“Ħa Jkollkom Affezzjoni Tenera Lejn Xulxin”
“Ħa jkollkom affezzjoni tenera lejn xulxin bi mħabba lejn l-aħwa.”—RUMANI 12:10, NW.
1, 2. Wieħed missjunarju taʼ żmienna u l-appostlu Pawlu liema tip taʼ relazzjoni kellhom maʼ ħuthom?
MATUL it-43 sena taʼ servizz bħala missjunarju fil-Lvant Imbiegħed, Don kien magħruf għall-affezzjoni li kien juri lejn l-aħwa. Meta kien qiegħed jikkumbatti l-marda qerridija tiegħu, xi wħud minn dawk li kien studja l-Bibbja magħhom fil-passat ivvjaġġaw eluf taʼ kilometri biex imorru jarawh u jgħidulu “Kamsahamnida, kamsahamnida!”—“Grazzi, grazzi!” bil-Korean. L-affezzjoni tenera li wera Don kienet messitilhom qalbhom.
2 Dan l-eżempju li jinvolvi lil Don m’huwiex l-uniku wieħed. Fl-ewwel seklu, l-appostlu Pawlu esprima affezzjoni profonda lejn dawk li kien jaqdi. Pawlu ssagrifika ruħu għal oħrajn. Għalkemm kien bniedem sod fil-konvinzjonijiet tiegħu, kien ukoll ġentili u jimpurtah minn ħaddieħor, “kif omm li treddaʼ tgħożż lil uliedha.” Hu kiteb lill-kongregazzjoni taʼ Tessalonika: “Peress li għandna affezzjoni tenera lejkom, konna kuntenti ħafna li mhux biss nagħtukom l-aħbar tajba t’Alla, imma wkoll ruħna stess, għax sirtu għeżież għalina.” (1 Tessalonikin 2:7, 8, NW) Iktar tard, meta Pawlu qal lil ħutu f’Efesu li huma ma kinux se jaraw wiċċu iktar, dawn “infexxew ilkoll f’bikja kbira u bdew jgħannqu lil Pawlu u jbusuh” b’tenerezza. (Atti 20:25, 37) Jidher ċar li r-relazzjoni bejn Pawlu u ħutu ma kinitx teżisti sempliċement għax kellhom l-istess twemmin. Huma kellhom affezzjoni tenera lejn xulxin.
L-Affezzjoni Tenera u l-Imħabba
3. It-termini li tuża l-Bibbja għal affezzjoni u mħabba kif għandhom x’jaqsmu maʼ xulxin?
3 Fl-Iskrittura, li nuru affezzjoni tenera u mogħdrija, u li nħossu għal xulxin, kollha għandhom x’jaqsmu ħafna maʼ l-aqwa kwalità Kristjana—l-imħabba. (1 Tessalonikin 2:8, NW; 2 Pietru 1:7) Bħall-faċċati żgħar taʼ djamant mill-isbaħ, dawn il-kwalitajiet eċċellenti jaħdmu flimkien biex jipproduċu riżultati sbieħ. Dawn il-kwalitajiet iressqu l-Kristjani mhux biss eqreb lejn xulxin imma wkoll eqreb lejn Missierhom tas-sema. Għaldaqstant, l-appostlu Pawlu ħeġġeġ lill-Kristjani sħabu: “Ħa tkun imħabbitkom mingħajr ipokrisija. . . . Ħa jkollkom affezzjoni tenera lejn xulxin bi mħabba lejn l-aħwa.”—Rumani 12:9, 10, NW.
4. Xi tfisser l-espressjoni “affezzjoni tenera”?
4 Il-kelma Griega li uża Pawlu għal “affezzjoni tenera” hija magħmula minn żewġ partijiet, waħda tfisser ħbiberija u l-oħra, affezzjoni naturali. Bħalma jispjega wieħed studjuż tal-Bibbja, din tfisser li l-Kristjani “jridu jiġu identifikati minn devozzjoni li hija karatteristika taʼ familja magħquda li l-membri tagħha jħobbu u jappoġġaw lil xulxin.” Hekk tħossok int dwar ħutek Kristjani? L-atmosfera fil-kongregazzjoni Kristjana għandha tkun waħda li tilqgħek—li ġġagħlek tħossok parti minn familja. (Galatin 6:10) Fil-fatt, Rumani 12:10 jgħid: “Ħobbu lil xulxin bħal aħwa.” U l-Bibbja taʼ Saydon tittraduċi dan il-vers: “Tgħożżu ’l xulxin b’imħabba taʼ aħwa.” Iva, il-Kristjani ma jħobbux lil xulxin sempliċement għax dan hu raġunevoli, jew għax hu d-dmir tagħhom. Aħna għandna bi ‘mħabba sinċiera taʼ l-aħwa nħobbu lil xulxin b’qalbna kollha u bil-qawwa kollha.’—1 Pietru 1:22.
Mgħallmin minn Alla biex Inħobbu lil Xulxin
5, 6. (a) Jehovah kif uża l-konvenzjonijiet internazzjonali biex jgħallem lill-poplu tiegħu dwar l-affezzjoni Kristjana? (b) Ir-rabta bejn l-aħwa kif issir iżjed b’saħħitha iktar ma jgħaddi ż-żmien?
5 Għalkemm f’din id-dinja “l-imħabba [qed] tibred f’ħafna,” Jehovah qed jgħallem lin-nies tiegħu llum biex ‘iħobbu lil xulxin.’ (Mattew 24:12; 1 Tessalonikin 4:9) Il-konvenzjonijiet internazzjonali tax-Xhieda taʼ Jehovah huma okkażjonijiet eċċellenti għal dan it-taħriġ. F’dawn il-konvenzjonijiet, ix-Xhieda tal-post fejn tkun qed issir il-konvenzjoni jiltaqgħu m’aħwa minn pajjiżi oħra ’l bogħod, u ħafna minnhom jilqgħu lid-delegati barranin f’darhom. F’konvenzjoni reċenti, xi wħud minn dawn id-delegati kienu minn pajjiżi fejn in-nies ġeneralment huma riservati u ma jħobbux jesprimu l-emozzjonijiet tagħhom. “Għall-ewwel, meta waslu, dawn id-delegati ħassewhom beżgħana u mistħija ħafna,” jgħid wieħed Kristjan li għen biex isibilhom fejn joqogħdu. “Imma sitt ijiem biss wara, meta ġew biex jitilqu, kemm huma u kemm dawk li laqgħuhom f’darhom tgħidx kemm għannqu lil xulxin u bkew. L-imħabba Kristjana li esperjenzaw tant kienet kbira li qatt ma kienu se jinsewha.” Meta nuru ospitalità maʼ l-aħwa, ikun xi jkun l-ambjent li jkunu ġejjin minnu, dan jistaʼ jikxef il-kwalitajiet sbieħ tagħhom kif ukoll tagħna.—Rumani 12:13.
6 Esperjenzi bħal dawn tal-konvenzjonijiet huma verament eċċitanti, imma bejn il-Kristjani tiżviluppa relazzjoni saħansitra iktar intima meta huma jaqdu lil Jehovah flimkien għal ċertu perijodu taʼ żmien. Meta nsiru nafu sew lil ħutna, inkunu nistgħu napprezzaw iktar il-kwalitajiet sbieħ tagħhom—il-fatt li jgħidu l-verità, li huma taʼ min jafdahom, leali, qalbhom tajba, ġenerużi, u juru konsiderazzjoni, mogħdrija, u nuqqas t’egoiżmu. (Salm 15:3-5; Proverbji 19:22) Mark, li qeda bħala missjunarju fl-Afrika tal-Lvant, qal: “Meta naħdmu spalla maʼ spalla maʼ ħutna tifforma rabta li ma tinħall b’xejn.”
7. X’hemm bżonn nagħmlu jekk irridu ngawdu l-affezzjoni Kristjana fil-kongregazzjoni?
7 Biex l-aħwa jkunu jistgħu jiksbu u jżommu din ir-rabta fil-kongregazzjoni, iridu jersqu qrib lejn xulxin. L-attendenza regulari tagħna għal-laqgħat Kristjani tgħinna nsaħħu r-rabta li għandna maʼ ħutna. Meta nattendu l-laqgħat u nipparteċipaw fihom, kif ukoll nassoċjaw maʼ ħutna qabel u wara, aħna nkunu qed ninkuraġġixxu u nħajru lil xulxin “għall-imħabba u għall-għemil tajjeb.” (Lhud 10:24, 25) Wieħed anzjan fl-Istati Uniti jirrakkonta: “Niftakar li meta kont żgħir, jien u l-familja tiegħi konna dejjem minn taʼ l-aħħar biex nitilqu mis-Sala tas-Saltna għax qatt ma konna nixbgħu mis-sħubija pjaċevoli u inkuraġġanti taʼ l-aħwa.”
Għandek Bżonn Int ‘Tiftaħ Qalbek Beraħ’?
8. (a) Pawlu x’ried ifisser meta ħeġġeġ lill-Korintin biex ‘jiftħu qalbhom beraħ’? (b) X’nistgħu nagħmlu biex nuru iktar affezzjoni lejn xulxin fil-kongregazzjoni?
8 Biex nuru bis-sħiħ din l-affezzjoni, għandna mnejn ikollna bżonn ‘niftħu qalbna beraħ.’ Lil dawk fil-kongregazzjoni taʼ Korintu, l-appostlu Pawlu kitbilhom: “Qalbna miftuħa beraħ! Għalikom m’hemmx djieq f’qalbna.” Pawlu ħeġġiġhom biex huma wkoll ‘jiftħu qalbhom beraħ.’ (2 Korintin 6:11-13) Tistaʼ ‘tiftaħ qalbek beraħ’ int ukoll fl-affezzjonijiet tiegħek? M’għandikx għalfejn tistenna lil ħaddieħor jieħu l-inizjattiva. Fl-ittra tiegħu lir-Rumani, Pawlu rabat il-bżonn li nuru affezzjoni tenera mal-parir biex inkunu minn taʼ quddiem biex ‘infittxu li nistmaw lil xulxin.’ (Rumani 12:10) Biex tistma lil oħrajn, int tistaʼ tieħu l-inizjattiva li tilqagħhom fil-laqgħat. Tistaʼ wkoll tistidinhom biex jaħdmu miegħek fil-ministeru taʼ l-għalqa jew biex jippreparaw għal-laqgħat miegħek. Dan jgħin biex inkabbru l-affezzjoni tenera.
9. Liema passi ħadu xi wħud biex isiru iktar ħbieb taʼ sħabhom il-Kristjani? (Inkludi xi eżempji lokali.)
9 Nistgħu ‘niftħu qalbna beraħ’ kemm bħala familji u kemm individwalment billi nżuru lil xulxin, forsi biex nieklu flimkien, u nieħdu sehem f’attivitajiet li jibnu flimkien. (Luqa 10:42; 14:12-14) Hakop kultant jorganizza xi ħarġa għal gruppi żgħar. Hu jirrakkonta: “Ikun hemm aħwa t’etajiet differenti, kif ukoll ġenituri li m’għandhomx imseħbin. L-aħwa jmorru lura d-dar b’memorji sbieħ, u jħossuhom iktar qrib xulxin.” Bħala Kristjani għandna nagħmlu ħilitna kollha biex ma nkunux biss imseħbin fit-twemmin imma nkunu wkoll ħbieb veri.—3 Ġwanni 14, 15 (14, NW).
10. X’għandna nagħmlu meta ma tantx ikollna relazzjoni tajba maʼ l-aħwa?
10 Madankollu, minħabba l-imperfezzjonijiet tagħna, xi drabi tistaʼ tkun sfida kbira li nagħmlu ħbieb u nuru affezzjoni. X’nistgħu nagħmlu? L-ewwel, nistgħu nitolbu biex ikollna relazzjonijiet tajbin maʼ ħutna. Alla jrid li lqaddejja tiegħu jingwalawha flimkien, u hu se jwieġeb talb sinċier bħal dan. (1 Ġwanni 4:20, 21; 5:14, 15) Aħna għandna wkoll naġixxu fi qbil mat-talb tagħna. Ric, ministru li jivvjaġġa u li jaqdi fl-Afrika tal-Lvant, jiftakar li kien hemm ħu li minħabba l-personalità diffiċli tiegħu ma kienx faċli li tingwalaha miegħu. “Minflok m’evitajtu, għamiltha mira li nsir nafu aħjar,” jispjega Ric. “Sirt naf li missier dan il-ħu kien bniedem taʼ dixxiplina ħarxa. Meta rnexxieli nifhem kemm dan il-ħu kellu jissielet biex jegħleb it-tendenzi li kellu minħabba t-trobbija tiegħu u kemm kien għamel progress, bdejt nammirah. Sirna ħbieb sew.”—1 Pietru 4:8.
Esprimi s-Sentimenti Tiegħek!
11. (a) X’hemm bżonn sabiex l-affezzjoni tikber fil-kongregazzjoni? (b) Il-fatt li nibqgħu lura milli nesprimu l-emozzjonijiet tagħna kif inhu taʼ ħsara spiritwalment?
11 Illum, ħafna nies qatt ma jkollhom ħbieb veri f’ħajjithom. X’ħasra! Fil-kongregazzjoni Kristjana m’għandux għalfejn ikun hekk, anzi lanqas biss għandu jkun dan. L-imħabba ġenwina taʼ l-aħwa m’hijiex sempliċement konversazzjoni bl-edukazzjoni u manjieri tajbin; lanqas ma tfisser li turi l-emozzjonijiet tiegħek b’mod eċċessiv u frattarjuż. Pjuttost, għandna nkunu lesti nesprimu s-sentimenti tagħna, bħalma għamel Pawlu mal-Korintin, u nuru lil sħabna l-Kristjani li aħna verament jimpurtana minnhom. Għalkemm mhux kulħadd min-natura hu soċjevoli u jħobb jitkellem, jistaʼ jkun taʼ ħsara li wieħed ikun magħluq fih innifsu. Il-Bibbja twissi: “Wieħed li jinqataʼ għalih waħdu jfittex ix-xenqa egoistika tiegħu stess; kontra kull għaqal jiħodha.”—Proverbji 18:1, NW.
12. Komunikazzjoni tajba għala hija essenzjali biex l-aħwa fil-kongregazzjoni jkunu qrib xulxin?
12 Komunikazzjoni sinċiera hija fundamentali għal ħbiberija vera. (Ġwanni 15:15) Ilkoll kemm aħna għandna bżonn taʼ ħbieb li nkunu nistgħu nafdawhom u nuruhom l-iktar ħsibijiet u sentimenti intimi tagħna. Barra minn hekk, iktar ma nkunu nafu lil xulxin, iktar ikun faċli li nissodisfaw il-ħtiġijiet taʼ xulxin. Meta jkun jimpurtana minn ħaddieħor b’dan il-mod, aħna nkunu qed ngħinu biex fil-kongregazzjoni tikber l-affezzjoni tenera, u se naraw kemm hu minnu l-kliem taʼ Ġesù: “Min jagħti hu aktar hieni minn min jieħu.”—Atti 20:35; Filippin 2:1-4.
13. X’nistgħu nagħmlu biex nuru li għandna affezzjoni vera għal ħutna?
13 Biex l-affezzjoni tagħna tkun l-iktar taʼ ġid, jeħtieġ li nesprimuha. (Proverbji 27:5) Meta l-affezzjoni tagħna tkun sinċiera, x’aktarx li wiċċna jkun jixhed, u dan jistaʼ jqanqal lil oħrajn biex huma wkoll juru affezzjoni. Proverbju fil-Bibbja jgħid: “Wiċċ imdawwal iferraħ il-qalb.” (Proverbji 15:30) Azzjonijiet tajba wkoll jgħinu biex tikber l-affezzjoni tenera. Għalkemm ħadd ma jistaʼ jixtri l-affezzjoni vera, rigal mogħti mill-qalb jistaʼ jfisser ħafna. Xi kartolina, ittra, u “kelma li tingħad f’waqtha”—dawn kollha jistgħu jesprimu affezzjoni profonda. (Proverbji 25:11; 27:9) Ladarba nkunu ksibna l-ħbiberija t’oħrajn, irridu nżommuha billi nkomplu nuru affezzjoni li m’hijiex egoista. Speċjalment fiż-żmien taʼ bżonn, irridu nkunu disponibbli għal ħbiebna. Il-Bibbja tgħid: “Il-ħabib iħobbok kull ħin, bħal ħuk imwieled għal żmien l-hemm.”—Proverbji 17:17.
14. X’nistgħu nagħmlu jekk xi ħadd jidher li ma juriniex affezzjoni daqskemm nuruh aħna?
14 Ngħiduha kif inhi, m’aħniex se nkunu ħbieb bl-istess mod maʼ kulħadd fil-kongregazzjoni. Naturalment, se jkun hemm dawk li aħna nħossuna qrib tagħhom iktar minn oħrajn. Għalhekk, jekk xi ħadd ma jurix affezzjoni lejk daqskemm tixtieq, tgħaġġilx biex tikkonkludi li hemm xi ħaġa ħażina fik jew fil-persuna l-oħra. U toqgħodx tipprova tkun ħabib tal-qalb maʼ din il-persuna akkost taʼ kollox. Jekk sempliċement turi ħbiberija maʼ din il-persuna sal-punt li tixtieq hi, int tkun qed tħalli l-bieb miftuħ biex il-ħbiberija taʼ bejnietkom tkun tistaʼ tikber fil-futur.
“Fik Sibt l-Għaxqa Tiegħi”
15. Kif jiġi effettwat min jaqlaʼ t-tifħir u min ma jaqilgħux?
15 Min jaf kemm feraħ Ġesù meta fil-magħmudija tiegħu semaʼ dan il-kliem mis-sema: “Fik sibt l-għaxqa tiegħi”! (Mark 1:11) Din l-espressjoni t’approvazzjoni bilfors li ġagħlet lil Ġesù jħossu iktar konvint li Missieru kellu affezzjoni lejh. (Ġwanni 5:20) Hija ħasra li xi wħud qatt ma jisimgħu kliem taʼ tifħir bħal dan mingħand dawk li jkunu jħobbu u jirrispettaw. “Ħafna żgħażagħ bħali m’għandhom lil ħadd mill-familja tagħhom li għandu l-istess twemmin Kristjan tagħhom,” tgħid Ann. “Id-dar niġu kritikati l-ħin kollu. Dan inikkitna ħafna.” Iżda, meta dawn iż-żgħażagħ isiru parti mill-kongregazzjoni, huma jibdew iħossu l-imħabba taʼ familja spiritwali li tappoġġahom u li jimpurtaha minnhom—missirijiet u ommijiet u aħwa subien u bniet fil-fidi.—Mark 10:29, 30; Galatin 6:10.
16. Meta noqogħdu nikkritikaw lil oħrajn għala ma nkunux qed ngħinuhom?
16 F’ċerti kulturi, il-ġenituri, il-kbar, u l-għalliema rari jesprimu l-approvazzjoni mill-qalb liż-żgħar għax jibżgħu li dawn ma jibqgħux jistinkaw bħal qabel jew inkella jistgħu jitkabbru. Anki l-familji Kristjani u l-kongregazzjoni jistgħu jiġu effettwati minn dan l-irraġunar. Forsi wara li xi żagħżugħ ikun ta xi taħdita jew kellu xi ħaġa oħra, ikun hemm xi ħadd akbar minnu li jgħidlu: “Mhux ħażin, imma stajt għamiltha aħjar!” Jew forsi b’xi mod ieħor jagħtuh x’jifhem li ma ħadux gost bih. Meta jagħmlu dan, ħafna jaħsbu li jkunu qed iqanqlu liż-żgħażagħ biex jagħmlu ħilithom kollha. Imma b’dan il-mod l-effett ikun bil-kontra, għax iż-żgħażagħ jistgħu jingħalqu fihom infushom jew jibdew iħossuhom li qatt ma jistgħu jirnexxu.
17. Għala għandna nfittxu opportunitajiet biex infaħħru lil oħrajn?
17 Madankollu, it-tifħir m’għandux jingħata biss qabel xi parir. Tifħir sinċier jgħin biex tikber l-affezzjoni tenera bejn il-membri tal-familja u tal-kongregazzjoni, u dan jinkuraġġixxi liż-żgħażagħ biex ifittxu l-pariri t’aħwa rġiel u nisa t’esperjenza. Mela, minflok ma nħallu l-kultura tiddettalna kif nittrattaw lil oħrajn, ejja ‘nilbsu l-bniedem il-ġdid, maħluq skond Alla, fil-ġustizzja u l-qdusija tassew.’ Faħħar bil-mod kif ifaħħar Jehovah.—Efesin 4:24.
18. (a) Żgħażagħ, kif għandkom tqisu l-pariri taʼ dawk akbar minnkom? (b) Il-kbar għala joqogħdu attenti kif jagħtu parir?
18 Mill-banda l-oħra, iż-żgħażagħ m’għandhomx jirraġunaw li jekk dawk akbar minnhom jikkoreġuhom jew jagħtuhom xi parir, dan ifisser li m’għandhomx grazzja magħhom. (Koħèlet 7:9) Għall-kuntrarju! Huma jagħmlu dan għax huma interessati fik u għandhom affezzjoni kbira lejk. Inkella, għalfejn joqogħdu jħabblu rashom biex ikellmuk dwar il-kwistjoni? Peress li jafu x’effett jistaʼ jkollu l-kliem, il-kbar—partikolarment l-anzjani tal-kongregazzjoni—spiss iqattgħu ħafna ħin jaħsbu u jitolbu qabel ma jagħtu parir, ladarba l-mira tagħhom hi biss li jagħmlu l-ġid.—1 Pietru 5:5.
Jehovah “Juri Affezzjoni b’Tenerezza Kbira”
19. Dawk li kellhom xi diżappunti fil-ħajja għala jistgħu jduru lejn Jehovah għall-appoġġ?
19 Minħabba l-esperjenzi xejn sbieħ li kellhom, xi wħud forsi jħossu li aħjar ma jurux affezzjoni tenera għax inkella jerġgħu jiġu diżappuntati. Dawn jeħtieġu kuraġġ u fidi soda biex jerġgħu jiftħu qalbhom m’oħrajn. Imma qatt m’għandhom jinsew li Jehovah “m’huwiex ’il bogħod minn kull wieħed minna.” Hu jistidinna biex nersqu qrib lejh. (Atti 17:27; Ġakbu 4:8) Hu jifhem ukoll li aħna nibżgħu li niġu mweġġgħin, u jwegħedna li jkun magħna u jgħinna. Is-salmista David jassigurana: “Qrib il-Mulej lejn dawk b’qalbhom maqsuma, jgħin lil dawk b’ruħhom mifnija.”—Salm 34:19 (34:18, NW).
20, 21. (a) Kif nafu li jistaʼ jkollna relazzjoni mill-qrib maʼ Jehovah? (b) X’hemm bżonn biex inħossuna qrib Jehovah?
20 Ħbiberija mill-qrib maʼ Jehovah hija l-iktar relazzjoni importanti li qatt jistaʼ jkollna. Imma hija rabta bħal din possibbli? Iva. Il-Bibbja turina kif irġiel u nisa ġusti kienu jħossuhom qrib ferm Missierna tas-sema. Il-kliem li esprimew minn qalbhom lejh ġie preservat biex jgħinna niksbu l-fiduċja li aħna wkoll nistgħu nersqu qrib lejn Jehovah.—Salmi 23, 34, 139; Ġwanni 16:27; Rumani 15:4.
21 Kulħadd jistaʼ jilħaq il-ħtiġijiet taʼ Jehovah biex ikun jistaʼ jħossu qribu. “Mulej, min jgħammar fid-dar tiegħek?” staqsa David. “Min jgħix bla ħtija u jagħmel it-tajjeb, min jgħid is-sewwa f’qalbu.” (Salm 15:1, 2; 25:14) Hekk kif naraw li l-fatt li naqdu lil Alla qed jipproduċi frott tajjeb u jiksbilna l-gwida u l-protezzjoni tiegħu, aħna se nsiru nafu li Jehovah “juri affezzjoni b’tenerezza kbira.”—Ġakbu 5:11, NW.
22. Jehovah liema tip taʼ relazzjoni jrid li jgawdu n-nies tiegħu?
22 Kemm aħna mberkin li Jehovah jixtieq ikollu din ir-relazzjoni persunali maʼ bnedmin imperfetti! Mela, m’għandniex aħna nuru affezzjoni tenera lejn xulxin? Bl-għajnuna taʼ Jehovah, kull wieħed u waħda minna jistaʼ jikkontribwixxi għall-affezzjoni tenera u jgawdi din il-karatteristika tal-fratellanza Kristjana tagħna. Taħt is-Saltna t’Alla, kulħadd fuq l-art se jħoss din l-affezzjoni għal dejjem.
Tistaʼ Tispjega?
• X’tip t’atmosfera għandha teżisti fil-kongregazzjoni Kristjana?
• Kull wieħed u waħda minna kif jistaʼ jikkontribwixxi għall-affezzjoni tenera fil-kongregazzjoni?
• It-tifħir sinċier kif jgħin biex tikber l-affezzjoni Kristjana?
• L-affezzjoni tenera taʼ Jehovah kif tappoġġana u twiżinna?
[Stampa f’paġna 15]
L-imħabba fost il-Kristjani tirrifletti iktar minn sempliċi dmir
[Stampi f’paġna 17]
Tistaʼ ‘tiftaħ qalbek beraħ’ fl-affezzjoni tiegħek?
[Stampa f’paġna 18]
Int tħobb tikkritika jew tinkuraġġixxi?