“Itolbu Hekk”
TAF x’tgħid it-Talba tal-Missierna? Hija t-talba mudell li għallem Ġesù Kristu. Fil-Priedka magħrufa tiegħu taʼ fuq il-Muntanja, Ġesù qal: “Mela itolbu hekk.” (Mattew 6:9) Peress li qalha Ġesù, spiss tissejjaħ it-Talba tal-Mulej, u hi magħrufa wkoll bħala l-Missierna.—Bil-Latin, Paternoster.
Miljuni taʼ nies madwar id-dinja tgħallmu l-Missierna bl-amment u jirripetuha spiss, jekk mhux kuljum. F’dawn l-aħħar snin, ħafna rripetew din it-talba fl-iskejjel u f’okkażjonijiet pubbliċi. Il-Missierna għala hija meqjusa daqshekk importanti?
Ċiprijan, teologu tat-tielet seklu, kiteb: “Liema talba tistaʼ tkun iktar spiritwali minn dik li tana Kristu . . . ? Liema talb lill-Missier jistaʼ jkun iktar ġenwin minn dak li ngħatalna mill-Iben li hu l-Verità?”—Ġwanni 14:6.
Fil-katekiżmu tagħha, il-Knisja Kattolika Rumana tikkunsidra l-Missierna bħala “t-talba Kristjana fundamentali.” The World Book Encyclopedia tirrikonoxxi li din it-talba hija importanti fir-reliġjonijiet kollha tal-Kristjaneżmu, u ssejħilha waħda mill-“istqarrijiet bażiċi tal-fidi Kristjana.”
Madankollu, irridu nirrikonoxxu li ħafna minn dawk li jirripetu l-Missierna bl-amment ma jifhmuhiex sew. Il-gazzetta Kanadiża Ottawa Citizen tgħid li “jekk għandek xi tip taʼ trobbija Kristjana, hu probabbli li taf tgħid il-Missierna bl-amment mingħajr ma tieqaf biex tieħu n-nifs, imma għandek mnejn issibha diffiċli biex tgħidha bil-mod u tifhimha.”
Huwa tassew importanti li nifhmu t-talb tagħna lil Alla? Ġesù għala tana t-Talba tal-Missierna? Xi tfisser għalik? Ejja nikkunsidraw dawn il-mistoqsijiet.