejt bħala attendant, nilqaʼ lil dawk kollha li kienu deħlin fl-​awditorju. Innotajt lil wieħed ħu żagħżugħ li kien qed jipprova jirranġa s-​sistema taʼ l-​ispeakers mingħajr suċċess. Għalhekk issuġġerejt li hu jieħu l-​inkarigu tiegħi, u jien nieħu tiegħu. Meta l-​qaddej reġjonali, Albert Hoffman, ġie lura u ra li jien kont tlaqt l-​inkarigu tiegħi, bi tbissima hu spjegali l-​valur taʼ li wieħed iżomm maʼ l-​inkarigu li jingħata sakemm ma jingħatax xi direzzjoni oħra. Jien bqajt niftakar dan il-​parir sa llum il-​ġurnata.

F’Awissu taʼ l-​1941, ix-​Xhieda taʼ Jehovah ippjanaw konvenzjoni kbira ħafna f’St. Louis, Missouri. Joe u Margaret Hart għamlu saqaf fit-​trakk tagħhom u poġġew il-​bankijiet. Disaʼ mill-​pijunieri li konna għamilna l-​vjaġġ taʼ 2,400 kilometru lejn St. Louis f’dak it-​trakk. Il-​vjaġġ għal kull naħa ħa madwar ġimgħa. Fil-​konvenzjoni, il-​pulizija qalu li bejn wieħed u ieħor, l-​attendenza l-​iktar għolja kienet taʼ 115,000 ruħ. Għalkemm x’aktarx l-​attendenza kienet inqas minn hekk, żgur li kien hemm iktar mill-​65,000 Xhud li kien hemm fl-​Istati Uniti dak iż-​żmien. Il-​konvenzjoni tassew saħħitna spiritwalment.

Servizz fil-​Betel taʼ Brooklyn

Wara li rġajt lura għal Wenatchee, irċivejt ittra li talbitni mmur naqdi fil-​Betel taʼ Brooklyn. Malli wasalt fis-​27 t’Ottubru taʼ l-​1941, ħaduni sa l-​uffiċċju taʼ Nathan H. Knorr, l-​indokratur taʼ l-​istamperija. Hu b’qalb tajba spjegali kif kienu l-​affarijiet f’Betel u enfasizza li kien essenzjali li wieħed jibqaʼ qrib Jehovah biex jagħmel il-​ħajja hemmhekk waħda taʼ suċċess. Imbagħad ħaduni fid-​dipartiment minfejn jibagħtu l-​letteratura u x-​xogħol tiegħi kien li norbot il-​kaxxi tal-​kartun biex jintbagħtu lejn pajjiżi oħra.

Fit-​8 taʼ Jannar taʼ l-​1942, miet Joseph Rutherford, li kien qed jieħu t-​tmexxija fost ix-​Xhieda taʼ Jehovah madwar id-​dinja. Ħamest ijiem wara, Ħuna Knorr ġie elett mid-​diretturi tas-​Soċjetà minfloku. Meta W. E. Van Amburgh, li kien ilu jaqdi bħala t-​teżorier segretarju tas-​Soċjetà, ta din l-​aħbar lill-​familja Betel, hu qal: “Nistaʼ niftakar meta miet C. T. Russell [fl-1916] u minfloku nħatar J. F. Rutherford. Il-​Mulej baqaʼ jidderieġi u jkabbar ix-​xogħol Tiegħu. Issa, jien nistenna b’ċertezza li x-​xogħol se jimxi ’l quddiem b’Nathan H. Knorr bħala l-​president għaliex dan hu x-​xogħol tal-​Mulej, mhux tal-​bniedem.”

Fi Frar taʼ l-​1942, ġie annunzjat li kien se jinbeda l-​“Kors Avanzat fil-​Ministeru Teokratiku.” Dan kien disinjat biex iħarreġ lil dawk f’Betel itejbu l-​abbiltà tagħhom biex jagħmlu riċerka fuq suġġetti Bibliċi, jorganizzaw sew il-​materjal tagħhom, u jippreżentawh b’mod effettiv. Minħabba t-​taħriġ li ħadt fid-​diskors pubbliku meta kont għadni żgħir, stajt nagħmel progress malajr fil-​programm.

Wara ftit taż-​żmien, ġejt inkarigat fid-​Dipartiment tas-​Servizz li jieħu ħsieb il-​ministeru tax-​Xhieda fl-​Istati Uniti. Iktar tard dik is-​sena, ġie deċiż li jerġaʼ jsir programm għall-​ministri biex iżuru l-​kumpaniji tax-​Xhieda. Maż-​żmien, dawn il-​ministri li jivvjaġġaw, imsejħin il-​qaddejja taʼ l-​aħwa, saru magħrufa bħala indokraturi tas-​circuit. Matul is-​sajf taʼ l-​1942, ġie rranġat kors f’Betel biex iħarreġ aħwa għal dan it-​tip taʼ ministeru, u jien kont privileġġat li nkun fost dawk li rċivew it-​taħriġ. B’mod speċjali niftakar lil Ħuna Knorr, wieħed mill-​istrutturi, li enfasizza dan il-​punt: “Tipprovax togħġob lill-​bnedmin. Tispiċċa ma togħġob lil ħadd. Ogħġob lil Jehovah, u togħġob lil dawk kollha li jħobbu lil Jehovah.”

Ix-xogħol taʼ l-​ivvjaġġar inbeda f’Ottubru taʼ l-​1942. Xi wħud minna f’Betel ħadna sehem fih f’ċerti Sibtijiet u Ħdud, billi konna nżuru kongregazzjonijiet f’distanza taʼ 400 kilometru ’l bogħod mill-​Belt taʼ New York. Konna nirrivedu l-​attività taʼ l-​ippridkar tal-​kongregazzjoni u l-​attendenza għal-​laqgħat, kien ikollna laqgħa maʼ dawk li jieħdu ħsieb ir-​responsabbiltajiet fil-​kongregazzjoni, nagħtu taħdita jew tnejn, u naħdmu fil-​ministeru max-​Xhieda lokali.

Fl-1944, kont fost dawk mid-​Dipartiment tas-​Servizz mibgħutin fix-​xogħol taʼ l-​ivvjaġġar għal perijodu taʼ sitt xhur f’Delaware, Maryland, Pennsylvania, u Virginia. Iktar tard, għal ftit xhur, żort xi kongregazzjonijiet f’Connecticut, Massachusetts, u Rhode Island. Meta mort lura Betel, kont naħdem part-time fl-​uffiċċju maʼ Ħuna Knorr u s-​segretarju tiegħu Milton Henschel, fejn sirt midħla tax-​xogħol tagħna taʼ madwar id-​dinja. Kif ukoll kont naqdi part-time fl-​Uffiċċju tat-​Teżorier taħt l-​indokrar taʼ W. E. Van Amburgh u l-​assistent tiegħu, Grant Suiter. Imbagħad, fl-​1946, sirt indokratur taʼ numru t’uffiċċji f’Betel.

Bidliet Kbar f’Ħajti

Waqt li kont qed naqdi l-​kongregazzjonijiet fl-​1945, iltqajt maʼ Julia Charnauskas fi Providence, Rhode Island. Sa nofs is-​sena 1947 bdejna nikkunsidraw iż-​żwieġ. Is-​servizz taʼ Betel kont inħobbu ħafna, madankollu dak iż-​żmien ma kienx hemm provvediment biex iddaħħal lil min tiżżewweġ jaqdi hemm. Għalhekk, f’Jannar taʼ l-​1948, jien tlaqt minn Betel, u jien u Julia (Julie) iżżewwiġna. Bdejt naħdem part-time f’ħanut ġo Providence, u bdejna naqdu flimkien bħala pijunieri.

F’Settembru taʼ l-​1949, ġejt mistieden biex nagħmel ix-​xogħol tas-​circuit fil-​majjistral taʼ Wisconsin. Din kienet bidla kbira għalija u għal Julie biex nippridkaw fi bliet żgħar u f’postijiet rurali fejn ikun hemm ħafna rziezet tal-​baqar. Ix-​xitwa kienet tkun twila u kiesħa, b’ħafna ġimgħat fejn it-​temperatura kienet tinżel iktar minn 20 taħt iż-​żero u kien ikun hemm ħafna borra. Ma kellniex karozza. Madankollu, dejjem konna nsibu lil xi ħadd li jwassalna għall-​kongregazzjoni li kien imiss.

Ftit wara li bdejt ix-​xogħol tas-​circuit kellna assemblea tas-​circuit. Jien niftakar li kont niċċekkja bir-​reqqa biex nara li kollox kien qed jimxi sew, u dan ġagħal lil xi wħud iħossuhom skomdi. Għalhekk l-​indokratur tad-​distrett, Nicholas Kovalak, bil-​ħlewwa spjegali li l-​aħwa lokali kienu mdorrijin jieħdu ħsieb l-​affarijiet kif jafu huma u li ma kellix għalfejn niċċekkja kull dettall. Dan il-​parir kien t’għajnuna għalija fil-​ħafna inkarigi li kelli minn dakinhar ’il quddiem.

Fl-​1950, irċivejt inkarigu temporanju​—li nieħu ħsieb l-​akkomodazzjoni għad-​delegati għall-​ewwel waħda mill-​ħafna konvenzjonijiet kbar li kellna f’Yankee Stadium fil-​Belt taʼ New York. Il-​konvenzjoni kienet taʼ l-​għaġeb mill-​bidu sa l-​aħħar, b’delegati minn 67 pajjiż differenti u l-​akbar attendenza kienet taʼ 123,707! Wara l-​konvenzjoni, jien u Julie komplejna fil-​ministeru taʼ l-​ivvjaġġar. Konna ferħanin fix-​xogħol tas-​circuit. Madankollu, ħassejna li għandna nkomplu nagħmlu lilna nfusna disponibbli. Għalhekk, kull sena mlejna applikazzjonijiet kemm għal Betel kif ukoll għas-​servizz missjunarju. Kemm fraħna meta fl-​1952 irċivejna stedina biex nattendu l-​20 klassi taʼ l-​Iskola taʼ Gilgħad (Watchtower Bible School of Gilead), fejn irċivejna taħriġ għax-​xogħol missjunarju.

Servizz f’Pajjiżi Barranin

Malli ggradwajna fl-​1953, ġejna mibgħutin il-​Britannja, fejn jien qdejt fix-​xogħol distrettwali fin-​naħa t’isfel taʼ l-​Ingilterra. Wara inqas minn sena f’din l-​attività, li jien u Julie vera ħadna pjaċir nagħmlu, bla ma konna qed nistennew irċivejna inkarigu biex immorru naqdu fid-​Danimarka. Kien hemm bżonn taʼ indokrar ġdid fl-​uffiċċju tal-​fergħa tad-​Danimarka. Ladarba jien kont viċin u kont imħarreġ għal dan ix-​xogħol fi Brooklyn, bagħtuni biex ngħin. Qbadna vapur għall-​Olanda, u minn hemm morna bil-​ferrovija għal Kopenħagen, id-​Danimarka. Wasalna fid-​9 t’Awissu taʼ l-​1954.

Waħda mill-​problemi li kellna nittrattaw kienet li xi wħud li kellhom pożizzjonijiet taʼ responsabbiltà naqsu li jaċċettaw id-​direzzjonijiet mill-​kwartieri ġenerali fi Brooklyn. Barra minn hekk, tlieta mill-​erbaʼ persuni li kienu qed jittraduċu l-​pubblikazzjonijiet bid-​Daniż telqu minn Betel u eventwalment ma baqgħux jassoċjaw max-​Xhieda taʼ Jehovah. Imma Jehovah wieġeb it-​talb tagħna. Żewġ pijunieri, Jørgen u Anna Larsen, li kienu għamlu x-​xogħol tat-​traduzzjoni part-time, offrew li jidħlu full-time. It-​traduzzjoni tar-​rivisti tagħna bid-​Daniż b’hekk baqgħet għaddejja mingħajr ma tilfet lanqas ħarġa waħda. Jørgen u Anna Larsen għadhom jaqdu fil-​Betel tad-​Danimarka, u Jørgen huwa l-​koordinatur tal-​Kumitat tal-​Fergħa.

F’dawk is-​snin bikrin, iż-​żjajjar regulari taʼ Ħuna Knorr kienu xi ħaġa tassew inkuraġġanti. Hu kien iwarrab il-​ħin biex joqgħod bil-​qiegħda u jitkellem maʼ kulħadd, u kien jirrakkonta esperjenzi li juru kif tittratta ċerti problemi. Waqt żjara fl-​1955, ġie deċiż li nibnu fergħa ġdida b’faċilitajiet għall-​istampar sabiex inkunu nistgħu nipproduċu rivisti għad-​Danimarka. Akkwistajna proprjetà f’raħal lejn it-​tramuntana taʼ Kopenħagen, u sas-​sajf taʼ l-​1957, morna ngħixu fil-​bini l-​ġdid. Harry Johnson, li flimkien mal-​mara tiegħu, Karin, kien reċentement wasal id-​Danimarka wara li t-​tnejn iggradwaw mis-​26 klassi taʼ Gilgħad, għen biex inħejju u nħaddmu l-​istamperija.

Aħna mxejna ’l quddiem fl-​organizzar biex isiru konvenzjonijiet kbar fid-​Danimarka, u l-​esperjenza li kont ksibt waqt li kont naħdem fil-​konvenzjonijiet fl-​Istati Uniti swieli taʼ ġid. Fl-​1961, il-​konvenzjoni internazzjonali kbira li kellna f’Kopenħagen kellha delegati minn iktar minn 30 pajjiż. L-​akbar attendenza kienet taʼ 33,513-il ruħ. Fl-​1969, kellna dik li kienet l-​akbar konvenzjoni li qatt inżammet fl-​Iskandinavja, bl-​akbar attendenza taʼ 42,073 ruħ!

Fl-1963, ġejt mistieden biex nattendi t-38 klassi taʼ Gilgħad. Dan kien kors t’għaxar xhur li ġie rranġat u disinjat b’mod partikulari għat-​taħriġ taʼ wħud li jaħdmu fil-​fergħat. Verament ħadt pjaċir li stajt nerġaʼ nkun mal-​familja taʼ Betel fi Brooklyn u li nibbenefika mill-​esperjenza taʼ dawk li kienu ilhom snin sħaħ jieħdu ħsieb it-​tmexxija tal-​kwartieri ġenerali.

Wara dan il-​kors taʼ taħriġ, erġajt mort lura d-​Danimarka biex inkompli nieħu ħsieb ir-​responsabbiltajiet hemmhekk. Flimkien maʼ dan, kelli l-​privileġġ li naqdi bħala indokratur taż-​żona, u dan kien jirrikjedi li nżur xi fergħat fil-​punent u t-​tramuntana taʼ l-​Ewropa sabiex ninkuraġġixxi lil dawk li jaħdmu hemm u ngħinhom biex iwettqu r-​responsabbiltajiet tagħhom. Dan l-​aħħar għamilt dan ix-​xogħol fl-​Afrika tal-​Punent u fil-​Karibew.

Lejn l-​aħħar tas-​snin 70, l-​aħwa fid-​Danimarka bdew ifittxu post għall-​bini taʼ faċilità akbar għaż-​żjieda fit-​traduzzjoni u l-​istampar. Sibna biċċa proprjetà tajba madwar 60 kilometru lejn il-​punent taʼ Kopenħagen. Flimkien m’oħrajn, jien ħdimt fuq l-​ippjanar u l-​iddisinjar taʼ din il-​faċilità ġdida, u jien u Julie konna ħerqanin biex nidħlu ngħixu mal-​familja taʼ Betel fid-​dar il-​ġdida mill-​isbaħ. Madankollu, l-​affarijiet ma seħħewx b’dan il-​mod.

Lura fi Brooklyn

F’Novembru taʼ l-​1980, jien u Julie ġejna mistidnin immorru naqdu fil-​Betel taʼ Brooklyn, u wasalna hemm fil-​bidu taʼ Jannar taʼ l-​1981. Dak iż-​żmien konna diġà qbiżna l-​50 sena sew, u wara li konna qdejna kważi nofs ħajjitna maʼ ħutna għeżież fid-​Danimarka, ma kienx faċli għalina li nirritornaw lejn l-​Istati Uniti. Madankollu, ma qgħadniex naħsbu dwar fejn konna nippreferu li nkunu imma pprovajna niffokaw fuq l-​inkarigi l-​ġodda tagħna u l-​isfidi li kienu se jġibu magħhom.

Wasalna fi Brooklyn u ssetiljajna. Julie ġiet inkarigata fl-​uffiċċju taʼ l-​accounts, fejn kienet se tagħmel xogħol simili għal dak li kienet tagħmel fid-​Danimarka. Jien kont inkarigat fid-​Dipartiment tal-​Kitba biex ngħin fl-​iskedi taʼ l-​ipproċessar tal-​pubblikazzjonijiet tagħna. Il-​bidu tas-​snin 80 kien żmien taʼ bidla fil-​mod kif isiru l-​affarijiet fi Brooklyn, hekk kif bdilna l-​użu tat-​typewriter u l-​istampar bil-​biċċiet taċ-​ċomb differenti għall-​ipproċessar bil-​kompjuter u l-​istampar offset. Jien ma kont naf xejn dwar il-​kompjuters imma kont nifhem xi ħaġa dwar il-​proċeduri organizzazzjonali u l-​ħidma man-​nies.

Ftit wara dan, kien hemm bżonn li norganizzaw aħjar id-​Dipartiment taʼ l-​Arti għaliex bdejna nagħmlu stampar offset bil-​kulur u nużaw stampi kuluriti kif ukoll ritratti. Għalkemm ma kellix esperjenza bħala pittur, xorta stajt ngħin bl-​organizzar. Allura kelli l-​privileġġ li nieħu ħsieb dak id-​dipartiment għal disaʼ snin.

Fl-​1992, ġejt inkarigat biex ngħin lill-​Kumitat taʼ l-​Ippubblikar tal-​Ġemgħa li Tiggverna u mort fl-​Uffiċċju tat-​Teżorier. Jien għadni qed naħdem hawn f’konnessjoni maʼ l-​attivitajiet finanzjarji tax-​Xhieda taʼ Jehovah.

Servizz minn Żgħożiti ’l Quddiem

Mill-​bidu taʼ żgħożiti u matul 70 sena taʼ servizz dedikat, Jehovah bil-​paċenzja għallimni permezz tal-​Kelma tiegħu, il-​Bibbja, u permezz t’aħwa li għenuni fl-​organizzazzjoni meraviljuża tiegħu. Jien gawdejt iktar minn 63 sena fil-​ministeru full-time, iktar minn 55 sena minn dawn mal-​mara leali tiegħi, Julie. Verament inħossni mbierek minn Jehovah.

Lura fl-​1940 meta tlaqt mid-​dar biex nibda fis-​servizz taʼ pijunier, missieri waqqaʼ għaċ-​ċajt id-​deċiżjoni tiegħi u qalli: “Ibni, meta titlaq mid-​dar biex tagħmel dan ix-​xogħol, taħsibx li tistaʼ tiġi tiġri lura għall-​għajnuna tiegħi.” Matul is-​snin, qatt ma kelli nagħmel hekk. Jehovah bil-​ġenerożità pprovda għall-​bżonnijiet tiegħi, spiss permezz taʼ l-​għajnuna minn sħabi Kristjani. Maż-​żmien, missieri beda jirrispetta x-​xogħol tagħna, u saħansitra għamel xi progress f’li jitgħallem il-​veritajiet tal-​Bibbja qabel ma miet fl-​1972. Ommi, li kellha t-​tama taʼ ħajja fis-​sema, kompliet taqdi lil Jehovah lealment sakemm mietet fl-​1985, fl-​età taʼ 102.

Għalkemm il-​problemi jitfaċċaw fil-​ministeru full-time, jien u Julie qatt ma kkunsidrajna li nitilqu l-​inkarigu tagħna. Jehovah dejjem sostniena fid-​determinazzjoni tagħna. Anki meta l-​ġenituri tiegħi kienu qed jixjieħu u kellhom bżonn l-​għajnuna, oħti, Victoria Marlin, offriet l-​għajnuna u bil-​qalb tajba ħadet ħsiebhom. Aħna tassew grati għall-​kontribut kollu mħabba tagħha, li għenna nkomplu fil-​ministeru full-time.

Julie bil-​lealtà tatni l-​appoġġ tagħha fl-​inkarigi kollha tagħna, billi dan qisitu bħala parti mid-​dedikazzjoni tagħha lil Jehovah. U għalkemm issa jien għandi 80 sena u qed nesperjenza xi problemi taʼ saħħa, inħossni mbierek bil-​kbir minn Jehovah. Insib ħafna inkuraġġiment mis-​salmista li wara li pproklama li Alla kien għallmu sa minn żgħożitu, hu talab, ‘Mqar meta nixjieħ, la tinsinix, o Alla, sakemm inxandar il-​qawwa tiegħek lil kull min għad jiġi.’​—Salm 71:​17, 18.

[Nota taʼ taħt]

a Warren kien il-​ħu l-​kbir taʼ Milton Henschel, li qeda għal ħafna snin bħala membru tal-​Ġemgħa li Tiggverna tax-​Xhieda taʼ Jehovah.

[Stampa f’paġna 20]

M’ommi fl-​1940, meta bdejt ix-​xogħol taʼ pijunier

[Stampa f’paġna 21]

Maʼ sħabi l-​pijunieri Joe u Margaret Hart

[Stampa f’paġna 23]

Fil-​ġurnata tat-​tieġ tagħna f’Jannar taʼ l-​1948

[Stampa f’paġna 23]

Fl-​1953, maʼ studenti oħrajn fil-​klassi taʼ Gilgħad. Mix-​xellug sal-​lemin: Don u Virginia Ward, Geertruida Stegenga, Julie, u jien

[Stampa f’paġna 23]

Maʼ Frederick W. Franz u Nathan H. Knorr ġo Kopenħagen, id-​Danimarka, fl-​1961

[Stampa f’paġna 25]

Maʼ Julie llum

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja