Int Tistaʼ Temmen f’Art Magħmula Ġenna
MATUL l-istorja tal-bniedem, miljuni taʼ nies emmnu li eventwalment kienu se jħallu l-art u jmorru fis-sema. Xi wħud ħassew li l-Ħallieq tagħna qatt ma ried li ngħixu għal dejjem fuq l-art. L-axxetiċi marru saħansitra iktar fl-estrem. Għal ħafna minnhom, l-art u l-affarijiet materjali kollha huma ħżiena—xi ħaġa li żżommhom milli jkollhom sodisfazzjon spiritwali veru u milli jkunu qrib t’Alla.
Dawk li żviluppaw dawn l-ideat, jew ma kinux jafu dak li jgħid Alla dwar is-suġġett t’art magħmula ġenna, jew għażlu li jinjorawh. Fil-fatt, illum ħafna lanqas biss jinteressahom li jeżaminaw dak li Alla nebbaħ lill-bnedmin biex jiktbu fuq dan is-suġġett fil-Kelma tiegħu, il-Bibbja. (2 Timotju 3:16, 17) Imma, kemm hu iktar għaqli li tafda l-Kelma t’Alla minflok ma tadotta teoriji tal-bnedmin! (Rumani 3:4) Fil-fatt, huwa vitali li nagħmlu hekk, ladarba l-Bibbja twissina li esseri mill-agħar li hu qawwi imma inviżibbli għema lin-nies spiritwalment u issa hu “l-qarrieq tad-dinja kollha.”—Apokalissi 12:9; 2 Korintin 4:4.
Għala Tant Konfużjoni?
Ideat differenti dwar ir-ruħ ġagħlu lin-nies jitħawdu dwar x’verament hu l-iskop t’Alla għall-art. Ħafna jemmnu li aħna għandna ruħ immortali—xi ħaġa li hi separata mill-ġisem uman u li tibqaʼ tgħix wara l-mewt. Oħrajn jemmnu li r-ruħ kienet teżisti qabel ma ġie maħluq il-ġisem uman. Skond xogħol wieħed taʼ referenza, il-filosfu Grieg Platun ħaseb li r-ruħ “hija maqfula fil-ġisem bħala kastig għad-dnubiet li għamlet meta kienet fis-sema.” B’mod simili, it-teologu Oriġene tat-tielet seklu qal li “l-erwieħ dinbu [fis-sema] qabel ma ngħaqqdu maʼ ġisem” u ġew “maqfulin [f’dan il-ġisem fuq l-art] bħala kastig għal dnubiethom.” U miljuni taʼ nies jemmnu li jinsabu fuq l-art sempliċement bħala prova fil-vjaġġ tagħhom lejn is-sema.
Hemm ukoll diversi ideat dwar dak li jiġri mir-ruħ meta xi ħadd imut. Skond il-ktieb History of Western Philosophy, l-Eġizzjani żviluppaw il-ħarsa li “l-erwieħ tal-mejtin jinżlu fid-dinja taʼ taħt l-art.” Filosfi iktar tard argumentaw li l-erwieħ tal-mejtin ma niżlux fid-dinja taʼ taħt l-art mudlama imma attwalment telgħu f’qasam iktar għoli taʼ l-ispirti. Hemm min jgħid li l-filosfu Grieg Sokrate kien jemmen li meta xi ħadd imut ir-ruħ “titlaq f’post inviżibbli . . . u tqattaʼ l-kumplament taʼ l-eżistenza tagħha maʼ l-allat.”
Il-Bibbja X’Tgħid?
Il-Bibbja, il-Kelma ispirata t’Alla, imkien ma tgħid li l-bnedmin għandhom ruħ immortali. Aqra r-rakkont f’Ġenesi 2:7. Hemmhekk jgħid: “Il-Mulej Alla sawwar il-bniedem mit-trab taʼ l-art u nefaħlu fi mnifsejh nifs il-ħajja, u l-bniedem sar [“ruħ,” Karm Żammit] ħajja.” Dan huwa ċar u ma jistax jiġi mifhum ħażin. Meta Alla ħalaq l-ewwel bniedem, Adam, Hu ma poġġiex fih xi ħaġa li m’hijiex taʼ sustanza fiżika. Le, għax il-Bibbja tgħid li “l-bniedem sar [“ruħ,” KŻ] ħajja.” Il-bniedem ma kellux ruħ ġo fih. Hu kien ruħ.
Meta ħalaq l-art u l-familja umana, Jehovah qatt ma ried li l-bniedem imut. L-iskop t’Alla kien li l-bnedmin jgħixu fuq l-art għal dejjem f’kundizzjonijiet taʼ ġenna taʼ l-art. Adam miet għax m’obdiex il-liġi t’Alla. (Ġenesi 2:8, 15-17; 3:1-6; Isaija 45:18) Meta l-ewwel bniedem miet, telaʼ f’xi qasam taʼ l-ispirti? Le! Hu—ir-ruħ, Adam—reġaʼ lura lejn it-trab bla ħajja li minnu kien ġie maħluq.—Ġenesi 3:17-19.
Ilkoll kemm aħna writna d-dnub u l-mewt mingħand l-antenat tagħna Adam. (Rumani 5:12) Din il-mewt hija waqfien t’eżistenza, eżatt bħalma kienet għal Adam. (Salm 146:3, 4) Fil-fatt, f’kull wieħed mis-66 ktieb tagħha, il-Bibbja qatt ma torbot it-termini “immortali” jew “dejjiemi” mal-kelma “ruħ.” Għall-kuntrarju, l-Iskrittura tgħid ċar u tond li r-ruħ—il-persuna—hija mortali. Ir-ruħ tmut.—Koħèlet 9:5, 10; Eżekjel 18:4, KŻ.
Huma l-Affarijiet Materjali Ħżiena Minnhom Infushom?
Xi ngħidu dwar l-idea li l-affarijiet materjali, inkluż l-art, huma ħżiena? Is-segwaċi tal-Manikejiżmu, moviment reliġjuż li beda fil-Persja matul it-tielet seklu E.K. minn individwu jismu Mani, hekk kienu jemmnu. The New Encyclopædia Britannica tgħid: ‘Il-Manikejiżmu kien risposta għad-diqa li kienet tidher fil-kundizzjoni tal-bniedem.’ Mani kien jemmen li n-natura umana “kienet xi ħaġa mhux naturali, li ma tissaportihiex, u totalment ħażina.” Hu kien jemmen ukoll li l-uniku mod biex tiskansa din id-“diqa” kien billi r-ruħ titlaq mill-ġisem, tħalli l-art, u tikseb eżistenza spiritwali fid-dinja taʼ l-ispirti.
B’kuntrast, il-Bibbja tgħidilna li fil-ħarsa t’Alla “kull ma kien għamel” meta ħalaq l-art u l-umanità kien “tajjeb ħafna.” (Ġenesi 1:31) Dak iż-żmien ma kien hemm ebda ostaklu bejn il-bnedmin u Alla. Adam u Eva gawdew komunikazzjoni mill-qrib maʼ Jehovah, saħansitra bħalma l-bniedem perfett Ġesù Kristu gawda relazzjoni intima maʼ Missieru tas-sema.—Mattew 3:17.
Kieku l-ewwel ġenituri tagħna, Adam u Eva, ma qabdux it-triq tad-dnub, kieku huma kienu jgawdu għal dejjem relazzjoni mill-qrib m’Alla Jehovah f’art magħmula ġenna. Huma bdew il-ħajja tagħhom fil-Ġenna taʼ l-art, għax l-Iskrittura tgħidilna: “Il-Mulej Alla ħawwel ġnien fl-Għeden, in-naħa tal-lvant, u qiegħed hemm il-bniedem li kien sawwar.” (Ġenesi 2:8) Kien f’dak il-ġnien bħal ġenna li Eva ġiet maħluqa. Kieku Adam u Eva ma dinbux, kieku huma u n-nisel perfett tagħhom setgħu jaħdmu flimkien ferħanin sakemm l-art kollha tkun saret Ġenna taʼ l-art. (Ġenesi 2:21; 3:23, 24) Il-Ġenna taʼ l-art kienet tkun id-dar taʼ l-umanità għal dejjem.
Xi Wħud Għala Jmorru fis-Sema?
‘Imma,’ għandek mnejn tgħid, ‘il-Bibbja titkellem dwar nies li jmorru fis-sema, mhux hekk?’ Iva. Wara li Adam dineb, l-iskop taʼ Jehovah kien li jistabbilixxi Saltna fis-smewwiet li fiha ftit mid-dixxendenti taʼ Adam kellhom “isaltnu fuq l-art” flimkien maʼ Ġesù Kristu. (Apokalissi 5:10; Rumani 8:17) Huma kellhom jiġu rxoxtati lejn ħajja immortali fis-sema. In-numru finali tagħhom hu 144,000, u l-ewwel ftit fosthom kienu d-dixxipli leali taʼ Ġesù taʼ l-ewwel seklu.—Luqa 12:32; 1 Korintin 15:42-44; Apokalissi 14:1-5.
Madankollu, ma kienx l-iskop oriġinali t’Alla li bnedmin ġusti jħallu l-art u jmorru fis-sema. Fil-fatt, meta Ġesù kien fuq l-art, hu stqarr: “Ħadd ma telaʼ s-sema ħlief Bin il-bniedem, li niżel mis-sema.” (Ġwanni 3:13) Permezz taʼ “Bin il-bniedem,” Ġesù Kristu, Alla pprovda fidwa li permezz tagħha l-ħajja taʼ dejjem hija possibbli għal dawk li jeżerċitaw fidi fis-sagrifiċċju taʼ Ġesù. (Rumani 5:8) Imma dawn il-miljuni taʼ bnedmin fejn se jgħixu għal dejjem?
L-Iskop Oriġinali t’Alla Se Jitwettaq
Għalkemm l-iskop t’Alla hu li jieħu lil xi wħud mill-familja umana biex jaqdu bħala ħakkiema bi sħab maʼ Ġesù Kristu fis-Saltna tas-smewwiet, dan ma jfissirx li n-nies tajbin kollha se jmorru fis-sema. Jehovah ħalaq l-art biex tkun il-Ġenna li kellha tkun id-dar tal-familja umana. Dalwaqt, Alla se jwettaq l-iskop oriġinali tiegħu.—Mattew 6:9, 10.
Taħt il-ħakma taʼ Ġesù Kristu u l-ħakkiema bi sħab miegħu, il-paċi u l-ferħ se jinfirxu maʼ l-art kollha. (Salm 37:9-11) Dawk li qegħdin fil-memorja t’Alla se jiġu rxoxtati u se jgawdu saħħa perfetta. (Atti 24:15) Permezz tal-lealtà tagħhom lejn Alla, il-bnedmin ubbidjenti se jingħataw dak li tilfu l-ewwel ġenituri tagħna—ħajja taʼ dejjem f’perfezzjoni fuq art magħmula ġenna.—Apokalissi 21:3, 4.
Alla Jehovah qatt ma jonqos li jwettaq l-iskopijiet tiegħu. Permezz tal-profeta tiegħu Isaija, hu ddikjara: “Bħalma x-xita u s-silġ jinżlu mis-smewwiet, u ma jerġgħux lura mnejn ġew bla ma jsaqqu l-art, imma jġegħluha tnissel u tnibbet, u tagħti ż-żerriegħa ’l min jiżraʼ u l-ħobż ’il min jiekol, hekk jiġri minn kelmti: hija toħroġ minn fommi, u ma terġax lura vojta, imma tagħmel dak li jogħġob lili, u ttemm dak li nkun bgħattha tagħmel.”—Isaija 55:10, 11.
Fil-ktieb Bibliku taʼ Isaija, naraw stampa taʼ kif se tkun il-ħajja fil-Ġenna taʼ l-art. Ħadd minn min jgħix fil-Ġenna taʼ l-art m’hu se jgħid, “jien marid.” (Isaija 33:24) L-annimali mhux se jkunu taʼ periklu għall-bnedmin. (Isaija 11:6-9) In-nies se jibnu djar mill-isbaħ u jgħixu fihom u se jiżirgħu l-uċuħ tar-rabaʼ u jieklu sa ma jixbgħu. (Isaija 65:21-25) Iktar minn hekk, Alla se ‘jeqred il-mewt għal dejjem, u Sidi l-Mulej se jixxotta d-dmugħ minn fuq kull wiċċ.’—Isaija 25:8.
Dalwaqt, il-bnedmin ubbidjenti se jgħixu f’dawn il-kundizzjonijiet taʼ l-għaġeb. Huma “għad ikunu meħlusa mill-jasar tat-taħsir u jiksbu l-ħelsien tal-glorja taʼ wlied Alla.” (Rumani 8:21) Kemm se jkun taʼ l-għaġeb li ngħixu għal dejjem fuq l-art magħmula Ġenna mwiegħda! (Luqa 23:43) Int tistaʼ tkun hemm jekk taġixxi issa fuq l-għarfien eżatt taʼ l-Iskrittura u teżerċita fidi f’Alla Jehovah u Ġesù Kristu. U tistaʼ tkun fiduċjuż li huwa raġunevoli li temmen f’art magħmula ġenna.
[Stampa f’paġna 5]
Adam u Eva nħolqu bl-iskop li jgħixu għal dejjem f’ġenna taʼ l-art
[Stampi f’paġna 7]
Fl-art magħmula Ġenna . . .
se jibnu djar
se jħawlu dwieli
se jiġu mberkin minn Jehovah
[Sors tal-Istampa f’paġna 4]
U.S. Fish & Wildlife Service, Washington, D.C./NASA