Tibżax—Ġeħova Qiegħed Miegħek!
IKTAR minn 50 sena ilu, ftit wara li splodew l-ewwel bombi nukleari, Harold C. Urey, xjenzat li rebaħ il-Premju Nobel, qal dan dwar il-futur: “Aħna se nieklu l-biżaʼ, norqdu fil-biżaʼ, ngħixu fil-biżaʼ u mmutu fil-biżaʼ.” Tabilħaqq, illum id-dinja tagħna hi miżgħuda bil-biżaʼ, u mhux taʼ b’xejn! Kuljum, gazzetti jannunzjaw rakkonti tal-waħx dwar terroriżmu, kriminalità vjolenti, u mard misterjuż.
Bħala Kristjani, aħna nafu xi jfissru dawn il-kundizzjonijiet. Jindikaw li qed ngħixu “fl-aħħar jiem” taʼ din is-sistema mill-agħar, li l-Bibbja bassret li kienu se jkunu identifikati minn “żminijiet kritiċi li diffiċli biex issib tarfhom.” (2 Timotju 3:1) Il-fiduċja tagħna tiżdied minħabba l-fatt li Alla Ġeħova dalwaqt se jġib dinja ġdida fejn tgħammar il-ġustizzja. (2 Pietru 3:13) Però, għandna aħna bħala Kristjani nħossuna beżgħanin?
Il-Biżaʼ u l-Qaddejja t’Alla
Ġakobb, David, u Elija kienu fost il-qaddejja taʼ Ġeħova li esperjenzaw ċertu ammont taʼ biżaʼ meta ffaċċjaw sitwazzjonijiet perikolużi. (Ġenesi 32:6, 7; 1 Samwel 21:11, 12; 1 Slaten 19:2, 3) Dawn l-irġiel ma kinux neqsin mill-fidi. Għall-kuntrarju, huma straħu kompletament f’Ġeħova. Minkejja dan, Ġakobb, David, u Elija kienu umani; għalhekk kienu influwenzati mill-biżaʼ. Id-dixxiplu Ġakbu kiteb: “Elija kien raġel b’sentimenti bħal tagħna.”—Ġakbu 5:17.
Aħna wkoll forsi nħossuna mbeżżgħin hekk kif naħsbu dwar xi ostaklu li qed niffaċċjaw issa jew wieħed li forsi se niltaqgħu miegħu fil-futur. Biżaʼ bħal dan huwa raġunevoli. Wara kollox, il-Bibbja tgħid li Satana x-Xitan huwa determinat li “jiggwerra kontra” dawk “li josservaw il-kmandamenti t’Alla u li għandhom ix-xogħol li jixhdu dwar Ġesù.” (Rivelazzjoni 12:17) Filwaqt li dan il-kliem japplika speċifikament għall-Kristjani midlukin, Pawlu kiteb: “Kulmin jixtieq jgħix bid-devozzjoni lejn Alla fi sħubija maʼ Kristu Ġesù jkun persegwitat ukoll.” (2 Timotju 3:12) Minkejja dan, il-biżaʼ m’għandux jipparalizzana meta niffaċċjaw il-problemi. Għala?
‘Alla li Jsalva’
Is-salmista David kiteb: “Alla tagħna hu Alla li jsalvana.” (Salm 68:21 [68:20, NW]) Darba wara l-oħra Ġeħova wera l-abbiltà tiegħu li jsalva lill-poplu tiegħu, jew billi ħelishom minn sitwazzjonijiet perikolużi jew billi tahom is-saħħa biex jissaportu. (Salm 34:18 [34:17, NW]; Danjel 6:22; 1 Korintin 10:13) Mill-istudju tiegħek tal-Bibbja, kemm tistaʼ tiftakar minn dawn l-atti taʼ salvazzjoni?
Permezz tal-Watch Tower Publications Index,a għala ma tagħmilx xi riċerka dwar xi wħud minn dawn il-ġrajjiet li seħħew, bħad-Dilluvju fi żmien Noè, il-ħelsien taʼ Lot u l-bniet tiegħu minn Sodoma u Gomorra, l-Eżodu taʼ Iżrael mill-Eġittu u l-vjaġġ mill-Baħar l-Aħmar, jew il-pjan li falla taʼ Ħaman biex jeqred lil-Lhud? Jekk taqra u timmedita fuq dawn ir-rakkonti eċċitanti, il-fidi tiegħek se tissaħħaħ minħabba l-fatt li Ġeħova hu Alla li jsalva. Imbagħad dan se jgħinek tiffaċċja l-provi tal-fidi tiegħek mingħajr biżaʼ.
Eżempji Moderni
Tistaʼ taħseb f’eżempji moderni taʼ wħud li wrew is-sabar fil-post fejn tgħix int? Forsi xi ħadd li ġie mitfugħ il-ħabs minħabba li baqaʼ leali lejn Alla. Forsi taf b’xi Kristjan imdaħħal fiż-żmien li qed jaqdi lil Ġeħova minkejja saħħa batuta. Jew aħseb f’żgħażagħ li qed jibqgħu separati mid-dinja minkejja pressjoni kbira minn sħabhom taʼ l-iskola. Imbagħad hemm ġenituri li mingħajr sieħeb jew sieħba qed irabbu t-tfal, jew uħud mhux miżżewġin li qed jaqdu lil Ġeħova minkejja sentimenti taʼ solitudni. X’titgħallem minn dawn l-uħud? Il-fatt li taħseb dwar il-lealtà tagħhom jistaʼ jgħinek tistabar u ma tibżax minkejja l-provi li għandek mnejn tiffaċċja.
In-nuqqas taʼ biżaʼ huwa bżonnjuż mhux biss jekk niffaċċjaw l-oppożizzjoni u l-persekuzzjoni, imma wkoll jekk nibdew niddubitaw fl-imħabba li Ġeħova għandu għalina. Hemm bżonn li nikkultivaw fiduċja li l-fidwa taʼ Kristu tapplika għalina bħala individwi. (Galatin 2:20) Imbagħad inkunu nistgħu nersqu lejn Ġeħova mingħajr ma nħossu biżaʼ jew twerwir mhux xieraq. Jekk inħossu li ma jixirqilniex l-imħabba taʼ Ġeħova, nistgħu nirriflettu fuq il-kliem taʼ Ġesù lis-segwaċi tiegħu: “Ma jinbigħux żewġ għasafar tal-bejt għal munita taʼ valur żgħir? Iżda lanqas wieħed minnhom ma jaqaʼ fl-art mingħajr ma jkun jaf Missierkom. Għax saħansitra x-xagħar taʼ raskom kollu hu magħdud. Għalhekk tibżgħux: intom tiswew iktar minn ħafna għasafar tal-bejt.”—Mattew 10:29-31.
Ir-rivisti tat-Torri taʼ l-Għassa u Stenbaħ! spiss jippubblikaw esperjenzi taʼ Xhieda taʼ Ġeħova fi żmienna li ffaċċjaw sfidi bla biżaʼ. Dan ma jfissirx li ma kellhomx emozzjonijiet negattivi dwar is-sitwazzjoni diffiċli tagħhom. Imma ma ħallewx lil dawn is-sentimenti jġagħluhom jieqfu milli jaqdu lil Ġeħova. Ir-rakkonti pubblikati tagħhom jistgħu jgħinuk tistabar bla biżaʼ wkoll. Ikkunsidra żewġ eżempji.
Inċident Biddillu Ħajtu
Il-ħarġa taʼ Stenbaħ! tat-8 taʼ Mejju, 2003, kien fiha l-artiklu “Kif Inċident Biddilli Ħajti.” Fih, Stanley Ombeva, wieħed mix-Xhieda taʼ Ġeħova fil-Kenja, isemmi l-isfidi li ffaċċja minħabba li laqtitu karozza li kienet għaddejja b’veloċità kbira. Hekk kif saħħtu marret għall-agħar, hu tilef l-impjieg tiegħu u l-benefiċċji kollha. Ħuna Ombeva jammetti fir-rakkont tiegħu: “Hekk kif bdejt nifhem sewwa r-realtà tas-sitwazzjoni tiegħi, sirt negattiv, moħħni fija nnifsi, u kollox beda jdejjaqni. Kultant kont inkun irrabjat u niħodha kontra kulħadd.” Minkejja s-sitwazzjoni tiegħu, dan ir-raġel Kristjan wera l-kuraġġ. Ma ħalliex li d-diżappunt jegħlbu u jġagħlu jaqtaʼ qalbu għalkollox. Minflok, hu straħ fuq Ġeħova. Ħuna Ombeva qal: “Hu dejjem għenni f’dak li kont għaddej minnu—tant li xi drabi kont nitkaża bija nnifsi. Għamilt ukoll wegħda soda miegħi nnifsi li naqra u nimmedita fuq skritturi li kont naf li huma inkuraġġanti għas-sitwazzjoni tiegħi.”
Il-kummenti sinċieri taʼ Ħuna Ombeva għenu lil ħafna oħrajn biex b’nuqqas taʼ biżaʼ jistabru fil-provi. Oħt Kristjana kitbet: “Bkejt meta qrajt dan l-artiklu. Ħassejt li permezz taʼ dan l-artiklu Ġeħova kien qed juri mħabba u interess ġenwin fija u kien qed jagħtini l-faraġ.” Xhud ieħor kiteb: “Artikli bħal dawn jagħtu faraġ kbir lil dawk l-uħud minna li qed jesperjenzaw sitwazzjonijiet simili u li qed isofru mingħajr ma jgergru.”
Inkampaw maʼ Niket Emozzjonali
Esperjenza sabiħa oħra hija dik taʼ Herbert Jennings, rakkontata fl-artiklu “Intom Ma Tafux X’Għad Isir Għada.”b Ħuna Jennings ikampa bil-marda bipolar disorder (diżordni b’żewġ estremi fil-burdata). Hekk kif irrifletta fuq l-ewwel xhur tal-marda tiegħu, hu jgħid: “Kienet verament taqtigħa kbira biex sempliċi nattendi l-laqgħat Kristjani. Madankollu, kont assolutament konvint mill-valur taʼ sħubija spiritwali. Biex ma nbatix iżżejjed, kont nidħol fis-Sala tas-Saltna wara li kulħadd ikun daħal u qagħad bil-qiegħda, u kont nitlaq preċiż qabel jibda jqum kulħadd fi tmiem il-programm.”
L-ippridkar kien diffiċli wkoll. Ħuna Jennings jirrakkonta: “Xi drabi, anki wara li nkun wasalt quddiem xi dar, ma kontx inkun nistaʼ nasal sal-punt li nċempel il-qanpiena. Imma ma kontx nitlaq għax kont nirrealizza li l-ministeru tagħna jfisser salvazzjoni għalina u għal kulmin iwieġeb b’mod favorevoli. (1 Timotju 4:16) Wara xi ftit, kien jirnexxili nikkontrolla l-emozzjonijiet tiegħi, navviċina l-bieb li jkun imiss u nerġaʼ nipprova. Billi bqajt nieħu sehem fil-ministeru, żammejt ruħi f’saħħti spiritwalment, u b’hekk kont iktar kapaċi nkampa.”
Ir-rakkont sinċier taʼ Ħuna Jennings għen lil ħafna qarrejja jiffaċċjaw in-niket tagħhom bl-istess nuqqas taʼ biżaʼ. Per eżempju, waħda oħt Kristjana kitbet: “Fit-28 sena li ilni naqra r-rivisti tat-Torri taʼ l-Għassa u Stenbaħ!, qatt ma ħassejtni daqshekk imqanqla bħalma ħassejtni meta qrajt dan l-artiklu. Kelli nieqaf mis-servizz full-time tiegħi u ħassejtni ħatja ħafna, ħassejt li kieku kelli iktar fidi kien jirnexxili nkompli. Meta qrajt kif Ħuna Jennings kellu jieqaf mill-inkarigu tiegħu biex jieħu ħsieb il-marda tiegħu stajt inħares lejn is-sitwazzjoni tiegħi b’mod iktar bilanċjat. Din tassew kienet tweġiba għat-talb tiegħi!”
B’mod simili, ħu Kristjan kiteb: “Wara li qdejt bħala anzjan fil-kongregazzjoni għal għaxar snin, kelli nieqaf mill-inkarigu tiegħi minħabba marda mentali. Tant kemm ħassejtni fallejt li spiss kien dipressanti għalija li naqra bijografiji, li spiss jirrakkontaw affarijiet straordinarji li wettqu l-qaddejja taʼ Ġeħova. Imma l-perseveranza taʼ Ħuna Jennings saħħitni ħafna. Qrajt l-artiklu diversi drabi.”
Nimxu ’l Quddiem b’Fiduċja
Bħal Ħuna Ombeva u Ħuna Jennings, ħafna mix-Xhieda taʼ Ġeħova jkomplu mingħajr biżaʼ jaqdu lil Alla Ġeħova minkejja ostakli diffiċli. Jekk int wieħed jew waħda minnhom, int taʼ min ifaħħrek. Kun ċert minn dan: “Alla mhux inġust biex jinsa għemilkom u l-imħabba li wrejtu għal ismu, peress li qdejtu lill-qaddisin u għadkom taqduhom.”—Ebrej 6:10.
Eżatt bħalma Ġeħova għen lill-poplu leali tiegħu tal-qedem biex jegħleb l-għadu tiegħu, hu jistaʼ jgħinek tikseb rebħa fuq kwalunkwe ostaklu li tistaʼ tiffaċċja. Għalhekk, naqqax f’qalbek il-kliem li Ġeħova qal permezz tal-profeta Isaija: “La tibżax, għax miegħek jien! La titħassibx, għax Alla tiegħek jien! Jiena nwettqek, jien ngħinek; nwieżnek bil-leminija rebbieħa tiegħi!”—Isaija 41:10.
[Noti taʼ taħt]
a Pubblikat mix-Xhieda taʼ Ġeħova.
[Stampi f’paġna 16]
Bħal Stanley Ombeva (fuq) u Herbert Jennings (lemin), ħafna qed jaqdu lil Ġeħova bla biżaʼ
[Stampa f’paġna 14]
Ritratt USAF