Abraham u Sara—Int Tistaʼ Timita l-Fidi Tagħhom!
HU MSEJJAĦ “il-missier taʼ dawk kollha li jkollhom il-fidi.” (Rumani 4:11, NW) Il-maħbuba martu wkoll kellha din il-kwalità. (Lhud 11:11) Dawn kienu l-patrijarka Abraham u martu Sara, li t-tnejn kellhom il-biżaʼ t’Alla. Għala kienu daqstant eżempji eċċellenti taʼ fidi? X’kienu xi ftit mill-provi li ssaportew? U x’valur għandha għalina l-istorja tagħhom?
Abraham wera l-fidi meta Alla kkmandah biex jitlaq minn daru. Jehovah qallu: “Qum u itlaq minn artek, minn art twelidek, u minn dar missierek, lejn l-art li jien nurik.” (Ġenesi 12:1) Dan il-patrijarka li kien juri fidi obda, għax jintqalilna: “Kienet il-fidi li ġagħlet lil Abraham jobdi s-sejħa taʼ Alla, meta dan qallu biex imur f’art li kien se jagħtih b’wirt; u telaq, bla ma kien jaf fejn kien sejjer.” (Lhud 11:8) Ikkunsidra x’kien jinvolvi dan il-pass.
Abraham kien jgħix f’Ur, li llum jiġi fin-nofsinhar taʼ l-Iraq. Ur kien ċentru prosperu fil-Mesopotamja u kien jinnegozja maʼ pajjiżi tal-Golf Persjan u x’aktarx anki maʼ xi pajjiżi tal-Wied Indu. Sir Leonard Woolley, li mexxa l-iskavar t’Ur b’mod sistematiku, jindika li fi żmien Abraham il-biċċa l-kbira mid-djar kienu jinbnew bil-briks li kien magħmul mit-tafal, u l-ħitan tagħhom kienu jiġu mkaħħlin u mbajdin. Per eżempju, id-dar taʼ ċittadin prosperu kienet b’żewġ sulari u kellha bitħa fin-nofs biċ-ċangatura. Fis-sular t’isfel kienu joqogħdu s-sefturi u l-mistidnin. Mad-dawra kollha tal-ħajt taʼ l-ewwel sular kien hemm gallerija taʼ l-injam li minnha kienu jidħlu fil-kmamar riservati għall-użu tal-familja. Dawn id-djar, li kien ikollhom minn 10 sa 20 kamra, “meta tipparagunahom kienu spazjużi u fihom setgħu jgħixu ħajja kif jixraq, komda u lussuża, skond il-livelli tal-Lvant,” jgħid Woolley. Kienu, “b’mod li jispikka, id-djar taʼ poplu ċivilizzat u kienu jipprovdu l-bżonnijiet taʼ ħajja li kienet ferm żviluppata ġewwa l-belt.” Jekk Abraham u Sara telqu dar bħal din bil-prospett li jgħixu fit-tined, għamlu sagrifiċċji kbar biex jobdu lil Jehovah.
Abraham l-ewwel mar mal-familja tiegħu Ħaran, belt fit-tramuntana tal-Mesapotamja, u mbagħad baqaʼ sejjer lejn Kangħan. Din kienet distanza taʼ madwar 1,600 kilometru—distanza ġmielha għal koppja anzjana! Meta telaq minn Ħaran, Abraham kellu 75 sena u Sara kellha 65.—Ġenesi 12:4.
Min jaf kif ħassitha Sara meta Abraham urieha li kienu se jitilqu minn Ur? Forsi tħassbet xi ftit dwar l-idea li titlaq is-sigurtà taʼ dar komda u tmur toqgħod f’xi pajjiż mhux magħruf u forsi anki ostili, waqt li taċċetta livell taʼ ħajja li kien iktar baxx milli kellha. Minkejja dan, Sara kienet sottomessa, u lil Abraham kienet tħares lejh bħala ‘sidha.’ (1 Pietru 3:5, 6) Xi studjużi dan iqisuh bħala turija taʼ “l-attitudni u l-imġiba taʼ rispett li kienet imdorrija turih,” evidenza taʼ “drawwiet ġenwini taʼ kif kienet taħseb u tħoss.” Imma fuq kollox, Sara kienet tafda f’Jehovah. Is-sottomissjoni u l-fidi tagħha jservu t’eżempju għan-nisa Kristjani miżżewġin.
Veru, ma niġux mitluba nitilqu djarna biex nobdu lil Alla, għalkemm xi evanġelizzaturi full-time telqu pajjiżhom biex jippridkaw l-aħbar tajba f’pajjiż ieħor. Ikun fejn ikun li naqduh, Alla jieħu ħsieb il-bżonnijiet tagħna meta npoġġu l-interessi spiritwali l-ewwel f’ħajjitna.—Mattew 6:25-33.
La Sara u lanqas Abraham ma ddispjaċiehom mid-deċiżjoni li ħadu. “Li kieku kellhom fi ħsiebhom il-pajjiż li minnu kienu ħarġu, kellhom żmien biżżejjed biex jerġgħu lura fih,” jgħid l-appostlu Pawlu. Imma ma reġgħux lura. Fiduċjużi li Jehovah “jagħti l-ħlas xieraq lil dawk li jfittxuh” bil-ħerqa, huma eżerċitaw il-fidi fil-wegħdi tiegħu. L-istess għandna nagħmlu aħna jekk irridu nibqgħu nagħtu devozzjoni b’ruħna kollha lil Jehovah.—Lhud 11:6, 15, 16.
Rikkezzi Spiritwali u Materjali
Wara li Abraham wasal Kangħan, Alla qallu: “Lil nislek għad nagħti din l-art.” Abraham irreaġixxa billi bena artal lil Jehovah u “sejjaħ isem il-Mulej.” (Ġenesi 12:7, 8) Jehovah għamlu sinjur lil Abraham, u n-nies fit-tined tiegħu kienu numerużi. Peress li darba minnhom ġabar 318-il raġel imħarreġ, ilsiera mweldin f’daru, ġie suġġerit li “l-għadd kollu taʼ nies fit-tined tiegħu kien jilħaq ħafna iktar minn elf ruħ.” Għal xi raġuni, in-nies kienu jqisuh bħala “prinċep minn Alla.”—Ġenesi 13:2; 14:14; 23:6.
Abraham ħa l-inizjattiva fil-qima billi għallem lin-nies taʼ daru biex “iżommu fit-triq tal-Mulej u jagħmlu l-ħaqq u s-sewwa.” (Ġenesi 18:19) Kapijiet Kristjani taʼ familji llum jistgħu jieħdu inkuraġġiment mill-eżempju t’Abraham bħala bniedem li rnexxielu jgħallem lill-membri tal-familja tiegħu biex jistrieħu fuq Jehovah u jagħmlu dak li hu sewwa. Għalhekk, ma nistagħġbux li kemm Ħagar, il-qaddejja Eġizzjana taʼ Sara, kemm l-ixjeħ qaddej tal-patrijarka Abraham, kif ukoll ibnu Iżakk, ilkoll straħu fuq Alla Jehovah.—Ġenesi 16:5, 13; 24:10-14; 25:21.
Abraham Fittex li Jġib il-Paċi
Ġrajjiet fil-ħajja t’Abraham juru li Abraham kellu personalità li tixbah lil t’Alla. Minflok ma ħalla t-tilwim bejn ir-rgħajja tiegħu u taʼ neputih Lot ikompli, Abraham issuġġerixxa li jisseparaw it-tined tagħhom u stieden lil Lot, li kien iżgħar fl-età, biex jagħżel l-art li kien jippreferi. Abraham kien iħobb iġib il-paċi.—Ġenesi 13:5-13.
Jekk jiġri li jkollna nagħżlu bejn li nfittxu d-drittijiet tagħna jew li nċedu biex inżommu l-paċi, nistgħu ninnotaw li Jehovah ma ħalliex lil Abraham imur minn taħt talli wera konsiderazzjoni lejn Lot. Għall-kuntrarju, wara dan, Alla wiegħed lil Abraham u lil nislu l-art kollha li Abraham setaʼ jara b’kemm tatu l-vista t’għajnejh f’kull direzzjoni. (Ġenesi 13:14-17) “Henjin dawk li jġibu l-paċi,” qal Ġesù, “għax huma jissejjħu wlied Alla.”—Mattew 5:9.
Min Kellu Jkun l-Eredi t’Abraham?
Minkejja l-wegħdi dwar nisel, Sara baqgħet bla tfal. Abraham talab lil Alla dwar dan. Kien Eligħeżer, il-qaddej tiegħu, dak li kien se jiret kulma kellu? Le, għax Jehovah qallu: “Ma jirtekx dan, imma wieħed ħiereġ mill-ġewwieni tiegħek, hu għad jirtek.”—Ġenesi 15:1-4.
Xorta waħda t-tarbija baqgħet ma ġietx, u Sara, li issa kellha 75 sena, qatgħet qalbha li jkollha t-tfal. Għaldaqstant, qalet lil Abraham: “Il-Mulej ma tanix li niled. Ersaq lejn il-qaddejja tiegħi, forsi jkolli tfal minnha.” Imbagħad, Abraham ħa lil Ħagar bħala t-tieni mara tiegħu, kellu x’jaqsam magħha, u din ħarġet tqila. Hekk kif irrealizzat li kienet tqila, Ħagar bdiet tiddisprezza lil sidtha. Sara lmentat bl-aħrax m’Abraham u umiljat lil Ħagar, u minħabba f’hekk il-qaddejja ħarbet.—Ġenesi 16:1-6.
Abraham u Sara aġixxew kif dehrilhom li kien tajjeb, billi ħadu pass li kien drawwa aċċettata fi żmienhom. Madankollu, ma kienx il-mod kif Jehovah ried jipproduċi nisel lil Abraham. Forsi fil-kultura tagħna ċerti azzjonijiet jistgħu jidhru xierqa f’ċirkustanzi differenti, imma b’daqshekk ma jfissirx li Jehovah japprovahom. Il-mod kif iħares hu lejn iċ-ċirkustanzi tagħna jistaʼ jkun totalment differenti. Għalhekk, jeħtieġ li nfittxu d-direzzjoni t’Alla u nitolbuh jurina kif iridna naġixxu.—Salm 25:4, 5; 143:8, 10.
M’Hemm Xejn ‘Iebes Iżżejjed’ għal Jehovah
Meta wasal il-waqt, Ħagar tat lil Abraham iben jismu Ismagħel. Iżda dan ma kienx in-Nisel imwiegħed. Kienet Sara stess li kellha tiled dan l-eredi, minkejja l-età avanzata tagħha.—Ġenesi 17:15, 16.
Meta Alla wera eżattament li Sara kellha tagħti iben lil żewġha, “inxteħet għal wiċċu fl-art Abraham u daħak, u qal f’qalbu: ‘Huwa wieħed taʼ mitt sena jitweldulu t-tfal? U Sara mara taʼ disgħin sena tistaʼ tiled?’” (Ġenesi 17:17) Meta anġlu rripeta l-messaġġ fejn setgħet tisimgħu Sara, hi “daħket f’qalbha.” Imma m’hemm xejn ‘iebes iżżejjed għall-Mulej.’ Nistgħu nkunu fiduċjużi li hu jistaʼ jagħmel kulma jrid.—Ġenesi 18:12-14.
“Kienet ukoll il-fidi li biha Sara, mara mdaħħla fiż-żmien, setgħet titqal, għax hija għarfet li taʼ kelmtu kien dak li għamlilha l-wegħda.” (Lhud 11:11) Meta wasal iż-żmien, Sara wildet lil Iżakk, li ismu jfisser “Daħq.”
Fiduċja Sħiħa fil-Wegħdi taʼ Jehovah
Jehovah identifika lil Iżakk bħala l-eredi tant mistenni. (Ġenesi 21:12) Għalhekk, żgur li kien xokk kbir għal Abraham meta Alla qallu biex jissagrifika lil ibnu. Iżda Abraham kellu raġunijiet sodi biex jafda f’Alla bis-sħiħ. Ma kellux Jehovah is-setgħa li jqajjem lil Iżakk mill-mewt? (Lhud 11:17-19) Ma weriex Alla l-qawwa tiegħu billi b’mod mirakoluż ta l-ħajja mill-ġdid lill-qawwiet riproduttivi t’Abraham u Sara, sabiex jikkaġuna t-twelid taʼ Iżakk? Konvint mill-abbiltà t’Alla li jwettaq il-wegħdi Tiegħu, Abraham kien lest li jobdi. Veru, ġie miżmum milli attwalment joqtol lil ibnu. (Ġenesi 22:1-14) Madankollu, is-sehem li kellu Abraham f’dan ir-rigward jgħinna naraw kemm żgur li kien diffiċli għal Alla Jehovah li ‘jagħti lil Ibnu l-waħdieni, biex kull min jemmen fih ma jintilifx, iżda jkollu l-ħajja taʼ dejjem.’—Ġwanni 3:16; Mattew 20:28.
Peress li kellu fidi f’Alla, Abraham fehem ċar li l-eredi tal-wegħdi taʼ Jehovah ma setax jiżżewweġ mara li kienet tadura l-allat foloz fl-art taʼ Kangħan. Kif setaʼ ġenitur li kellu l-biżaʼ t’Alla japprova li ibnu jiżżewweġ lil xi ħadd li ma jaqdix lil Jehovah? Għalhekk, Abraham fittex mara addattata għal Iżakk minn fost qrabatu fil-Mesopotamja, iktar minn 800 kilometru ’l bogħod. Alla bierek dak l-isforz u wera li Rebekka kienet il-mara li kien għażel biex issir l-għarusa taʼ Iżakk u l-antenata tal-Messija. Iva, Jehovah “kien bierku f’kollox” lil Abraham.—Ġenesi 24:1-67; Mattew 1:1, 2.
Barkiet għall-Ġnus Kollha
Abraham u Sara kienu eżemplari għax issaportew il-provi u eżerċitaw il-fidi fil-wegħdi t’Alla. It-twettiq taʼ dawn il-wegħdi hu marbut mal-prospetti eterni talbnedmin, għax Jehovah assigura lil Abraham: “Jitbierku b’nislek il-ġnus kollha taʼ l-art talli smajt minn kelmti.”—Ġenesi 22:18.
M’għandniex xi ngħidu, Abraham u Sara kienu imperfetti bħalna. Madankollu, meta fehmu ċar x’kienet ir-rieda t’Alla għalihom, huma kienu pronti u obdewh—kien x’kien l-isforz li kellhom jagħmlu. B’hekk, Abraham hu mfakkar bħala “ħabib taʼ Alla” u Sara bħala ‘mara qaddisa li kienet tittama f’Alla.’ (Ġakbu 2:23; 1 Pietru 3:5) Jekk nistinkaw biex nimitaw il-fidi t’Abraham u Sara, aħna wkoll nistgħu ngawdu intimità prezzjuża m’Alla. Nistgħu nibbenefikaw ukoll mill-wegħdi prezzjużi li Jehovah għamel lil Abraham.—Ġenesi 17:7.
[Stampa f’paġna 26]
Minħabba l-fidi tagħhom, Jehovah bierek lil Abraham u ’l Sara b’iben fi xjuħithom
[Stampa f’paġna 28]
L-eżempju t’Abraham jgħinna naraw x’kien ifisser għal Jehovah li jħalli lil Ibnu l-waħdieni jmut