LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w04 1/1 pp. 8-12
  • Ħalli Kulħadd Ixandar il-Glorja taʼ Jehovah

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Ħalli Kulħadd Ixandar il-Glorja taʼ Jehovah
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2004
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • “Maʼ l-​Art Kollha”
  • Xhieda Kollhom Ħeġġa
  • Kulħadd Ħa Sehem fl-​Ippridkar
  • Dak iż-​Żmien u Issa
  • “Il-Kelma taʼ Alla Baqgħet Tikber”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2001
  • Il-Kristjani Veri Kollha Huma Evanġelizzaturi
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2002
  • Agħmel Dikjarazzjoni Pubblika għas-Salvazzjoni
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1998
  • Xhieda Kristjani Favur is-Sovranità Divina
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1995
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2004
w04 1/1 pp. 8-12

Ħalli Kulħadd Ixandar il-​Glorja taʼ Jehovah

“Agħtu lill-​Mulej [“glorja,” “Karm Żammit”] u qawwa; agħtu lill-​Mulej [“il-​glorja,” “KŻ”] taʼ ismu!”—SALM 96:7, 8.

1, 2. Minn liema sors ġej it-​tifħir lil Jehovah, u min hu mħeġġeġ li jingħaqad f’dan it-​tifħir?

DAVID, bin Ġesse, trabba bħala ragħaj qrib Betlehem. Min jaf kemm il-​darba ħares lejn l-​immensità tas-​smewwiet mimlijin kwiekeb fil-​ħemda tal-​lejl waqt li kien għassa waħdu mal-​merħliet taʼ missieru f’dawk il-​mergħat tan-​nagħaġ! Żgur li dawn ix-​xeni tant sbieħ ġew f’moħħu meta, waqt li kien imnebbaħ mill-​ispirtu qaddis t’Alla, hu kkompona u kanta l-​kliem sabiħ taʼ Salm 19: “Is-​smewwiet ixandru l-​glorja taʼ Alla, għemil idejh tħabbar il-​firxa tas-​sema. Maʼ l-​art kollha jasal leħenhom, mad-​dinja kollha jinxtered kliemhom.”—Salm 19:2, 5 (19:1, 4, NW).

2 Mingħajr diskors, mingħajr kliem, mingħajr leħen, is-​smewwiet taʼ l-​għaġeb maħluqin minn Jehovah ixandru l-​glorja tiegħu, jum wara jum, lejl wara lejl. Il-​ħolqien qatt ma jieqaf ixandar il-​glorja t’Alla, u kemm inħossuna insinifikanti meta noqogħdu nimmeditaw dwar din ix-​xiehda siekta li jistgħu jarawha l-​abitanti taʼ “l-​art kollha.” Madankollu, din ix-​xiehda siekta m’hijiex biżżejjed. Bnedmin leali huma mħeġġin biex isemmgħu leħinhom ħalli huma wkoll jagħtu xiehda. Salmista li ismu mhux magħruf indirizza lill-​aduraturi leali t’Alla b’dan il-​kliem imnebbaħ: “Agħtu lill-​Mulej [“glorja,” KŻ] u qawwa; agħtu lill-​Mulej [“il-​glorja,” KŻ] taʼ ismu!” (Salm 96:7, 8) Dawk li għandhom relazzjoni intima maʼ Jehovah jieħdu gost iwieġbu din it-​twissija. Iżda, xi rridu nagħmlu biex nagħtu glorja lil Alla?

3. Il-​bnedmin għala jagħtu glorja lil Alla?

3 Il-​kliem biss m’huwiex biżżejjed. L-​Iżraelin taʼ żmien Isaija gglorifikaw lil Alla b’xofftejhom, imma l-​biċċa kbira minnhom ma kinux sinċieri. Permezz taʼ Isaija, Jehovah qalilhom: “Dal-poplu resaq ħdejja b’fommu, u b’xufftejh biex iqimni, imma qalbhom ’il bogħod minni.” (Isaija 29:13) Kwalunkwe tifħir li lissnu nies bħal dawn ma kien ifisser xejn. Biex ikun ifisser xi ħaġa, it-​tifħir irid jiġi minn qalb mimlija mħabba għal Jehovah u minn rikonoxximent sinċier għall-​glorja unika tiegħu. Jehovah waħdu hu l-​Ħallieq. Hu Alla li Jistaʼ Kollox, l-​iktar Wieħed Ġust, il-​personifikazzjoni taʼ l-​imħabba. Hu l-​awtur tas-​salvazzjoni tagħna u s-​Sovran li bi dritt jixraqlu li dawk kollha li jgħixu fis-​sema u fuq l-​art ikunu sottomessi lejh. (Apokalissi 4:11; 19:1) Jekk tassew nemmnu dawn l-​affarijiet, ejja nigglorifikawh b’qalbna kollha.

4. Ġesù liema istruzzjonijiet tana dwar kif għandna nigglorifikaw lil Alla, u kif nistgħu nwettquhom?

4 Ġesù Kristu qalilna kif nigglorifikaw lil Alla. Hu qal: “Din hi l-​glorja taʼ Missieri, li intom tagħmlu ħafna frott u tkunu dixxipli tiegħi.” (Ġwanni 15:8) Kif nistgħu nagħmlu ħafna frott? L-​ewwel, billi nieħdu sehem b’ruħna kollha fix-​xandir taʼ l-​“Evanġelju tas-​Saltna” biex b’hekk flimkien mal-​ħlejjaq kollha nkunu qed ‘inħabbru’ dwar il-​kwalitajiet ‘li ma jidhrux’ t’Alla. (Mattew 24:14; Rumani 1:20) Iktar minn hekk, b’dan il-​mod ilkoll kemm aħna jkollna sehem—direttament jew indirettament—fix-​xogħol taʼ li nagħmlu dixxipli ġodda li jżid mal-​kant taʼ tifħir lil Alla Jehovah. It-​tieni, aħna nikkultivaw il-​frott li l-​ispirtu qaddis jipproduċi fina u nagħmlu ħilitna kollha biex nimitaw il-​kwalitajiet superlattivi t’Alla Jehovah. (Galatin 5:22, 23; Efesin 5:1; Kolossin 3:10) B’hekk, l-​imġiba tagħna kuljum tigglorifika lil Alla.

“Maʼ l-​Art Kollha”

5. Spjega kif Pawlu enfasizza r-​responsabbiltà li l-​Kristjani għandhom biex jigglorifikaw lil Alla billi jaqsmu t-​twemmin tagħhom m’oħrajn.

5 Fl-​ittra tiegħu lir-​Rumani, Pawlu enfasizza r-​responsabbiltà li l-​Kristjani għandhom biex jigglorifikaw lil Alla billi jaqsmu ttwemmin tagħhom m’oħrajn. Il-​messaġġ prinċipali tal-​ktieb taʼ Rumani hu li dawk biss li jeżerċitaw fidi f’Ġesù Kristu jistgħu jsalvaw. F’kapitlu 10 taʼ l-​ittra tiegħu, Pawlu wera li l-​Lhud naturali taʼ żmienu kienu għadhom qed jipprovaw jiksbu l-​approvazzjoni t’Alla billi jipprattikaw il-​Liġi Mosajka, mentri ‘Kristu, kien it-​tmiem tal-​Liġi.’ Għaldaqstant, Pawlu jgħid: “Jekk inti tistqarr b’fommok, ‘Ġesù hu l-​Mulej’, u temmen b’qalbek li Alla qajjmu mill-​imwiet, inti ssalva.” Minn dakinhar ’l hawn, ma kienx hemm “għażla bejn Lhudi u Grieg; hu s-​Sid taʼ kulħadd u għani maʼ dawk kollha li jsejjħulu. Għax kull min isejjaħ isem il-​Mulej isalva.”—Rumani 10:4, 9-13.

6. Pawlu kif applika Salm 19:5 (19:4, NW)?

6 Imbagħad Pawlu b’mod loġiku jistaqsi: “Kif jistgħu jsejjħu lil dak li ma jemmnux fih? Kif jistgħu jemmnu f’dak li ma semgħux bih? Kif jistgħu jisimgħu jekk ma jxandrulhomx?” (Rumani 10:14) Dwar Iżrael, Pawlu jgħid: “Mhux kulħadd qagħad għall-​kelma taʼ l-​Evanġelju.” Il-​Lhud għala m’obdewx? Huma m’obdewx għax kienu neqsin mill-​fidi, u mhux għax ma kellhomx opportunità. Pawlu juri dan billi jikkwota Salm 19:5 (19:4, NW) u japplikah għax-​xogħol Kristjan taʼ l-​ippridkar pjuttost milli għax-​xiehda siekta li jagħti l-​ħolqien. Hu jgħid: “Leħinhom xtered maʼ l-​art kollha, u l-​kelma tagħhom laħqet truf id-​dinja.” (Rumani 10:16, 18) Iva, saħansitra bħalma l-​ħolqien li ma jiħux nifs jigglorifika lil Jehovah, il-​Kristjani taʼ l-​ewwel seklu xandru l-​aħbar tajba tas-​salvazzjoni maʼ kullimkien, u b’hekk faħħru lil Alla maʼ “l-​art kollha.” Fl-​ittra tiegħu lill-​Kolossin, Pawlu ddeskriva wkoll kif l-​aħbar tajba kienet xterdet maʼ kullimkien. Hu qal li l-​aħbar tajba kienet ġiet imxandra “lill-​ħlejjaq kollha taħt is-​smewwiet.”—Kolossin 1:23.

Xhieda Kollhom Ħeġġa

7. Skond Ġesù, liema responsabbiltà għandhom il-​Kristjani?

7 X’aktarx li Pawlu kiteb l-​ittra tiegħu lill-​Kolossin madwar 27 sena wara l-​mewt taʼ Ġesù Kristu. Kif jistaʼ jkun li x-​xogħol taʼ l-​ippridkar xtered sa Kolossi fi żmien daqshekk qasir? Dan ġara għaliex il-​Kristjani taʼ l-​ewwel seklu kellhom ħeġġa kbira, u Jehovah bierek il-​ħeġġa li wrew. Ġesù kien bassar li s-​segwaċi tiegħu kellhom ikunu predikaturi attivi meta qal: “L-​ewwel jeħtieġ li l-​Evanġelju jkun imxandar lill-​ġnus kollha.” (Mark 13:10) Maʼ din il-​profezija, Ġesù żied il-​kmand li nsibu fl-​aħħar versi taʼ l-​Evanġelju taʼ Mattew: “Morru, mela, agħmlu dixxipli mill-​ġnus kollha, u għammduhom fl-​isem tal-​Missier u taʼ l-​Iben u taʼ l-​Ispirtu s-​Santu, u għallmuhom iħarsu dak kollu li ordnajtilkom.” (Mattew 28:19, 20) Ftit wara li Ġesù telaʼ s-​sema, is-​segwaċi tiegħu bdew iwettqu dan il-​kliem.

8, 9. Skond il-​ktieb taʼ l-​Atti, il-​Kristjani kif wieġbu għal dak li kkmandahom Ġesù?

8 Wara li l-​ispirtu qaddis niżel fuq id-​dixxipli f’Pentekoste tas-​sena 33 E.K., l-​ewwel ħaġa li għamlu s-​segwaċi leali taʼ Ġesù kienet li joħorġu jippridkaw u jgħidu lill-​folol f’Ġerusalemm dwar “l-​għeġubijiet taʼ Alla.” L-​ippridkar tagħhom kien tassew effettiv, u tgħammdu “madwar tlitt elef ruħ.” Id-​dixxipli komplew ifaħħru lil Alla pubblikament u bil-​ħeġġa, u dan kellu riżultati tajbin.—Atti 2:4, 11, 41, 46, 47.

9 L-​attivitajiet taʼ dawn il-​Kristjani ma damux ma ġibdu l-​attenzjoni tal-​mexxejja reliġjużi. Inkwetati minħabba l-​mod kif Pietru u Ġwanni tkellmu bla ħabi taʼ xejn, dawn il-​mexxejja reliġjużi ordnaw liż-​żewġ appostli biex jieqfu jippridkaw. L-​appostli wieġbu: “Ma nistgħux ma nitkellmux fuq dak li rajna u smajna.” Wara li heddewhom u ħelsuhom, Pietru u Ġwanni reġgħu lura għand ħuthom, u lkoll kemm huma ngħaqdu flimkien jitolbu lil Jehovah. Huma bil-​kuraġġ talbu lil Jehovah: “Agħmel li l-​qaddejja tiegħek ixandru kelmtek bil-​kuraġġ kollu.”—Atti 4:13, 20, 29.

10. Liema oppożizzjoni bdiet tidher, u l-​Kristjani veri kif aġixxew?

10 Dik it-​talba kienet fi qbil mar-​rieda taʼ Jehovah, bħalma deher ċar iktar tard. L-​appostli ġew arrestati u mbagħad meħlusin b’mod mirakoluż minn anġlu. L-​anġlu qalilhom: “Morru fit-​tempju, u xandru lill-​poplu kull ma għandu x’jaqsam maʼ din il-​ħajja.” (Atti 5:18-20) Minħabba li l-​appostli obdew, Jehovah kompla jberikhom. B’hekk, “kuljum, fit-​tempju u [“minn dar għal dar,” NW], kienu jgħallmu u jxandru bla waqfien li Ġesù hu l-​Messija.” (Atti 5:42) Jidher ċar li l-​oppożizzjoni ħarxa assolutament ma kellhiex il-​ħila twaqqaf lis-​segwaċi taʼ Ġesù milli jagħtu glorja lil Alla pubblikament.

11. X’kienet l-​attitudni tal-​Kristjani tal-​bidu lejn ix-​xogħol taʼ l-​ippridkar?

11 Ftit wara, Stiefnu ġie arrestat u mħaġġar għall-​mewt. Il-​qtil tiegħu ta bidu għall-​persekuzzjoni ħarxa f’Ġerusalemm, u d-​dixxipli kollha minbarra l-​appostli ġew sforzati jitilqu minn Ġerusalemm. Ħassewhom huma skuraġġiti minħabba l-​persekuzzjoni? Lanqas xejn. Naqraw: “Dawk li xterdu bdew ixandru l-​kelma kull fejn marru.” (Atti 8:1, 4) Il-​ħeġġa biex ixandru l-​glorja t’Alla baqgħet tidher għal darba wara l-​oħra. F’Atti kapitlu 9 naqraw li waqt li Sawl taʼ Tarsu, li kien Fariżew, kien qed jivvjaġġa lejn Damasku biex jibda jippersegwita l-​Kristjani taʼ dak il-​post, ra viżjoni taʼ Ġesù u tilef id-​dawl t’għajnejh. F’Damasku, Ananija fejjaq lil Sawl b’miraklu u dan reġaʼ kiseb id-​dawl. X’kienet l-​ewwel ħaġa li għamel Sawl, li iktar tard sar magħruf bħala l-​appostlu Pawlu? Il-​Bibbja tgħid: “Malajr beda jxandar lil Ġesù fis-​sinagogi u jgħid li dan hu l-​Iben taʼ Alla.”—Korsiv tagħna; Atti 9:20.

Kulħadd Ħa Sehem fl-​Ippridkar

12, 13. (a) Skond il-​kittieba taʼ l-​istorja, x’kien jispikka dwar il-​kongregazzjoni Kristjana tal-​bidu? (b) Il-​ktieb taʼ l-​Atti u l-​kliem taʼ Pawlu kif jaqblu maʼ l-​istqarrijiet tal-​kittieba taʼ l-​istorja?

12 Huwa fatt magħruf li fil-​kongregazzjoni Kristjana tal-​bidu kulħadd kien jieħu sehem fix-​xogħol taʼ l-​ippridkar. Philip Schaff jikteb hekk dwar il-​Kristjani taʼ dak iż-​żmien: “Kull kongregazzjoni kienet soċjetà missjunarja, u kull Kristjan kien missjunarju.” (History of the Christian Church) W. S. Williams jistqarr: “It-​testimonjanza ġenerali hi li l-​Kristjani kollha fil-​Knisja tal-​bidu, speċjalment dawk li kellhom doni kariżmatiċi [doni taʼ l-​ispirtu], ippridkaw l-​evanġelju.” (The Glorious Ministry of the Laity) Hu jsostni wkoll: “Ġesù Kristu qatt ma ried li l-​ippridkar ikun xi privileġġ limitat biss għal uħud f’ċerti pożizzjonijiet fil-​ministeru.” Anki Ċelsu, li kien wieħed mill-​għedewwa antiki tal-​Kristjanità, kiteb: “In-​nissieġa, l-​iskrapan, dawk li jiżbgħu l-​ġlud, l-​iktar bnedmin illetterati u vulgari, kienu predikaturi żelużi taʼ l-​evanġelju.”

13 L-​eżattezza taʼ dawn l-​istqarrijiet tidher fil-​ktieb storiku taʼ l-​Atti. F’Pentekoste tas-​sena 33 E.K., wara li kien niżel l-​ispirtu qaddis fuqhom, id-​dixxipli kollha, irġiel u nisa, xandru pubblikament l-​għeġubijiet t’Alla. Wara l-​persekuzzjoni li segwiet il-​qtil taʼ Stiefnu, il-​Kristjani kollha li xterdu f’pajjiżi oħra xerrdu l-​aħbar tajba maʼ kullimkien. Madwar 28 sena wara, Pawlu kien qed jikteb lill-​Kristjani Lhud kollha, u mhux sempliċement lil xi klassi żgħira tal-​kleru, meta qal: “B’Ġesù, mela, ejjew noffru f’kull ħin lil Alla sagrifiċċju taʼ tifħir, jiġifieri l-​kelma taʼ xufftejna li tistqarr ismu.” (Lhud 13:15) Pawlu ddeskriva kif kien jaħsibha dwar ix-​xogħol taʼ l-​ippridkar b’dan il-​mod: “Jekk jiena nxandar l-​Evanġelju ma għandix biex niftaħar; jien obbligat nagħmlu dan. Ħażin għalija jekk ma nxandarx l-​Evanġelju.” (1 Korintin 9:16) M’hemm ebda dubju li l-​Kristjani leali kollha taʼ l-​ewwel seklu ħassewhom hekk.

14. X’relazzjoni teżisti bejn il-​fidi u l-​ippridkar?

14 Tabilħaqq, Kristjan ġenwin irid jieħu sehem fix-​xogħol taʼ l-​ippridkar għaliex dan hu konness sew mal-​fidi. Pawlu qal: “Wieħed jemmen f’qalbu biex ikollu l-​ġustizzja u jistqarr b’xufftejh biex ikollu s-​salvazzjoni.” (Rumani 10:10) Huwa biss xi grupp żgħir fil-​kongregazzjoni—bħal xi klassi tal-​kleru—li jeżerċita fidi, u b’hekk għandu r-​responsabbiltà li jippriedka?a Dażgur li le! Il-​Kristjani veri kollha jikkultivaw fidi ħajja fil-​Mulej Ġesù Kristu u huma mqanqlin biex jagħmlu dikjarazzjoni pubblika taʼ dik il-​fidi lil oħrajn. Jekk ma jagħmlux hekk, il-​fidi tagħhom tkun mejta. (Ġakbu 2:26) Minħabba l-​fatt li l-​Kristjani leali kollha fl-​ewwel seklu taʼ l-​Era Komuni tagħna wrew il-​fidi tagħhom b’dan il-​mod, instemgħet għajta kbira taʼ tifħir għall-​isem taʼ Jehovah.

15, 16. Agħti eżempji biex turi li x-​xogħol taʼ lippridkar mexa ’l quddiem minkejja l-​problemi.

15 Fl-​ewwel seklu, Jehovah bierek lin-​nies tiegħu bi żjieda minkejja l-​problemi li kien hemm ġewwa u barra l-​kongregazzjoni. Per eżempju, f’Atti kapitlu 6 nsibu li kien hemm nuqqas taʼ ftehim bejn dawk li kkonvertew u li kienu jitkellmu bil-​Grieg u dawk li kienu jitkellmu bil-​Lhudi. Il-​problema ġiet solvuta mill-​appostli. B’hekk, naqraw: “Il-​kelma taʼ Alla kienet tixtered dejjem aktar; l-​għadd tad-​dixxipli kien jiżdied ħafna f’Ġerusalemm, u kotra kbira taʼ qassisin kienu joqogħdu għall-​fidi.”—Atti 6:7.

16 Iktar tard, żviluppaw tensjonijiet politiċi bejn is-​Sultan Erodi Agrippa tal-​Lhudija u n-​nies taʼ Tir u Sidon. L-​abitanti taʼ dawn il-​bliet faħħruh kemm felħu waqt li talbuh biex jagħmlu paċi u Erodi weġibhom billi għamel diskors fil-​pubbliku. Il-​folol miġburin bdew jgħajtu: “Dan leħen taʼ alla, mhux taʼ bniedem!” Minnufih anġlu tal-​Mulej laqat lil Erodi Agrippa, u dan waqaʼ mejjet “għax ma tax il-​glorja lil Alla.” (Atti 12:20-23) Kif baqgħu xxokkjati dawk li kienu jittamaw fil-​ħakkiema umani! (Salm 146:3, 4) Madankollu, il-​Kristjani komplew jigglorifikaw lil Jehovah. Dan wassal biex “il-​kelma taʼ Alla baqgħet tikber u toktor” minkejja instabilità politika bħal din.—Atti 12:24.

Dak iż-​Żmien u Issa

17. Fl-​ewwel seklu, iktar u iktar nies ngħaqdu biex jagħmlu liema ħaġa?

17 Iva, il-​kongregazzjoni Kristjana mad-​dinja kollha fl-​ewwel seklu kienet magħmula minn uħud żelużi u attivi li jfaħħru lil Alla Jehovah. Il-​Kristjani leali kollha kienu jieħdu sehem fix-​xandir taʼ l-​aħbar tajba. Xi wħud sabu nies li wieġbu għall-​aħbar tajba, bħalma qal Ġesù, u għallmuhom jobdu l-​affarijiet kollha li kien ikkmandahom hu. (Mattew 28:19, 20) Ir-​riżultat kien li l-​kongregazzjoni żdiedet, u iktar u iktar individwi ngħaqdu mas-​Sultan David tal-​qedem fit-​tifħir lil Jehovah. Ilkoll dwew il-​kliem imnebbaħ: “B’qalbi kollha niżżik ħajr, Mulej Alla tiegħi, u nsebbaħ [jew “nigglorifika,” NW] ismek għal dejjem. Għax kbira hi t-​tjieba tiegħek miegħi.”—Salm 86:12, 13.

18 Meta nqisu dan kollu, il-​kliem taʼ Allison A. Trites, professur tat-​teoloġija, iġagħalna naħsbu. Meta qabbel il-​Kristjaneżmu taʼ żmienna mal-​Kristjanità taʼ l-​ewwel seklu, hu qal: “Il-​knejjes illum jiżdiedu fin-​numru permezz taʼ żjieda bijoloġika (meta t-​tfal f’xi familja tal-​membri tal-​knisja lokali jagħmlu dikjarazzjoni persunali tal-​fidi) jew permezz taʼ żjieda bi trasferiment (meta xi ħadd isir membru ġdid billi jittrasferixxi s-​sħubija tiegħu minn xi knisja lokali oħra). Madankollu, fil-​ktieb taʼ l-​Atti, iż-​żjieda kienet permezz taʼ konverżjoni, għax il-​knisja kienet għadha kif bdiet ix-​xogħol tagħha.” Ifisser dan li l-​Kristjanità vera ma baqgħetx tikber bil-​mod li Ġesù kien qal li kellha tikber? Dażgur li le. Il-​Kristjani veri llum għadhom żelużi biex ixandru tifħir lil Alla daqskemm kienu l-​Kristjani taʼ l-​ewwel seklu. Dan se narawh fl-​artiklu li jmiss.

[Nota taʼ taħt]

a Il-​kelmiet “kleru” u “kjeriku” ġejjin mill-​kelma Griega kleʹros, li bażikament tfisser “taqsima” jew “wirt.” Fl-​1 Pietru 5:​2, 3, il-​kelma kleʹros tiġi applikata għall-​“merħla taʼ Alla” kollha bħala li hi l-​wirt t’Alla.

Tistaʼ Tispjega?

• Aħna b’liema modi nigglorifikaw lil Alla?

• Pawlu kif applika Salm 19:5 (19:​4, NW )?

• X’relazzjoni hemm bejn il-​fidi u l-​ippridkar?

• X’kien jispikka dwar il-​kongregazzjoni Kristjana taʼ l-​ewwel seklu?

18. (a) X’differenza hija notata bejn il-​kongregazzjoni Kristjana taʼ l-​ewwel seklu u l-​Kristjaneżmu taʼ żmienna? (b) X’se niddiskutu fl-​artiklu li jmiss?

[Stampa f’paġna 8, 9]

Is-​smewwiet il-​ħin kollu jagħtu xiehda għall-​glorja taʼ Jehovah

[Sors]

Bil-​korteżija taʼ l-​Osservatorju Anglo-Awstraljan, ritratt minn David Malin

[Stampi f’paġna 10]

Ix-​xogħol taʼ l-​ippridkar u t-​talb huma konnessi mill-​qrib flimkien

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja