LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w06 2/15 pp. 21-25
  • Jinġabar Kulma Hemm fis-Sema u fuq l-Art

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Jinġabar Kulma Hemm fis-Sema u fuq l-Art
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2006
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • “Kulma Hemm fis-​Smewwiet”
  • Jinbeda l-​Ġbir
  • Meħudin fil-​Patt tas-​Saltna
  • Sehem mill-​Emblemi
  • Jinġabar “Kulma Hemm fuq l-​Art”
  • Għala nosservaw l-Ikla taʼ Filgħaxija tal-Mulej?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2015
  • Xi Tfisser Għalik l-Ikla tal-Mulej?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2003
  • L-Ikla taʼ fil-Għaxija tal-Mulej—Kif Tiġi Kommemorata?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2004
  • ‘Nagħrfu bid-Dehen x’Aħna’—Fi Żmien il-Mafkar
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1990
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2006
w06 2/15 pp. 21-25

Jinġabar Kulma Hemm fis-​Sema u fuq l-​Art

“Dan hu skond l-​iskop li għoġbu . . . li jerġaʼ jiġbor kollox flimkien fil-​Kristu, kulma hemm fis-​smewwiet u kulma hemm fuq l-​art.”​—EFESIN 1:​9, 10.

1. X’inhu “l-​iskop li għoġbu” jagħmel Ġeħova għas-​sema u l-​art?

PAĊI UNIVERSALI! Dan huwa l-​iskop glorjuż taʼ Ġeħova, “l-​Alla tal-​paċi.” (Ebrej 13:20) Hu nebbaħ lill-​appostlu Pawlu biex jikteb li “l-​iskop li għoġbu” hu li “jiġbor kollox flimkien fil-​Kristu, kulma hemm fis-​smewwiet u kulma hemm fuq l-​art.” (Efesin 1:​9, 10) Xi jfisser eżatt il-​verb li f’dan il-​vers ġie tradott “jerġaʼ jiġbor kollox flimkien”? L-​istudjuż tal-​Bibbja J. B. Lightfoot jinnota: “L-​espressjoni timplika l-​armonija sħiħa taʼ l-​univers, li ma jibqax ikollu elementi diviżivi u mhux magħrufa, imma li l-​partijiet kollha jsibu ċ-​ċentru u l-​għaqda tagħhom fi Kristu. Id-​dnub u l-​mewt, in-​niket u l-​falliment u t-​tbatija, se jispiċċaw.”

“Kulma Hemm fis-​Smewwiet”

2. Min huma “kulma hemm fis-​smewwiet” li jridu jinġabru flimkien?

2 L-​appostlu Pietru ġabar fil-​qosor it-​tama meraviljuża tal-​Kristjani veri meta kiteb: “Hemm smewwiet ġodda u art ġdida li aħna qed nistennew skond il-​wegħda tiegħu, u f’dawn tgħammar il-​ġustizzja.” (2 Pietru 3:13) Is-​“smewwiet ġodda” li jiġu mwegħdin hawn jirreferu għall-​awtorità governattiva ġdida, is-​Saltna Messjanika. “Kulma hemm fis-​smewwiet” li qed jirreferi għalih Pawlu fl-​ittra tiegħu lill-​Efesin irid jinġabar “fil-​Kristu.” Dan huwa l-​għadd limitat taʼ nies magħżulin biex jaħkmu maʼ Kristu fis-​smewwiet. (1 Pietru 1:​3, 4) Dawn il-​144,000 Kristjan midluk “inxtraw mill-​art,” “inxtraw minn fost il-​bnedmin,” sabiex ikunu werrieta bi sħab maʼ Kristu fis-​Saltna tas-​sema tiegħu.​—Rivelazzjoni 5:​9, 10; 14:​3, 4; 2 Korintin 1:21; Efesin 1:11; 3:6.

3. Kif jistaʼ jingħad li l-​uħud midlukin jinsabu ‘bil-​qiegħda fil-​postijiet tas-​sema’ anki waqt li qegħdin fuq l-​art?

3 Il-​Kristjani midlukin jitnisslu, jew jitwieldu mill-​ġdid, mill-​ispirtu qaddis biex isiru wlied spiritwali t’Alla. (Ġwanni 1:​12, 13; 3:​5-7) Billi jiġu adottati minn Ġeħova bħala “wlied,” huma jsiru ħut Ġesù. (Rumani 8:15; Efesin 1:5) Bħala ħut Ġesù, anki meta jkunu fuq l-​art, jintqal li huma ‘mqajmin flimkien u mpoġġijin bil-​qiegħda flimkien fil-​postijiet tas-​sema f’unjoni maʼ Kristu Ġesù.’ (Efesin 1:3; 2:6) Huma jokkupaw din il-​pożizzjoni spiritwali iktar għolja minħabba li ‘ġew immarkati bis-​siġill taʼ l-​ispirtu qaddis imwiegħed, li hu garanzija bil-​quddiem tal-​wirt [tagħhom]’ li huwa merfugħ għalihom fis-​smewwiet. (Efesin 1:​13, 14; Kolossin 1:5) Għalhekk, dawn huma “kulma hemm fis-​smewwiet,” li l-​għadd kollu tagħhom, magħżul minn qabel minn Ġeħova, kellu bżonn jinġabar.

Jinbeda l-​Ġbir

4. Il-​ġbir taʼ “kulma hemm fis-​smewwiet” meta beda u kif?

4 Fi qbil maʼ l-​“amministrazzjoni,” jew il-​mod kif jiġu mmexxijin l-​affarijiet, il-​ġbir taʼ “kulma hemm fis-​smewwiet” kellu jibda “fil-​milja taż-​żminijiet stabbiliti.” (Efesin 1:​10) Dak iż-​żmien mistenni wasal f’Pentekoste tas-​sena 33 E.K. Dakinhar, l-​ispirtu qaddis issawwab fuq l-​appostli u grupp taʼ dixxipli, irġiel u nisa. (Atti 1:​13-15; 2:​1-4) Dan ta evidenza li l-​patt il-​ġdid kien beda jaħdem, u mmarka l-​bidu tal-​kongregazzjoni Kristjana u tal-​ġens ġdid taʼ Iżrael spiritwali, “l-​Iżrael t’Alla.”​—Galatin 6:16; Ebrej 9:15; 12:​23, 24.

5. Ġeħova għala ħalaq “ġens” ġdid biex jieħu post Iżrael naturali?

5 Il-​patt tal-​Liġi li sar maʼ Iżrael naturali ma pproduċiex “saltna taʼ qassisin u ġens qaddis” li kienu se jaqdu fis-​sema għal dejjem. (Eżodu 19:​5, 6) Ġesù qal lill-​mexxejja reliġjużi Lhud: “Is-​saltna t’Alla tittieħed mingħandkom u tingħata lil ġens li jagħti l-​frott minnha.” (Mattew 21:43) Dak il-​ġens, Iżrael spiritwali, huwa magħmul minn Kristjani midlukin li ttieħdu fil-​patt il-​ġdid. Lil dawn, l-​appostlu Pietru kitbilhom: “Imma intom ‘razza magħżula, saċerdozju rjali, ġens qaddis, poplu miksub bħala proprjetà speċjali, sabiex ixxandru maʼ kullimkien il-​kwalitajiet eċċellenti’ taʼ dak li sejħilkom mid-​dlam għal ġod-​dawl tiegħu taʼ l-​għaġeb. Għax darba ma kontux poplu, imma issa l-​poplu t’Alla.” (1 Pietru 2:​9, 10) L-​Iżrael naturali ma baqax iktar il-​poplu tal-​patt maʼ Ġeħova. (Ebrej 8:​7-​13) Bħalma kien bassar Ġesù, il-​privileġġ li jkun parti mis-​Saltna Messjanika ttieħed mingħandu u ngħata lill-​144,000 membru taʼ Iżrael spiritwali.​—Rivelazzjoni 7:​4-8.

Meħudin fil-​Patt tas-​Saltna

6, 7. Ġesù liema patt speċjali għamel maʼ ħutu midlukin bl-​ispirtu, u dan xi jfisser għalihom?

6 Fil-​lejl meta stabbilixxa t-​Tifkira taʼ mewtu, Ġesù qal lill-​appostli leali tiegħu: “Intom dawk li bqajtu miegħi fil-​provi tiegħi; u nagħmel patt magħkom għal saltna, bħalma Missieri għamel miegħi, biex tieklu u tixorbu fuq il-​mejda tiegħi f’saltnati, u toqogħdu bil-​qiegħda fuq tronijiet biex tiġġudikaw lit-​tnax-il tribù taʼ Iżrael.” (Luqa 22:​28-30) Hawnhekk Ġesù rrefera għal patt speċjali li kien għamel mal-​144,000 ħutu midlukin bl-​ispirtu, li jibqgħu ‘fidili sal-​mewt,’ u jagħtu prova li huma ‘rebbieħa.’​—Rivelazzjoni 2:10; 3:21.

7 Dawk li huma parti minn dan il-​grupp limitat iċedu kull tama li jgħixu għal dejjem bħala bnedmin tad-​demm u l-​laħam. Huma se jaħkmu maʼ Kristu fis-​sema, bil-​qiegħda fuq tronijiet biex jiġġudikaw lill-​umanità. (Rivelazzjoni 20:​4, 6) Issa ejja neżaminaw skritturi oħrajn li japplikaw biss għal dawn l-​uħud midlukin u li juru għala n-​“nagħaġ oħrajn” ma jiħdux mill-​emblemi tat-​Tifkira.​—Ġwanni 10:16.

8. X’inhu evidenti mill-​fatt li l-​midlukin jieħdu mill-​ħobż? (Ara l-​kaxxa f’paġna 23.)

8 Il-​midlukin jgħaddu minn tbatijiet bħal taʼ Kristu u huma lesti li joqogħdu għal mewta bħal tiegħu. Bħala wieħed minn dak il-​grupp, Pawlu stqarr li hu kien lest li jagħmel kwalunkwe sagrifiċċju sabiex ‘jirbaħ lil Kristu biex isir jaf lilu u l-​qawwa taʼ l-​irxoxt tiegħu u jaqsam fit-​tbatijiet tiegħu.’ Iva, Pawlu kien lest li ‘joqgħod għal mewta bħal tiegħu.’ (Filippin 3:​8, 10) Ħafna Kristjani midlukin issaportew fl-​iġsma tal-​laħam tagħhom it-​“trattament tal-​mewt li ngħata lil Ġesù.”​—2 Korintin 4:10.

9. Liema ġisem huwa rappreżentat mill-​ħobż tat-​Tifkira?

9 Meta stabbilixxa l-​Ikla taʼ fil-​Għaxija tal-​Mulej, Ġesù qal: “Dan il-​ħobż jirrappreżenta ġismi.” (Marku 14:22) Hu kien qed jirreferi għal ġismu letterali, li dalwaqt kellu jiġi msawwat u joħorġulu d-​demm. Il-​ħobż bla ħmira kien simbolu xieraq taʼ dak il-​ġisem. Għala? Għaliex fil-​Bibbja, il-​ħmira tistaʼ tagħti stampa tad-​dnub jew il-​ħażen. (Mattew 16:​4, 11, 12; 1 Korintin 5:​6-8) Ġesù kien perfett, u l-​ġisem uman tiegħu kien bla dnub. Hu kien se joffri dak il-​ġisem perfett bħala sagrifiċċju propizjatorju. (Ebrej 7:26; 1 Ġwanni 2:2) Billi jagħmel hekk, il-​Kristjani leali kollha kienu se jibbenefikaw, kemm jekk kellhom it-​tama taʼ ħajja fis-​sema jew taʼ ħajja taʼ dejjem f’art magħmula ġenna.​—Ġwanni 6:​51.

10. Dawk li jieħdu mill-​inbid tat-​Tifkira b’liema mod jieħdu “sehem mid-​demm tal-​Kristu”?

10 Dwar l-​inbid li l-​Kristjani midlukin jieħdu fit-​Tifkira, Pawlu kiteb: “Il-​kies tal-​barka li nbierku, m’huwiex sehem mid-​demm tal-​Kristu?” (1 Korintin 10:16) Dawk li jieħdu mill-​inbid b’liema mod jieħdu “sehem mid-​demm tal-​Kristu”? Huma żgur li ma tawx sehem mill-​prezz li tħallas għall-​fidwa, ladarba huma nfushom għandhom bżonn il-​fidwa. Permezz tal-​fidi tagħhom fil-​qawwa tal-​fidwa li għandu d-​demm taʼ Kristu, dnubiethom huma maħfura u huma dikjarati ġusti għall-​ħajja fis-​sema. (Rumani 5:​8, 9; Titu 3:​4-7) Huwa permezz tad-​demm imxerred taʼ Kristu li l-​144,000 werriet bi sħab maʼ Kristu huma ‘mqaddsin,’ imwarrbin apparti, imnaddfin mid-​dnub biex ikunu “qaddisin.” (Ebrej 10:29; Danjel 7:​18, 27; Efesin 2:19) Iva, huwa bid-​demm imxerred tiegħu li Kristu ‘xtara għal Alla bnedmin minn kull tribù u lsien u poplu u ġens, u għamilhom saltna u qassisin għal Alla tagħna, u se jsaltnu għal fuq l-​art.’—Rivelazzjoni 5:​9, 10.

11. Il-​midlukin x’jindikaw meta jixorbu l-​inbid tat-​Tifkira?

11 Meta Ġesù inawgura t-​Tifkira taʼ mewtu, u newwel il-​kies taʼ l-​inbid lill-​appostli leali tiegħu, hu qal: “Ixorbu minnu, intom ilkoll; għax dan jirrappreżenta d-​‘demm tiegħi tal-​patt,’ li se jixxerred għal ħafna għall-​maħfra tad-​dnubiet.” (Mattew 26:​27, 28) Bħalma d-​demm tal-​barrin u l-​mogħoż għamel validu l-​patt tal-​Liġi bejn Alla u l-​ġens taʼ Iżrael, id-​demm taʼ Ġesù għamel validu l-​patt il-​ġdid li Ġeħova għamel maʼ Iżrael spiritwali li beda f’Pentekoste tas-​sena 33 E.K. (Eżodu 24:​5-8; Luqa 22:20; Ebrej 9:​14, 15) Billi jixorbu mill-​inbid li jissimbolizza ‘d-​demm tal-​patt,’ il-​midlukin juru li huma ttieħdu fil-​patt il-​ġdid u qed jirċievu l-​benefiċċji tiegħu.

12. Il-​midlukin kif jitgħammdu fil-​mewt taʼ Kristu?

12 Il-​midlukin jiġu mfakkrin ukoll dwar xi ħaġa oħra. Ġesù qal lid-​dixxipli leali tiegħu: “Il-​kies li qed nixrob jien se tixorbuh, u bil-​magħmudija li qed nitgħammed jien se titgħammdu.” (Marku 10:​38, 39) Iktar tard l-​appostlu Pawlu tkellem dwar li l-​Kristjani ‘jitgħammdu f’mewt [Kristu].’ (Rumani 6:​3) Il-​midlukin jgħixu ħajja taʼ sagrifiċċju. Il-​mewt tagħhom hija taʼ sagrifiċċju minħabba li huma jiċċaħħdu minn kull tama taʼ ħajja taʼ dejjem fuq l-​art. Il-​magħmudija taʼ dawn il-​Kristjani midlukin fil-​mewt taʼ Kristu tkun kompluta meta wara li dawn imutu leali, huma jiġu rxoxtati bħala ħlejjaq spirti biex ‘isaltnu flimkien’ maʼ Kristu fis-​sema.​—2 Timotju 2:​10-12; Rumani 6:5; 1 Korintin 15:​42-44, 50.

Sehem mill-​Emblemi

13. Dawk li għandhom tama għall-​art għala ma jiħdux mill-​emblemi tat-​Tifkira, imma għala jattendu t-​Tifkira?

13 Ladarba l-​fatt li wieħed jieħu mill-​ħobż u l-​inbid li jitqassmu fit-​Tifkira jinvolvi dan kollu, ovvjament ma jkunx xieraq għal dawk li għandhom tama għall-​art li jieħdu minnhom. Dawk li għandhom tama għall-​art, jagħrfu li huma nfushom m’humiex membri midlukin tal-​ġisem taʼ Kristu, u lanqas m’huma fil-​patt il-​ġdid li Ġeħova għamel maʼ dawk li se jsaltnu maʼ Ġesù Kristu. Ladarba l-​“kies” jirrappreżenta l-​patt il-​ġdid, dawk li qegħdin fil-​patt il-​ġdid biss jieħdu sehem mill-​emblemi. Dawk li jħarsu ’l quddiem għall-​ħajja taʼ dejjem bħala bnedmin perfetti fuq l-​art taħt is-​Saltna, la huma mgħammdin fil-​mewt taʼ Kristu u lanqas huma msejħin biex jaħkmu miegħu fis-​sema. Jekk dawn jieħdu mill-​emblemi, dan ikun ifisser xi ħaġa li m’hijiex vera dwarhom. Għaldaqstant, huma ma jiħdux sehem, għalkemm xorta jattendu t-​Tifkira biex josservaw bir-​rispett. Huma grati ħafna għal dak kollu li Ġeħova għamel għalihom permezz taʼ Ibnu, fosthom li jestendi maħfra fuq il-​bażi tad-​demm imxerred taʼ Kristu.

14. Il-​midlukin kif jissaħħu spiritwalment meta jieħdu mill-​ħobż u l-​inbid?

14 L-​issiġillar finali taʼ l-​għadd relattivament żgħir taʼ Kristjani msejħin biex jaħkmu maʼ Kristu fis-​sema dalwaqt jitlesta. Sa tmiem il-​ħajja taʼ sagrifiċċju tagħhom fuq l-​art, il-​midlukin jiġu msaħħin spiritwalment meta jieħdu sehem mill-​emblemi tat-​Tifkira. Huma jħossu rabta t’unjoni maʼ ħuthom irġiel u nisa bħala membri tal-​ġisem taʼ Kristu. Is-​sehem li jieħdu mill-​ħobż u l-​inbid taʼ l-​emblemi jfakkarhom fir-​responsabbiltà tagħhom biex jibqgħu leali sal-​mewt.​—2 Pietru 1:​10, 11.

Jinġabar “Kulma Hemm fuq l-​Art”

15. Min ngħaqad fuq in-​naħa tal-​Kristjani midlukin?

15 Minn nofs is-​snin tletin ’l hawn, għadd li dejjem jikber taʼ “nagħaġ oħrajn,” li m’humiex mill-​“merħla żgħira” u li t-​tama tagħhom hija ħajja taʼ dejjem fuq l-​art, ngħaqdu mal-​midlukin biex jgħinuhom. (Ġwanni 10:16; Luqa 12:32; Żakkarija 8:23) Huma saru l-​uħud leali taʼ ħut Kristu, billi bdew jagħtu għajnuna siewja fl-​ippridkar taʼ “din l-​aħbar tajba tas-​saltna” biex tingħata xiehda lill-​ġnus kollha. (Mattew 24:14; 25:40) Minħabba li għamlu hekk, huma għandhom l-​opportunità li jaqilgħu l-​favur taʼ Kristu bħala n-​“nagħaġ” tiegħu, impoġġijin b’approvazzjoni fuq “il-​lemin tiegħu” meta jiġi biex jiġġudika l-​ġnus. (Mattew 25:​33-​36, 46) Permezz tal-​fidi tagħhom fid-​demm taʼ Kristu, huma jifformaw il-​“folla kbira,” li se tgħaddi ħajja “mit-​tribulazzjoni l-​kbira.”​—Rivelazzjoni 7:​9-14.

16. Lil min jinkludi “kulma hemm fuq l-​art,” u dawn kollha kif se jkollhom l-​opportunità li jsiru “wlied Alla”?

16 Meta jseħħ l-​issiġillar finali tal-​144,000, l-​“irjieħ” tal-​qerda se jiġu mitluqin kontra s-​sistema mill-​agħar taʼ Satana fuq l-​art. (Rivelazzjoni 7:​1-4) Matul ir-​Renju t’Elf Sena taʼ Kristu u sħabu s-​slaten u qassisin, mal-​folla kbira se jingħaqad għadd mhux magħruf taʼ wħud irxoxtati. (Rivelazzjoni 20:​12, 13) Dawn se jkollhom l-​opportunità li jsiru sudditi permanenti fuq l-​art tas-​Sultan Messjaniku, Ġesù Kristu. Fi tmiem ir-​Renju Millennjali, “kulma hemm fuq l-​art” se jgħaddi minn test finali. Dawk li juru li huma leali se jiġu adottati bħala “wlied Alla.”​—Efesin 1:10; Rumani 8:21; Rivelazzjoni 20:​7, 8.

17. L-​iskop taʼ Ġeħova kif se jitwettaq?

17 Għalhekk, permezz tal-​mod tiegħu kif imexxi l-​affarijiet, jew l-​“amministrazzjoni” għaqlija b’mod infinit, Ġeħova se jkun wettaq l-​iskop tiegħu li “jerġaʼ jiġbor kollox flimkien fil-​Kristu, kulma hemm fis-​smewwiet u kulma hemm fuq l-​art.” Il-​ħlejjaq intelliġenti kollha fis-​sema u fuq l-​art ikunu nġabru flimkien fil-​paċi universali, sottomessi bil-​ferħ lejn is-​sovranità ġusta taʼ Ġeħova, l-​Alla Grandjuż li jwettaq l-​iskopijiet tiegħu.

18. Il-​midlukin kif ukoll sħabhom kif se jibbenefikaw milli jattendu t-​Tifkira?

18 Kemm se tkun okkażjoni li ssaħħaħ il-​fidi għall-​għadd żgħir taʼ wħud midlukin u l-​miljuni taʼ nagħaġ oħrajn li jinġabru flimkien fit-​12 t’April, 2006! Huma se josservaw it-​Tifkira tal-​mewt taʼ Kristu, bħalma kkmanda Ġesù: “Ibqgħu agħmlu dan b’tifkira tiegħi.” (Luqa 22:19) Dawk kollha li jattendu għandhom jiftakru dak li Ġeħova għamel għalihom permezz taʼ Ibnu l-​għażiż, Kristu Ġesù.

Bħala Reviżjoni

• X’inhu l-​iskop taʼ Ġeħova għal kulma hemm fis-​smewwiet u fuq l-​art?

• Min huma “kulma hemm fis-​smewwiet,” u dawn kif inġabru?

• Min huma “kulma hemm fuq l-​art,” u liema tama għandhom?

[Kaxxa f’paġna 23]

“Il-​Ġisem tal-​Kristu”

Fl-​1 Korintin 10:​16, 17, meta Pawlu kien qed jiddiskuti l-​importanza tal-​ħobż għal ħut Kristu midlukin bl-​ispirtu, hu semma l-​“ġisem” b’sens speċjali. Hu qal: “Il-​ħobża li naqsmu, m’hijiex sehem mill-​ġisem tal-​Kristu? Peress li hemm ħobża waħda, aħna ġisem wieħed, għalkemm ħafna, għax ilkoll qed nieklu minn din il-​ħobża waħda.” Meta wħud midlukin jieħdu mill-​ħobż tat-​Tifkira, huma jiddikjaraw l-​unità tagħhom fil-​kongregazzjoni taʼ wħud midlukin, li hija bħal ġisem bi Kristu bħala l-​Kap.​—Mattew 23:10; 1 Korintin 12:​12, 13, 18.

[Stampi f’paġna 23]

Għala l-​midlukin biss jieħdu mill-​ħobż u l-​inbid?

[Stampa f’paġna 25]

Permezz taʼ l-​amministrazzjoni taʼ Ġeħova, il-​ħlejjaq kollha fis-​sema u fuq l-​art se jkunu magħqudin

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja