Issa Huwa ż-Żmien għal Azzjoni Deċiżiva
“Kemm se ddumu titlajjaw minn naħa għal oħra?”—1 SLATEN 18:21.
1. X’jagħmel lil żmienna daqshekk differenti mill-passat?
TEMMEN int li Ġeħova huwa l-uniku Alla veru? Temmen int ukoll li l-profeziji tal-Bibbja jippontaw lejn żmienna bħala “l-aħħar jiem” tas-sistema mill-agħar taʼ Satana? (2 Timotju 3:1) Jekk inhu hekk, żgur se taqbel li issa, miż-żminijiet kollha taʼ qabel, hemm bżonn li tittieħed azzjoni deċiżiva. Qatt qabel fl-istorja tal-bniedem ma kien hawn daqstant ħajjiet fil-periklu.
2. Xi ġralha s-saltna taʼ Iżrael b’għaxar tribujiet matul ir-renju tas-Sultan Aħab?
2 Fl-għaxar seklu Q.E.K., il-ġens taʼ Iżrael kellu bżonn jieħu deċiżjoni verament serja. Lil min kien se jaqdi? Is-Sultan Aħab, taħt l-influwenza tal-mara pagana tiegħu Ġeżabel, mexxa ’l quddiem il-qima taʼ Bagħal fis-saltna taʼ Iżrael b’għaxar tribujiet. Bagħal kien alla tal-fertilità li suppost kien jipprovdi x-xita u ħsad tajjeb. Ħafna aduraturi taʼ Bagħal forsi kienu jitfgħu xi bewsa jew anki jmilu quddiem idolu taʼ l-alla tagħhom. Sabiex iqanqlu lil Bagħal ibierek il-ħxejjex u l-bhejjem tagħhom, l-aduraturi tiegħu kienu jieħdu sehem f’orġji sesswali mal-prostituti tat-tempju. Huma kellhom ukoll id-drawwa li jqattgħu ġisimhom biex joħorġu d-demm.—1 Slaten 18:28.
3. Liema effett kellha l-qima taʼ Bagħal fuq il-poplu t’Alla?
3 Fdal taʼ xi 7,000 Iżraeli rrifjutaw li jieħdu sehem f’dan it-tip taʼ qima idolatruża, immorali, u vjolenti. (1 Slaten 19:18) Huma żammew lealment mar-relazzjoni taʼ patt li kellhom m’Alla Ġeħova, u għal dan ġew persegwitati. Per eżempju, ir-Reġina Ġeżabel qatlet ħafna mill-profeti taʼ Ġeħova. (1 Slaten 18:4, 13) Minħabba dawn il-kundizzjonijiet taʼ sfida, il-maġġuranza taʼ l-Iżraelin kellhom taħlit taʼ twemmin differenti, billi kienu jipprovaw jogħġbu kemm lil Ġeħova u kemm lil Bagħal. Imma għal Iżrael kienet tkun apostasija li wieħed idur minn Ġeħova biex iqim alla falz. Ġeħova wiegħed li kien se jbierek lill-Iżraelin jekk huma jħobbuh u jobdu l-kmandamenti tiegħu. Madankollu, hu wissiehom li jekk huma ma jagħtuhx “devozzjoni esklużiva,” (NW) huma kienu se jiġu meqrudin.—Dewteronomju 5:6-10; 28:15, 63.
4. Ġesù u l-appostli tiegħu x’bassru li se jiġri fost il-Kristjani, u dan kif twettaq?
4 Illum teżisti sitwazzjoni simili fil-Kristjaneżmu. Il-membri tal-Knisja jistqarru li huma Kristjani, imma l-festi, l-imġiba, u t-twemmin tagħhom ma jaqblux mat-tagħlim tal-Bibbja. Bħal Ġeżabel, il-kleru tal-Kristjaneżmu huwa minn taʼ quddiem biex jippersegwita lix-Xhieda taʼ Ġeħova. Il-kleru tal-Kristjaneżmu wkoll ilu għal ħafna żmien jappoġġa l-gwerer, u b’hekk huwa responsabbli għall-qtil taʼ miljuni bla għadd taʼ membri tal-knisja. Appoġġ reliġjuż bħal dan lill-gvernijiet tad-dinja huwa identifikat fil-Bibbja bħala żína spiritwali. (Rivelazzjoni 18:2, 3) Barra minn hekk, il-Kristjaneżmu qed isir dejjem iktar tolleranti għall-fornikazzjoni letterali, anki fost il-kleru tiegħu stess. Ġesù Kristu u l-appostli tiegħu bassru din l-apostasija bil-quddiem. (Mattew 13:36-43; Atti 20:29, 30; 2 Pietru 2:1, 2) X’se jkun ir-riżultat finali għal dawk l-iktar minn biljun ruħ fil-Kristjaneżmu? U liema responsabbiltà għandhom l-aduraturi veri taʼ Ġeħova lejn dawn u dawk kollha li ġew żvijati mir-reliġjon falza? It-tweġiba ċara għal mistoqsijiet bħal dawn se niksbuha billi neżaminaw il-ġrajjiet drammatiċi li wasslu għall-‘qerda taʼ Bagħal minn Iżrael.’—2 Slaten 10:28.
L-Imħabba t’Alla għall-Poplu Stinat Tiegħu
5. Ġeħova kif wera tħassib bi mħabba għall-poplu stinat tiegħu?
5 Alla Ġeħova xejn ma jieħu pjaċir jikkastiga lil dawk li ma jibqgħux leali lejh. Bħala Missier taʼ mħabba, hu jixtieq li l-ħżiena jindmu u jduru lura lejh. (Eżekjel 18:32; 2 Pietru 3:9) Tant hu hekk li Ġeħova uża ħafna profeti fi żmien Aħab u Ġeżabel biex iwissi lin-nies Tiegħu dwar il-konsegwenzi li kienu se jiġu mill-qima lil Bagħal. Elija kien wieħed minn dawn il-profeti. Wara nixfa qerridija kbira fil-pajjiż, li kienet ġiet imħabbra minn qabel, Elija qal lis-Sultan Aħab biex jiġbor lill-Iżraelin u l-profeti taʼ Bagħal flimkien fuq il-muntanja tal-Karmel.—1 Slaten 18:1, 19.
6, 7. (a) Elija kif kixef l-għerq taʼ dak li kkawża l-apostasija f’Iżrael? (b) Il-profeti taʼ Bagħal x’għamlu? (ċ) Elija x’għamel?
6 Il-laqgħa saret f’post fejn kien hemm artal għal Ġeħova “li kien iġġarraf,” probabbilment minħabba x-xewqa taʼ Ġeżabel. (1 Slaten 18:30) B’dispjaċir, l-Iżraelin preżenti ma kinux ċerti jekk kienx Ġeħova jew inkella Bagħal il-wieħed li kien tassew kapaċi jipproduċi x-xita tant meħtieġa. Bagħal kellu jirrappreżentawh 450 profeta, filwaqt li Elija kien l-uniku profeta biex jirrappreżenta lil Ġeħova. Elija laħaq l-għerq tal-problema tan-nies billi staqsiehom: “Kemm se ddumu titlajjaw minn naħa għal oħra?” Imbagħad, saħansitra fi kliem iktar sempliċi, hu poġġa l-kwistjoni quddiemhom: “Jekk il-Mulej [“Ġeħova,” NW] hu Alla, morru warajh; inkella morru wara Bagħal, jekk inhu hu.” Sabiex iqanqal lill-Iżraelin indeċiżi biex jagħtu devozzjoni esklużiva lil Ġeħova, Elija ssuġġerixxa li jsir test biex isir magħruf minn kien l-Alla l-veru. Żewġ gniedes kellhom jinqatlu bħala sagrifiċċju, wieħed għal Ġeħova u wieħed għal Bagħal. L-Alla l-veru kellu jaħraq is-sagrifiċċju tiegħu bin-nar. Il-profeti taʼ Bagħal lestew is-sagrifiċċji tagħhom, u mbagħad għal sigħat sħaħ baqgħu jgħajtu: “Bagħal, weġibna!” Meta Elija beda jiddieħaq bihom, huma bdew iqattgħu lilhom infushom sakemm beda jċarċar id-demm, u jgħajtu kemm jifilħu. Imma ma kienx hemm tweġiba.—1 Slaten 18:21, 26-29.
7 Issa kien imiss lil Elija. L-ewwel, hu reġaʼ waqqaf l-artal taʼ Ġeħova u poġġa l-biċċiet tal-gendus fuqu. Imbagħad, hu ordna li erbaʼ ġarar kbar bl-ilma jitferrgħu fuq is-sagrifiċċju. Dan seħħ tliet darbiet sakemm il-gandott madwar l-artal imtela bl-ilma. Imbagħad Elija talab: “Mulej, Alla taʼ Abraham, taʼ Iżakk u taʼ Iżrael, uri llum li inti Alla fost Iżrael, u li jiena l-qaddej tiegħek, u li dan kollu jien għamiltu għall-kelma tiegħek. Weġibni, Mulej, weġibni, ħalli jkun jaf dan il-poplu li int, Mulej, int Alla, u li int dawwartilhom qalbhom lura!”—1 Slaten 18:30-37.
8. Alla kif wieġeb għat-talba t’Elija, u l-profeta liema azzjoni ħa?
8 L-Alla l-veru wieġeb billi ħaraq kemm is-sagrifiċċju kif ukoll l-artal b’nar mis-sema. Dak in-nar belaʼ wkoll l-ilma li kien fil-gandott taʼ madwar l-artal! Immaġina x’effett kellu dan fuq l-Iżraelin. Huma immedjatament inxteħtu wiċċhom fl-art u qalu: “Jaħweh, Alla hu! Jaħweh, Alla hu!” Elija mbagħad kompla jieħu azzjoni deċiżiva, billi ordna lill-Iżraelin: “Aqbdu l-profeti taʼ Bagħal, tħallu ’l ħadd minnhom jeħles.” Imbagħad, l-450 profeta taʼ Bagħal inqatlu kollha taħt il-muntanja tal-Karmel.—1 Slaten 18:38-40.
9. Liema provi komplew jiffaċċjaw l-aduraturi veri?
9 F’dik il-ġurnata li ma tintesiex, Ġeħova ġagħal li tinżel ix-xita fuq l-art għall-ewwel darba fi tliet snin u nofs! (Ġakbu 5:17, 18) Tistaʼ timmaġina xi bdew jgħidu l-Iżraelin huma u sejrin lura d-dar; Ġeħova vvindika d-divinità tiegħu. Madankollu, l-aduraturi taʼ Bagħal ma qatgħux qalbhom. Ġeżabel kompliet bil-kampanja taʼ persekuzzjoni fuq il-qaddejja taʼ Ġeħova. (1 Slaten 19:1, 2; 21:11-16) B’hekk, l-integrità tal-poplu t’Alla reġgħet ġiet provata. Kienu se jkunu qed jagħtu devozzjoni esklużiva lil Ġeħova meta jum il-ġudizzju kien se jasal fuq l-aduraturi taʼ Bagħal?
Aġixxi b’Mod Deċiżiv Illum
10. (a) Fi żminijiet moderni, il-Kristjani midlukin x’qegħdin jagħmlu? (b) Xi jfisser li tobdi l-kmand li jinsab f’Rivelazzjoni 18:4?
10 Fi żminijiet moderni, il-Kristjani midlukin għamlu xogħol bħal dak t’Elija. Bil-kliem u bil-karta stampata, huma wissew lil nies mill-ġnus kollha kemm ġewwa u kemm barra l-Kristjaneżmu dwar il-periklu tar-reliġjon falza. B’riżultat taʼ dan, miljuni ħadu azzjoni deċiżiva biex jaqtgħu s-sħubija tagħhom mar-reliġjon falza. Huma ddedikaw ħajjithom lil Ġeħova u saru dixxipli mgħammdin taʼ Ġesù Kristu. Iva, huma semgħu l-appell urġenti t’Alla dwar ir-reliġjon falza: “Oħorġu minnha, poplu tiegħi, jekk ma tridux tieħdu sehem magħha fi dnubietha, u jekk ma tridux tirċievu parti mill-kastigi tagħha.”—Rivelazzjoni 18:4.
11. X’hemm bżonn isir biex tinkiseb l-approvazzjoni t’Alla?
11 Miljuni oħrajn, filwaqt li jħossuhom miġbudin lejn il-messaġġ ibbażat fuq il-Bibbja li jxandru x-Xhieda taʼ Ġeħova, xorta għadhom m’humiex ċerti dwar x’għandhom jagħmlu. Xi wħud minn dawn kultant jiġu għal-laqgħat Kristjani, bħall-osservanza taʼ l-Ikla taʼ fil-Għaxija tal-Mulej jew għal xi sessjonijiet fil-konvenzjoni distrettwali. Aħna nħeġġu lil uħud bħal dawn biex jikkunsidraw bir-reqqa l-kliem t’Elija: “Kemm se ddumu bejn ħaltejn?” (1 Slaten 18:21, Karm Żammit) Minflok ma jdumu, huma għandhom bżonn jieħdu azzjoni deċiżiva issa u jħabirku biex isiru aduraturi dedikati u mgħammdin taʼ Ġeħova. Hemm involuti l-prospetti tagħhom taʼ ħajja taʼ dejjem!—2 Tessalonikin 1:6-9.
12. Xi Kristjani mgħammdin f’liema kundizzjoni perikoluża waqgħu, u x’għandhom jagħmlu?
12 B’dispjaċir, xi Kristjani mgħammdin saru irregulari jew inattivi fil-qima tagħhom. (Ebrej 10:23-25; 13:15, 16) Xi wħud tilfu ż-żelu tagħhom minħabba li jibżgħu mill-persekuzzjoni, l-ansjetajiet biex ilaħħqu mal-ħajja, il-ħidma iebsa biex isiru għonja, jew minħabba l-ġiri wara pjaċiri egoistiċi. Ġesù wissa li dawn l-affarijiet kienu se jfixklu, joħonqu, u jonsbu lil xi wħud mis-segwaċi tiegħu. (Mattew 10:28-33; 13:20-22; Luqa 12:22-31; 21:34-36) Minflok ma jkunu qishom qed ‘jitlajjaw minn naħa għal oħra,’ uħud bħal dawn għandhom ‘ikunu żelużi u jindmu’ billi jieħdu azzjoni deċiżiva biex iwettqu d-dedikazzjoni tagħhom lil Alla.—Rivelazzjoni 3:15-19.
It-Tmiem Ħesrem tar-Reliġjon Falza
13. Iddeskrivi s-sitwazzjoni f’Iżrael meta Ġeħu ġie midluk bħala sultan.
13 Ir-raġuni għala huwa urġenti għall-bnedmin biex jieħdu azzjoni deċiżiva issa tintwera minn dak li ġara lil Iżrael madwar 18-il sena qabel ma l-kwistjoni tad-Divinità ġiet maqtugħa fuq il-muntanja tal-Karmel. Jum il-ġudizzju taʼ Ġeħova kontra l-qima taʼ Bagħal ġie ħabta u sabta matul il-ministeru t’Eliżew, is-suċċessur t’Elija. Ġoram, bin is-Sultan Aħab, kien qed jaħkem fuq Iżrael, u Ġeżabel kienet għadha ħajja u taqdi bħala reġina omm. Bil-kwiet, Eliżew bagħat lill-qaddej tiegħu biex jidlek lil Ġeħu, il-kmandant ewlieni taʼ l-armata taʼ Iżrael, bħala s-sultan il-ġdid. Dak il-ħin, Ġeħu kien qiegħed fuq in-naħa tal-lvant tal-Ġordan f’Ramot-gilgħad, jidderieġi battalja kontra l-għedewwa taʼ Iżrael. Is-Sultan Ġoram kien qiegħed Ġeżragħel fil-pjanura tal-wied ħdejn Megiddu, jiddewwa minn ferita mill-gwerra.—2 Slaten 8:29–9:4.
14, 15. Ġeħu liema inkarigu rċieva, u hu kif wieġeb?
14 Dan hu li Ġeħova kkmanda lil Ġeħu biex jagħmel: “Int tidrob lil dar Aħab, sidek, u hekk nitħallas tad-demm tal-qaddejja tiegħi l-profeti, u tad-demm tal-qaddejja kollha tal-Mulej minn id Ġeżabel. Id-dar kollha taʼ Aħab tinqered . . . lil Ġeżabel jikluha l-klieb fil-qasam taʼ Ġeżragħel, u ma jkun hemm ħadd biex jidfinha.”—2 Slaten 9:7-10.
15 Ġeħu kien raġel deċiż. Mingħajr dewmien, hu rikeb il-karru tiegħu, u ġera kemm felaħ lejn Ġeżragħel. Wieħed għassies f’Ġeżragħel għaraf is-sewqan taʼ Ġeħu u mar jgħarraf lis-Sultan Ġoram, u għalhekk Ġoram rikeb il-karru tiegħu u mar jiltaqaʼ mal-kmandant taʼ l-armata tiegħu. Meta ltaqgħu, Ġoram staqsieh: “Sliem, Ġeħu?” Ġeħu wieġbu: “Xi sliem, sakemm idumu ż-żina taʼ ommok Ġeżabel u l-qabda sħarijiet tagħha?” Imbagħad, qabel ma s-Sultan Ġoram setaʼ jaħrab, Ġeħu qabad il-qaws f’idu u qatel lil Ġoram bi vleġġa li nifditlu qalbu.—2 Slaten 9:20-24.
16. (a) L-uffiċjali tal-qorti taʼ Ġeżabel f’liema sitwazzjoni sabu ruħhom f’daqqa waħda? (b) Il-kelma taʼ Ġeħova dwar Ġeżabel kif twettqet?
16 Bla telf taʼ ħin, Ġeħu ġera bil-karru tiegħu lejn il-belt. Ġeżabel, li kienet miżbugħa u mżejna ħafna, kienet qed tħares ’l isfel mit-tieqa u laqgħet lil Ġeħu b’theddida. Ġeħu injoraha, u għajjat għall-appoġġ: “Min hawn miegħi? Min?” Il-qaddejja taʼ Ġeżabel issa kellhom jieħdu azzjoni deċiżiva. Żewġ jew tliet uffiċjali tal-qorti ħarġu rashom mit-tieqa. Immedjatament, il-lealtà tagħhom ġiet taħt prova. “Waddbuha għal isfel!” ikkmanda Ġeħu. L-uffiċjali tefgħu lil Ġeżabel ’l isfel għal ġot-triq, fejn għaffġuha ż-żwiemel u l-karru taʼ Ġeħu. B’hekk, il-mara li bdiet il-qima taʼ Bagħal f’Iżrael ħadet it-tmiem li kien jistħoqqilha. Qabel ma kien hemm ħin biex jidfnuha, il-klieb kienu kielu l-partijiet imlaħħmin tagħha, bħalma kien imbassar.—2 Slaten 9:30-37.
17. Il-ġudizzju t’Alla fuq Ġeżabel għandu jsaħħaħ il-fidi tagħna għal liema ġrajja fil-futur?
17 Tmiem tal-biżaʼ bħal dan se jiġi fuq il-prostituta simbolika li għandha l-isem taʼ “Babilonja l-Kbira.” Il-prostituta tirrappreżenta r-reliġjonijiet foloz tad-dinja taʼ Satana li oriġinaw mill-belt antika taʼ Babilonja. Wara t-tmiem tar-reliġjon falza, Alla Ġeħova se jdawwar l-attenzjoni tiegħu lejn il-bnedmin kollha li jagħmlu parti mill-oqsma sekulari tad-dinja taʼ Satana. Dawn ukoll se jinqerdu, u dan se jipprepara t-triq għad-dinja ġdida taʼ ġustizzja.—Rivelazzjoni 17:3-6; 19:19-21; 21:1-4.
18. Wara l-mewt taʼ Ġeżabel, x’ġara lill-aduraturi taʼ Bagħal f’Iżrael?
18 Wara l-mewt taʼ Ġeżabel, is-Sultan Ġeħu mill-ewwel qatel lid-dixxendenti kollha t’Aħab u lil dawk li kienu jappoġġawh l-iktar. (2 Slaten 10:11) Imma ħafna mill-aduraturi taʼ Bagħal baqgħu f’dik l-art. Dwar dawn, Ġeħu ħa azzjoni deċiżiva biex juri ‘l-ħeġġa tiegħu għall-Mulej’ billi ma ttollera ebda rivalità lejn Ġeħova. (2 Slaten 10:16) Billi għamilha t’aduratur taʼ Bagħal, Ġeħu organizza festa kbira fit-tempju taʼ Bagħal li Aħab kien bena fis-Samarija. L-aduraturi kollha taʼ Bagħal f’Iżrael attendew għall-festa. Kif kienu maqbudin ġot-tempju, kollha ġew maqtulin mill-irġiel taʼ Ġeħu. Il-Bibbja tagħlaq ir-rakkont bil-kliem: “Ġeħu qered ’il Bagħal minn Iżrael.”—2 Slaten 10:18-28.
19. Liema prospett grandjuż jistenna lill-“folla kbira” t’aduraturi leali taʼ Ġeħova?
19 Il-qima taʼ Bagħal tneħħiet kompletament minn Iżrael. M’għandniex xi ngħidu, bħalma ġara dak iż-żmien, hekk ukoll ir-reliġjonijiet foloz taʼ din id-dinja se jaslu għal tmiem għal għarrieda u tal-biżaʼ. Fuq liema naħa se tkun matul il-jum kbir taʼ ġudizzju? Ħu azzjoni deċiżiva issa, u b’hekk jistaʼ jkollok il-privileġġ li tkun fost il-“folla kbira” taʼ bnedmin li jibqgħu ħajjin wara t-“tribulazzjoni l-kbira.” Imbagħad se tkun tistaʼ tħares lura b’ferħ, u se tfaħħar lil Alla talli esegwixxa ġudizzju fuq il-“prostituta l-kbira li ħassret l-art biż-żína tagħha.” Flimkien m’aduraturi veri oħrajn, int se tkun qed taqbel mal-kliem eċċitanti li jkantaw l-ilħna mis-sema: “Faħħru lil Jah, għax Ġeħova Alla tagħna, li Jistaʼ Kollox, beda jsaltan.”—Rivelazzjoni 7:9, 10, 14; 19:1, 2, 6.
Mistoqsijiet għal Meditazzjoni
• Iżrael kif sar ħati taʼ qima lejn Bagħal?
• Il-Bibbja dwar liema apostasija kbira bassret, u dik il-profezija kif twettqet?
• Ġeħu kif neħħa kompletament il-qima lejn Bagħal?
• Xi rridu nagħmlu biex nibqgħu ħajjin f’jum il-ġudizzju t’Alla?
[Mappa f’paġna 25]
(Għall-formazzjoni sħiħa tat-test, ara pubblikazzjoni)
Xoku
Afek
Ħelkat
Ġoknegħam
Megiddu
Tagħnak
Dotan
SAMARIJA
Għajn-dor
Sunem
Għofra
Ġeżragħel
Iblegħam (Gat-rimmon)
Tirsa
Bet-xemex
Betsan
Ġabes-gilgħad?
Abel-meħola
Bet-arbel
Ramot-gilgħad
Quċċati tal-Muntanji
Il-muntanja tal-Karmel
Il-muntanja Tabor
Mori
Il-muntanja Gilbogħa
[Kotra ta’ilmijiet]
Il-Baħar Mediterran
Il-Baħar tal-Galilija
[Xmara]
Ix-Xmara Ġordan
[Għajn u bir]
Għajn-ħarod
[Sors]
Bbażata fuq il-mapep imħarsin mil-liġi tal-copyright, maħruġin minn Pictorial Archive (Near Eastern History) Est. u Survey of Israel
[Stampi f’paġna 26]
L-ippridkar regulari tas-Saltna u l-attendenza regulari għal-laqgħat Kristjani huma aspetti vitali tal-qima vera
[Stampa f’paġna 28]
Bħal Ġeħu, dawk kollha li jridu jibqgħu ħajjin fil-jum taʼ Ġeħova jridu jieħdu azzjoni deċiżiva