LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w04 8/1 p. 24-p. 27 para. 8
  • Punti Prinċipali mill-Ktieb tan-Numri

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Punti Prinċipali mill-Ktieb tan-Numri
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2004
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • ĦDEJN IL-​MUNTANJA SINAJ
  • (Numri 1:1–10:10)
  • MINN POST GĦAL IEĦOR FIX-​XAGĦRI
  • (Numri 10:11–21:35)
  • FIL-​WITA TAʼ MOWAB
  • (Numri 22:1–36:13)
  • Il-​Kelma t’Alla Hi Qawwija
  • Punti min-Numri
    Traduzzjoni tad-Dinja l-Ġdida taʼ l-Iskrittura Mqaddsa
  • Mosè Jħabbat fuq il-Blata
    Il-Ktieb Tiegħi taʼ Stejjer mill-Bibbja
  • Issottometti Ruħek Lealment għall-Awtorità Divina
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2002
  • Il-Ġwejdin Huma Prezzjużi Għal Ġeħova
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2009
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2004
w04 8/1 p. 24-p. 27 para. 8

Il-​Kelma taʼ Jehovah Hi Ħajja

Punti Prinċipali mill-​Ktieb tan-​Numri

WARA l-​Eżodu taʼ l-​Iżraelin mill-​Eġittu, huma ġew organizzati f’ġens. Ftit wara dan, setgħu jidħlu fl-​Art Imwiegħda, imma dan ma seħħx. Minflok, huma kellhom jiġġerrew għal xi erbgħin sena f’“deżert kbir u jwaħħax.” (Dewteronomju 8:15) Għala? Ir-​rakkont storiku fil-​ktieb Bibliku tan-​Numri jgħidilna x’ġara. Għandu jurina kemm hu importanti li nobdu lil Alla Jehovah u nirrispettaw lir-​rappreżentanti tiegħu.

Il-ktieb tan-​Numri nkiteb minn Mosè fix-​xagħri u fil-​Wita taʼ Mowab, u dan ikopri perijodu taʼ 38 sena u 9 xhur—mill-​1512 Q.E.K. sa l-​1473 Q.E.K. (Numri 1:1; Dewteronomju 1:3) Dan l-​isem ittieħed miż-​żewġ ċensimenti taʼ l-​Iżraelin, li bejniethom kien hemm xi 38 sena. (Kapitli 1-4, 26) Dan ir-​rakkont hu maqsum fi tliet sezzjonijiet. L-​ewwel parti titkellem dwar ġrajjiet li seħħew ħdejn il-​Muntanja Sinaj. It-​tieni tkopri dak li seħħ waqt li l-​Iżraelin kienu qed jiġġerrew fix-​xagħri. U l-​aħħar sezzjoni tikkunsidra l-​ġrajjiet li seħħew fil-​Wita taʼ Mowab. Hekk kif taqra dan ir-​rakkont, għandek mnejn tkun trid tistaqsi lilek innifsek: ‘X’jgħallmuni dawn il-​ġrajjiet? Hemm prinċipji f’dan il-​ktieb li jistgħu jkunu taʼ ġid għalija llum?’

ĦDEJN IL-​MUNTANJA SINAJ

(Numri 1:1–10:10)

L-​ewwel wieħed miż-​żewġ ċensimenti seħħ meta l-​Iżraelin kienu għadhom fejn il-​Muntanja Sinaj. Kien hemm 603,550 raġel li kellhom 20 sena jew iktar, minbarra l-​Leviti. Iċ-​ċensiment ovvjament sar għal skopijiet militari. Il-​kamp kollu, inkluż in-​nisa, it-​tfal, u l-​Leviti, setaʼ kien jgħodd iktar minn tliet miljun ruħ.

Wara ċ-​ċensiment, l-​Iżraelin irċivew istruzzjonijiet dwar l-​arranġamenti taʼ kif kellhom jimxu, id-​dmirijiet tal-​Leviti u s-​servizz tat-​tabernaklu, l-​ordnijiet tal-​kwarantina, u l-​liġijiet dwar każi fejn tidħol l-​għira u l-​wegħdi tan-​Nażrin. Kapitlu 7 fih informazzjoni dwar l-​offerti li kienu jsiru mill-​kapijiet tat-​tribujiet f’konnessjoni maʼ l-​inawgurazzjoni taʼ l-​artal, u kapitlu 9 jiddiskuti l-​osservanza tal-​Qbiż. Il-​ġemgħa ngħatat ukoll istruzzjonijiet dwar kif tibni u żżarma l-​kamp.

Mistoqsijiet Skritturali Mweġbin:

2:1, 2—X’kienet “l-​arma,” jew l-​istendard, li kull diviżjoni taʼ tliet tribujiet kellha twaqqaf il-​kamp madwarha fix-​xagħri? Il-​Bibbja ma tagħtix deskrizzjoni taʼ x’kienu dawn l-​armi. Madankollu, ma kinux iħarsu lejhom bħala xbihat sagri jew jagħtuhom tifsira reliġjuża. L-​armi kienu jintużaw għal skopijiet prattiċi—biex jgħinu lill-​individwu jsib il-​post xieraq tiegħu fil-​kamp.

5:27—Xi jfisser li ‘jaqgħu koxxtejn’ il-​mara miżżewġa li tkun ħatja t’adulterju? It-​terminu “koxxtejn” hawnhekk jintuża biex jirreferi għall-​organi prokreattivi. (Ġenesi 46:26, Karm Żammit) Il-​fatt li “jaqgħu” jissuġġerixxi t-​taħsir taʼ dawn l-​organi, sabiex il-​konċepiment ikun impossibbli.

Lezzjonijiet Għalina:

6:1-7. In-​Nażrin ma setgħux jieħdu mill-​prodotti magħmulin mill-​għeneb u mix-​xorb kollu li jsakkar, u għalhekk kellhom bżonn iċaħħdu lilhom infushom. Huma kellhom iħallu xagħarhom jitwal—sinjal taʼ sottomissjoni lejn Jehovah, l-​istess bħalma n-​nisa kellhom ikunu sottomessi lejn żwieġhom u missirijiethom. In-​Nażrin kellhom jibqgħu nodfa billi joqogħdu ’l bogħod minn kull ġisem mejjet, anki dak taʼ qarib maħbub. Il-​qaddejja full-time llum juru spirtu taʼ sagrifiċċju persunali fejn hi involuta ċ-​ċaħda u s-​sottomissjoni lejn Jehovah u l-​arranġament tiegħu. Xi inkarigi jistgħu jinvolvu li dawn imorru lejn xi pajjiż imbiegħed, u b’hekk jistaʼ jkun diffiċli jew impossibbli għal dawn l-​individwi biex imorru lura d-​dar għall-​funeral taʼ xi membru maħbub tal-​familja.

8:25, 26. Sabiex is-​servizz taʼ Levita setaʼ jsir sew, u bħala konsiderazzjoni għall-​età tagħhom, l-​irġiel ixjeħ ġew ordnati jirtiraw mis-​servizz obbligatorju. Madankollu, setgħu joffru ruħhom biex jgħinu Leviti oħra. Għalkemm il-​proklamaturi tas-​Saltna llum ma jirtirawx, il-​prinċipju taʼ din il-​liġi jgħallimna lezzjoni importanti. Jekk minħabba l-​età avanzata, Kristjan ma jkunx jistaʼ jwettaq ċerti obbligi, hu jistaʼ jieħu sehem f’xi forma taʼ servizz li jiflaħ iwettaq bis-​saħħa li għandu.

MINN POST GĦAL IEĦOR FIX-​XAGĦRI

(Numri 10:11–21:35)

Malli titlaʼ s-​sħaba fuq it-​tabernaklu, l-​Iżraelin jibdew mixja li għandha twassalhom fix-​xagħri tad-​deżert taʼ Mowab fi żmien 38 sena u xi xahar jew xahrejn. Tistaʼ tibbenefika jekk issegwi r-​rotta tagħhom fuq il-​mappa f’paġna 9 tal-​browxer “See the Good Land” (“Ara l-​Art Tajba”), pubblikat mix-​Xhieda taʼ Jehovah.

Fi triqithom lejn Kades, fix-​Xagħri taʼ Faran, l-​Iżraelin jilmentaw mill-​inqas fi tliet okkażjonijiet. L-​ewwel każ jintemm meta Jehovah jibgħat in-​nar biex jeqred lil xi wħud minnhom. Imbagħad, l-​Iżraelin jibdew jokorbu għal-​laħam, u Jehovah jibgħat is-​summien. L-​ilment taʼ Mirjam u Aron kontra Mosè jwassal biex, għal xi żmien, Mirjam tintlaqat bil-​ġdiem.

Waqt li jinsabu kkampjati f’Kades, Mosè jibgħat 12-il raġel biex jagħmluha taʼ spiji fl-​Art Imwiegħda. Huma jiġu lura wara 40 jum. Peress li jemmnu r-​rapport ħażin t’għaxra mill-​ispiji, in-​nies ikunu jridu jħaġġru lil Mosè, Aron, u lill-​ispiji leali Ġożwè u Kaleb. Jehovah ikun irid jidrobhom bil-​pesta, imma Mosè jaqbeż għalihom, u Alla jiddikjara li huma se jkollhom jiġġerrew fid-​deżert għal 40 sena—sakemm dawk imniżżla fiċ-​ċensiment ikunu mietu.

Jehovah jagħmel iktar regoli. Koraħ u oħrajn jirribellaw kontra Mosè u Aron, imma r-​ribelli jinqerdu bin-​nar jew jinbelgħu mill-​art. L-​għada, il-​ġemgħa kollha tilmenta kontra Mosè u Aron. Bħala riżultat, 14,700 ruħ imutu minħabba li Jehovah jidrobhom. Biex juri lil min għażel bħala l-​qassis il-​kbir, Alla jġiegħel li l-​ħatar taʼ Aron joħroġ ir-​rimi. Imbagħad, Jehovah jagħmel iktar liġijiet dwar l-​obbligi tal-​Leviti u l-​indafa tal-​poplu. L-​użu taʼ l-​irmied tal-​baqar jissimbolizza bil-​quddiem it-​tindif permezz tas-​sagrifiċċju taʼ Ġesù.—Lhud 9:13, 14.

Ulied Iżrael jirritornaw lejn Kades, fejn tmut Mirjam. Il-​ġemgħa terġaʼ tilmenta kontra Mosè u Aron. Ir-​raġuni? Nuqqas taʼ ilma. Minħabba li Mosè u Aron ma jqaddsux isem Jehovah meta b’miraklu jipprovdilhom l-​ilma, huma jitilfu l-​opportunità li jidħlu fl-​Art Imwiegħda. Iżrael jitlaq minn Kades, u Aron imut fuq il-​Muntanja Ħor. Waqt li qed iduru maʼ Edom, l-​Iżraelin jgħejjew u jibdew jitkellmu kontra Alla u Mosè. Jehovah jibgħat sriep velenużi biex jikkastigahom. Mosè jerġaʼ jaqbeż għalihom, u Alla jgħidlu biex jagħmel serp tal-​bronż u jqiegħdu m’arblu ħalli dawk li jingidmu jfiqu billi jħarsu lejh. Is-​serp jiffigura bil-​quddiem il-​fatt li Ġesù Kristu kellu jissammar maʼ zokk għall-​benefiċċju dejjiemi tagħna. (Ġwanni 3:14, 15) Iżrael jegħleb lis-​Slaten Amurrin, Siħon u Og, u jieħu taħt idejh l-​artijiet tagħhom.

Mistoqsijiet Skritturali Mwieġba:

12:1—Mirjam u Aron għala lmentaw kontra Mosè? Ir-​raġuni proprja għall-​ilment tagħhom milli jidher kienet ix-​xewqa taʼ Mirjam biex ikollha iktar setgħa. Meta mart Mosè, Siffora, reġgħet ngħaqdet miegħu fix-​xagħri, jistaʼ jkun li Mirjam beżgħet li ma kinitx se tibqaʼ tidher bħala l-​iktar mara prominenti fil-​kamp.—Eżodu 18:1-5.

12:9-11—Għala Mirjam biss intlaqtet bil-​ġdiem? Wisq probabbli, kienet hi li qalgħet l-​ilment u pperswadiet lil Aron biex jingħaqad magħha. Aron wera attitudni xierqa billi ammetta d-​dnub tiegħu.

21:14, 15—Liema ktieb issemma hawnhekk? L-​Iskrittura tirreferi għal diversi kotba li l-​kittieba Bibliċi kienu jużaw bħala sors taʼ referenza. (Ġożwè 10:12, 13; 1 Slaten 11:41; 14:19, 29) “Ktieb il-​Gwerer tal-​Mulej” kien wieħed minn dawn il-​kitbiet. Kien fih rakkont storiku tal-​gwerer tal-​poplu taʼ Jehovah.

Lezzjonijiet Għalina:

11:27-29. Mosè jipprovdi eżempju eċċellenti dwar kif għandna nirreaġixxu meta l-​oħrajn jirċievu l-​privileġġi fis-​servizz taʼ Jehovah. Minflok ma qagħad jgħir u jfittex il-​glorja għalih innifsu, Mosè kien kuntent li Eldad u Medad bdew jipprofetizzaw.

12:2, 9, 10; 16:1-3, 12-14, 31-35; 17:6, 11-15 (16:41, 46-50, NW). Jehovah jistenna li l-​aduraturi tiegħu juru rispett lejn l-​awtorità mogħtija minnu.

14:24. Mod fundamentali kif individwu jistaʼ jirreżisti l-​pressjonijiet tad-​dinja biex ma jagħmilx il-​ħażen hu li jiżviluppa “spirtu ieħor,” jew attitudni mentali differenti. Irid ikollu spirtu differenti minn dak tad-​dinja.

15:37-41. Il-​ġmiemen, jew il-​freneż, uniċi taʼ l-​ilbies taʼ l-​Iżraelin kienu jsiru bl-​iskop li jfakkruhom li huma kienu poplu mwarrab għall-​qima t’Alla u li kellu jobdi l-​kmandamenti tiegħu. M’għandniex aħna wkoll ngħixu skond il-​livelli t’Alla u nispikkaw bħala li aħna differenti mid-​dinja?

FIL-​WITA TAʼ MOWAB

(Numri 22:1–36:13)

Hekk kif ulied Iżrael jikkampjaw fil-​wita taʼ Mowab, il-​Mowabin jitwerwru minnhom. Għalhekk, is-​Sultan Balak taʼ Mowab iqabbad lil Balgħam biex jisħet lill-​Iżraelin. Imma Jehovah iġiegħel lil Balgħam iberikhom. Imbagħad, in-​nisa Mowabin u Midjanin jintużaw biex iħajru lill-​Iżraelin għall-​immoralità u l-​idolatrija. Minħabba f’hekk, Jehovah jeqred 24,000 midneb. Il-​flaġell fl-​aħħar jispiċċa meta Fineħas juri li hu ma jittollera ebda rivalità lejn Jehovah.

It-tieni ċensiment juri li ħadd minn dawk imniżżlin fl-​ewwel wieħed m’għadu ħaj, ħlief Ġożwè u Kaleb. Ġożwè jiġi inkarigat biex jieħu post Mosè. L-​Iżraelin jingħataw istruzzjonijiet dwar kif isiru diversi offerti u dwar kif jintgħamlu l-​wegħdi. Ukoll, il-​poplu taʼ Iżrael jieħu l-​vendetta tiegħu fuq il-​Midjanin. Ruben, Gad, u nofs it-​tribù taʼ Manasse jistabbilixxu ruħhom fil-​lvant tax-​Xmara Ġordan. Iżrael jingħata istruzzjonijiet dwar kif għandu jaqsam il-​Ġordan u jikkonkwista l-​art. Jiġu spjegati l-​limiti taʼ l-​artijiet. Il-​wirt kellu jitqassam bix-​xorti. Il-​Leviti jiġu inkarigati jieħdu ħsieb 48 belt, li 6 minnhom huma bliet tal-​kenn.

Mistoqsijiet Skritturali Mwieġba:

22:20-22—Jehovah għala inkorla bil-​kbir kontra Balgħam? Jehovah kien qal lill-​profeta Balgħam li m’għandux jisħet lill-​Iżraelin. (Numri 22:12) Madankollu, il-​profeta mar maʼ l-​irġiel taʼ Balak bl-​intenzjoni li jisħet lil Iżrael. Balgħam ried jogħġob lis-​sultan taʼ Mowab u jirċievi l-​premju mingħandu. (2 Pietru 2: 15, 16; Ġuda 11) Anki meta Balgħam ġie sforzat ibierek minflok ma jisħet lil Iżrael, hu fittex il-​favur tas-​sultan billi ssuġġerixxa li jintużaw nisa li jqimu lil Bagħal sabiex jisseduċu lill-​irġiel Iżraelin. (Numri 31:15,16) Għalhekk, ir-​raġuni għala Alla inkorla għal Balgħam kienet minħabba r-​regħba diżonesta tal-​profeta.

30:7-9 (30:6-8, NW)—Jistaʼ raġel Kristjan iħassar il-​wegħdi taʼ martu? Dwar il-​wegħdi, Jehovah illum jittratta lill-​aduraturi tiegħu b’mod individwali. Per eżempju, id-​dedikazzjoni lil Jehovah hi wegħda persunali. (Galatin 6:5) Raġel miżżewweġ m’għandux l-​awtorità li jwarrab jew iħassar wegħda bħal din. Madankollu, martu għandha tevita li tagħmel wegħdi li jmorru kontra l-​Kelma t’Alla jew id-​dmirijiet tagħha lejn żewġha.

Lezzjonijiet Għalina:

25:11. X’eżempju taʼ żelu għall-​qima taʼ Jehovah ħallielna Fineħas! M’għandhiex ix-​xewqa li nżommu l-​kongregazzjoni nadifa tqanqalna nirrapportaw lill-​anzjani Kristjani kwalunkwe immoralità skandaluża li nkunu nafu biha?

35:9-29. Il-​fatt li min joqtol lil ħaddieħor bi żball kellu jitlaq minn pajjiżu u jaħrab f’belt tal-​kenn għal xi żmien jgħallimna li l-​ħajja hi qaddisa u rridu nirrispettawha.

35:33. L-​art imniġġsa bid-​demm imxerred taʼ l-​innoċenti tistaʼ titħallas biss bid-​demm taʼ dawk li jkunu xerrduh. Kemm hu xieraq li Jehovah se jeqred lill-​ħżiena qabel ma l-​art tiġi trasformata f’ġenna!—Proverbji 2:21, 22; Danjel 2:44.

Il-​Kelma t’Alla Hi Qawwija

Irridu nuru rispett lejn Jehovah u lejn dawk li huma maħturin f’pożizzjonijiet taʼ responsabbiltà fost il-​poplu tiegħu. Il-​ktieb tan-​Numri verament jenfasizza kemm hi minnha din il-​verità. X’lezzjoni importanti sabiex tinżamm il-​paċi u l-​għaqda fil-​kongregazzjoni llum!

L-affarijiet li seħħew u li huma mniżżlin fil-​ktieb tan-​Numri juru kemm hu faċli għal dawk li jittraskuraw l-​ispiritwalità tagħhom li jaqgħu f’ħażen bħalma hu l-​garr, l-​immoralità, u l-​idolatrija. Xi wħud mill-​eżempji u l-​lezzjonijiet minn dan il-​ktieb Bibliku jistgħu jservu bħala bażi għall-​bżonnijiet lokali fil-​Laqgħa tas-​Servizz tal-​kongregazzjonijiet tax-​Xhieda taʼ Jehovah. Tabilħaqq, “il-​kelma taʼ Alla hi ħajja u qawwija” f’ħajjitna.—Lhud 4:12.

[Stampa f’paġna 25]

Permezz taʼ sħaba mirakoluża fuq it-​tabernaklu, Jehovah mexxa lill-​Iżraelin billi wriehom fejn kellhom jikkampjaw u meta kellhom jitilqu

[Stampi f’paġna 26]

Jehovah jixraqlu l-​ubbidjenza tagħna u jistenna li nirrispettaw lir-​rappreżentanti tiegħu

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja