LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w06 8/1 pp. 21-25
  • Kun Għaref—Ibżaʼ minn Alla!

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Kun Għaref—Ibżaʼ minn Alla!
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2006
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Nitgħallmu Nibżgħu minn Ġeħova
  • Niffaċċjaw il-​Problemi bil-​Biżaʼ minn Alla
  • Meta Kien Hemm Nuqqas taʼ Biżaʼ minn Alla
  • Il-​Biżaʼ minn Alla Jżommna ’l Bogħod mid-​Dnub
  • Ibżaʼ minn Ġeħova—Kun Hieni!
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2006
  • Gawdi l-Ħajja fil-Biżaʼ taʼ Ġeħova
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2007
  • Żviluppa lil Qalbek Biex Tibżaʼ minn Jehovah
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2001
  • “Għallimni Nagħmel ir-Rieda Tiegħek”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2012
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2006
w06 8/1 pp. 21-25

Kun Għaref​—Ibżaʼ minn Alla!

“Il-​biżaʼ tal-​Mulej hu l-​bidu taʼ l-​għerf.”​—PROVERBJI 9:​10.

1. Għaliex ħafna jsibu li l-​konċett tal-​biżaʼ minn Alla huwa diffiċli biex tifhmu?

KIEN hemm żmien meta kien jitqies bħala kumpliment li tiddeskrivi lil xi ħadd bħala li jibżaʼ minn Alla. Illum, ħafna jsibu li l-​konċett tal-​biżaʼ minn Alla hu antikwat u diffiċli biex tifhmu. Xi wħud jistgħu jistaqsu: ‘Jekk Alla hu mħabba, għaliex għandi nibżaʼ minnu?’ Għalihom, il-​biżaʼ hu sentiment negattiv, saħansitra taʼ twerwir. Madankollu, il-​veru biżaʼ minn Alla għandu iktar tifsir, u kif se naraw, dan m’huwiex biss sentiment jew emozzjoni.

2, 3. Il-​biżaʼ veru minn Alla x’jinkludi?

2 Kif insibuh fil-​Bibbja, il-​biżaʼ minn Alla huwa karatteristika mixtieqa. (Isaija 11:3) Dan hu riverenza profonda u rispett kbir lejn Alla, xewqa qawwija li ma tiddiżappuntahx. (Salm 115:11) Dan jinkludi li wieħed jaċċetta u jaqbad qabda soda mal-​livelli morali t’Alla u jkollu xewqa li jgħix fi qbil maʼ dak li Alla jgħid li hu tajjeb jew ħażin. Xogħol wieħed taʼ referenza jgħid li biżaʼ xieraq bħal dan jesprimi “attitudni fundamentali lejn Alla li twassal għal aġir għaqli u skansar minn kull forma taʼ ħażen.” B’mod xieraq, il-​Kelma t’Alla tgħidilna: “Il-​biżaʼ tal-​Mulej hu l-​bidu taʼ l-​għerf.”​—Proverbji 9:10.

3 Tabilħaqq, il-​biżaʼ minn Alla huwa relatat maʼ bosta aspetti taʼ l-​attivitajiet umani. Mhux biss huwa relatat maʼ l-​għerf iżda wkoll maʼ l-​hena, il-​paċi, il-​prosperità, l-​għomor twil, it-​tama, u l-​fiduċja. (Salm 2:​11; Proverbji 1:7; 10:27; 14:26; 22:4; 23:​17, 18; Atti 9:​31) Huwa relatat mill-​qrib mal-​fidi u l-​imħabba. Fil-​fatt, dan jinvolvi r-​relazzjoni kollha tagħna m’Alla u maʼ bnedmin oħrajn. (Dewteronomju 10:12; Ġob 6:​14; Ebrej 11:7) Il-​biżaʼ minn Alla jinkludi l-​konvinzjoni soda li Missierna tas-​sema jimpurtah personalment minna u huwa lest li jaħfrilna n-​nuqqasijiet tagħna. (Salm 130:4) L-​uħud mill-​agħar li ma jindmux biss għandhom iħossuhom imbeżżgħin quddiem Alla.a​—Ebrej 10:​26-​31.

Nitgħallmu Nibżgħu minn Ġeħova

4. X’jistaʼ jgħinna nitgħallmu ‘nibżgħu mill-​Mulej’?

4 Peress li l-​biżaʼ minn Alla hu essenzjali biex nieħdu deċiżjonijiet għaqlin u nirċievu l-​barkiet minn Alla, kif nistgħu ‘nitgħallmu nibżgħu mill-​Mulej’ b’mod xieraq? (Dewteronomju 17:19) Fl-​Iskrittura nsibu ħafna eżempji “għall-​istruzzjoni tagħna” taʼ rġiel u nisa li kellhom il-​biżaʼ minn Alla. (Rumani 15:4) Biex niġu megħjunin nifhmu xi jfisser tassew il-​biżaʼ minn Alla, ejja nirriflettu fuq il-​ħajja taʼ wieħed minn dawn l-​eżempji, is-​Sultan David taʼ Iżrael tal-​qedem.

5. Ix-​xogħol taʼ ragħaj kif għen lil David jitgħallem dwar il-​biżaʼ minn Ġeħova?

5 Ġeħova ċaħad lil Sawl, l-​ewwel sultan taʼ Iżrael, minħabba l-​biżaʼ tiegħu min-​nies u n-​nuqqas taʼ biżaʼ minn Alla. (1 Samwel 15:​24-​26) Mill-​banda l-​oħra, il-​ħajja taʼ David u r-​relazzjoni intima tiegħu maʼ Ġeħova tidentifikah bħala raġel li verament kellu l-​biżaʼ minn Alla. Sa minn ċkunitu David spiss kien ikun barra jirgħa n-​nagħaġ taʼ missieru. (1 Samwel 16:11) Il-​bosta ljieli li David kien iqattaʼ taħt sema kollu stilel għenuh jifhem il-​biżaʼ minn Alla. Għalkemm David setaʼ jifhem biss parti żgħira mill-​kobor taʼ l-​univers, hu wasal għall-​konklużjoni t-​tajba​—Alla jistħoqqlu r-​rispett u l-​qima tagħna. Iktar tard, hu kiteb: “Nħares lejn is-​smewwiet, għemil subgħajk, il-​qamar u l-​kwiekeb li int qegħedt fihom! X’inhu l-​bniedem biex tiftakar fih, bin il-​bniedem, biex taħseb fih?”​—Salm 8:​4, 5 (8:​3, 4, NW).

6. Kif ħassu David meta osserva l-​kobor taʼ Ġeħova?

6 Bix-​xieraq, David kien mistagħġeb meta qabbel iċ-​ċokon tiegħu mal-​kobor tas-​sema kollu stilel. Minflok ma beżżgħu, dan l-​għarfien qanqlu biex ifaħħar lil Ġeħova u jgħid: “Is-​smewwiet ixandru l-​glorja taʼ Alla, għemil idejh tħabbar il-​firxa tas-​sema.” (Salm 19:2 [19:​1, NW]) Din ir-​riverenza għal Alla ressqet lil David eqreb lejn Ġeħova u qanqlet lil David ikollu r-​rieda biex jitgħallem u jimxi wara l-​mogħdijiet perfetti Tiegħu. Immaġina kif ħassu David meta kanta lil Ġeħova: “Għax kbir int, u għemejjel taʼ l-​għaġeb tagħmel; int waħdek Alla! Urini, Mulej, triqatek, biex nimxi fis-​sewwa tiegħek; agħtini qalb waħda, biex ikolli l-​biżaʼ taʼ ismek.”​—Salm 86:​10, 11.

7. Il-​biżaʼ minn Alla kif għen lil David jiġġieled kontra Gulija?

7 Meta l-​Filistin invadew l-​art taʼ Iżrael, l-​iġgant tagħhom Gulija, li kien twil disaʼ piedi u nofs, ċanfar lill-​Iżraelin billi qalilhom: “Agħżlu issa bniedem u jinżel għalija. Jekk għandu l-​ħila jitqabad miegħi u joqtolni, aħna nsiru lsiera tagħkom.” (1 Samwel 17:​4-​10) Sawl u l-​eżerċtu kollu tiegħu kienu mbeżżgħin​—iżda David ma kienx. Hu kien jaf li ried jibżaʼ minn Ġeħova u mhux mill-​bniedem, minkejja kemm dan setaʼ kien b’saħħtu. “Jien ġejt għalik b’isem il-​Mulej taʼ l-​eżerċti,” David qal lil Gulija, “u din il-​kotra tagħraf illi l-​Mulej ma jsalvax bix-​xabla jew bil-​lanza; għax il-​gwerra f’idejn il-​Mulej.” Bl-​iżbandola tiegħu u b’ċagħqa waħda​—u bl-​għajnuna taʼ Ġeħova​—David qatel lill-​iġgant.​—1 Samwel 17:​45-​47.

8. X’jgħallmuna l-​eżempji mill-​Bibbja taʼ wħud li għandhom il-​biżaʼ minn Alla?

8 Jistaʼ jkun li aħna niffaċċjaw ostakli jew għedewwa diffiċli bħal dawk li ffaċċja David. X’nistgħu nagħmlu? Nistgħu nittrattaw magħhom bl-​istess mod li ttrattaw magħhom David u wħud leali oħra tal-​qedem​—bil-​biżaʼ minn Alla. Il-​biżaʼ minn Alla jistaʼ jegħleb il-​biżaʼ mill-​bniedem. Neħemija, qaddej leali t’Alla, ħeġġeġ lill-​Iżraelin sħabu, li kienu taħt pressjoni mill-​opponenti billi qalilhom: “La tibżgħux minnhom. Ftakru fis-​Sid, li hu kbir u tal-​biżaʼ.” (Neħemija 4:​14, KŻ ) Bl-​appoġġ taʼ Ġeħova, David, Neħemija, u qaddejja leali oħra t’Alla rnexxielhom iwettqu l-​inkarigi tagħhom mogħtijin minn Alla. Bil-​biżaʼ minn Alla, aħna nistgħu nirnexxu wkoll.

Niffaċċjaw il-​Problemi bil-​Biżaʼ minn Alla

9. David f’liema ċirkustanzi wera li kellu l-​biżaʼ minn Alla?

9 Wara li David qatel lil Gulija, Ġeħova tah iżjed rebħiet. Iżda l-​għajjur Sawl ipprova joqtol lil David​—l-​ewwel b’aġir spontanju, imbagħad b’ħażen, u fl-​aħħar b’eżerċtu sħiħ. Għalkemm Ġeħova kien żgura lil David li hu kellu jkun sultan, għal ħafna snin David kellu jaħrab, jiġġieled, u jistenna l-​waqt li Ġeħova jagħmlu sultan. Matul dan kollu, David wera li hu kellu biżaʼ mill-​Alla l-​veru.​—1 Samwel 18:​9, 11, 17; 24:3 (24:​2, NW).

10. David kif wera li kellu l-​biżaʼ minn Alla meta ġie wiċċ imbwiċċ mal-​periklu?

10 F’okkażjoni minnhom, David fittex rifuġju għand Akis, sultan tal-​belt Filistea taʼ Gatt, minfejn kien ġej Gulija. (1 Samwel 21:​11-​16 [21:​10-​15, NW]) Il-​qaddejja tas-​sultan akkużaw lil David bħala għadu tal-​ġens tagħhom. David kif irreaġixxa f’din is-​sitwazzjoni taʼ periklu? Hu fetaħ qalbu maʼ Ġeħova fit-​talb. (Salm 56:​2-5, 12-​14 [56:​1-4, 11-​13, NW]) Għalkemm hu kellu jagħmilha taʼ miġnun biex jaħrab, David kien jaf li fir-​realtà Ġeħova kien il-​wieħed li ħelsu billi bierek l-​isforzi tiegħu. Il-​fiduċja b’qalb sħiħa li kellu David f’Ġeħova u l-​fidi qawwija fih urew li David verament kellu l-​biżaʼ minn Alla.​—Salm 34:​5-7, 10-​12 (34:​4-6, 9-​11, NW).

11. Kif nistgħu nuru l-​biżaʼ minn Alla meta niġu mġarrbin, bħalma għamel David?

11 Bħal David, aħna nistgħu nuru li għandna l-​biżaʼ minn Alla billi nafdaw fil-​wegħda tiegħu li jgħinna nkampaw mal-​problemi tagħna. “Erħi fil-​Mulej it-​triq tiegħek, afda fih, u jagħmel hu,” qal David. (Salm 37:5) Dan ma jfissirx li aħna sempliċement inħallu l-​problemi tagħna f’idejn Ġeħova mingħajr ma nagħmlu dak li nistgħu dwarhom u nistennew li jsolvihomlna hu. David ma talabx lil Alla għall-​għajnuna u mbagħad qagħad b’idejh marbuta. Hu uża l-​abbiltajiet fiżiċi u intelletwali li tah Ġeħova u ttratta l-​problema li kellu. Madankollu, David kien jaf li l-​isforzi tal-​bniedem waħedhom ma jwasslux għas-​suċċess. L-​istess għandu jkun għalina. Meta nagħmlu dak kollu li nistgħu, għandna nħallu l-​bqija f’idejn Ġeħova. Fil-​fatt, spiss ma jkun hemm xejn x’nistgħu nagħmlu ħlief li nistrieħu fuq Ġeħova. Dan huwa l-​waqt biex nuru l-​biżaʼ minn Alla b’mod persunali. Nistgħu nsibu faraġ fl-​espressjoni taʼ David li qal minn qalbu: “Midħla l-​Mulej taʼ dawk li jibżgħu minnu.”​—Salm 25:14.

12. Għaliex għandna bżonn nieħdu t-​talb tagħna bis-​serjetà, u liema attitudni m’għandu qatt ikollna?

12 Għalhekk, aħna rridu nieħdu t-​talb u r-​relazzjoni tagħna m’Alla bis-​serjetà. Meta mmorru quddiem Ġeħova, għandna ‘nemmnu li hu jeżisti u li jippremja lil dawk li jfittxuh bil-​ħeġġa.’ (Ebrej 11:6; Ġakbu 1:​5-8) U meta jgħinna, irridu ‘nuru li aħna grati,’ bħalma tana l-​parir l-​appostlu Pawlu. (Kolossin 3:​15, 17) M’għandna qatt inkunu bħal dawk deskritti minn wieħed Kristjan midluk taʼ l-​esperjenza li qal: “Huma jaħsbu li Alla qisu xi wejter fis-​sema. Meta jkollhom bżonn xi ħaġa, ikunu jridu jfaqqgħu subgħajhom u jirċievu tweġiba fil-​pront mingħand Alla. U meta jieħdu dak li jridu, ikunu jriduh jitlaq ’l hemm.” Attitudni bħal din tikxef nuqqas taʼ biżaʼ minn Alla.

Meta Kien Hemm Nuqqas taʼ Biżaʼ minn Alla

13. David meta naqas li juri rispett lejn il-​Liġi t’Alla?

13 Meta David esperjenza l-​għajnuna taʼ Ġeħova fin-​niket tiegħu, hu kabbar il-​biżaʼ minn Alla u saħħaħ il-​fiduċja tiegħu fih. (Salm 31:​23-​25 [31:​22-​24, NW]) Madankollu, fi tliet okkażjonijiet sinifikanti, David naqas li juri l-​biżaʼ minn Alla u dan wassal għal konsegwenzi serji. L-​ewwel okkażjoni involviet it-​tħejjijiet biex tinġarr l-​arka tal-​patt taʼ Ġeħova lejn Ġerusalemm fuq karru minflok fuq spallejn il-​Leviti, kif kienet tgħid il-​Liġi t’Alla. Meta Għużża, li kien qed imexxi l-​karru, qabad l-​Arka biex iżommha soda, hu miet fuq il-​post minħabba “l-​għemil tiegħu bla rispett.” (NW) Iva, Għużża dineb serjament, madankollu fl-​aħħar mill-​aħħar, kien in-​nuqqas taʼ rispett xieraq li wera David lejn il-​Liġi t’Alla li kkaġuna dan ir-​riżultat traġiku. Li tibżaʼ minn Alla jfisser li tagħmel l-​affarijiet skond l-​arranġament tiegħu.​—2 Samwel 6:​2-9; Numri 4:​15; 7:9.

14. X’ġara wara li David għadd lill-​Iżraelin?

14 Iktar tard, imħajjar minn Satana, David għadd il-​gwerriera taʼ Iżrael. (1 Kronaki 21:1) Billi għamel hekk, David wera nuqqas taʼ biżaʼ minn Alla u dan irriżulta fil-​mewt taʼ 70,000 Iżraeli. Għalkemm David nidem quddiem Ġeħova, hu u dawk taʼ madwaru batew bil-​kbir.​—2 Samwel 24:​1-​16.

15. X’wassal lil David jaqaʼ fi dnub sesswali?

15 Nuqqas temporanju ieħor tal-​biżaʼ minn Alla wassal lil David għal relazzjoni immorali maʼ Batseba, il-​mara t’Urija. David kien jaf li l-​adulterju jew saħansitra x-​xewqa għall-​mara taʼ ħaddieħor kien ħażin. (Eżodu 20:​14, 17) Il-​problema bdiet meta David lemaħ lil Batseba tinħasel. Il-​biżaʼ xieraq minn Alla kellu jqanqal lil David biex fil-​pront idawwar wiċċu u ħsibijietu fuq xi ħaġa oħra. Minflok, David ‘baqaʼ jħares’ lejha sakemm il-​passjoni għelbet il-​biżaʼ tiegħu minn Alla. (Mattew 5:​28; 2 Samwel 11:​1-4) David nesa li Ġeħova kien involut f’kull aspett taʼ ħajtu.​—Salm 139:​1-7.

16. X’konsegwenzi kellu jbati David għall-​għemejjel ħżiena tiegħu?

16 Mir-​relazzjoni immorali bejn David u Batseba twieled iben. Ftit wara, Ġeħova bagħat lil Natan, il-​profeta tiegħu, biex jikxef id-​dnub taʼ David. Meta ġie f’sensih, David reġaʼ kiseb il-​biżaʼ minn Alla u nidem. Hu talab lil Ġeħova bil-​ħrara biex la jitilqu u lanqas ineħħi l-​ispirtu qaddis Tiegħu minn fuqu. (Salm 51:​9, 13 [51:​7, 11, NW]) Ġeħova ħafer lil David u taffielu l-​kastig, iżda Hu ma pproteġiex lil David mill-​konsegwenzi koroh kollha taʼ l-​għemejjel tiegħu. Iben David miet, u minn dakinhar ’il quddiem waqgħu fuq il-​familja tiegħu traġedji u uġigħ taʼ qalb. Xi prezz għoli kellu jħallas għan-​nuqqas taʼ biżaʼ minn Alla!​—2 Samwel 12:​10-​14; 13:​10-​14; 15:14.

17. Iddeskrivi l-​uġigħ taʼ qalb li jġibu magħhom għemejjel midinba.

17 Bl-​istess mod illum, jekk nonqsu li jkollna l-​biżaʼ minn Alla f’affarijiet morali jistaʼ jkollna konsegwenzi serji u li nbatuhom għal żmien twil. Immaġina l-​uġigħ emozzjonali li ħasset waħda mara żagħżugħa miżżewġa meta saret taf li r-​raġel Kristjan tagħha ma kienx baqaʼ leali lejha waqt li kien qed jaħdem barra mill-​pajjiż. Mifnija mix-​xokk u n-​niket, hi xeħtet wiċċha f’idejha u nfexxet tibki. Kemm se jieħu żmien biex żewġha jerġaʼ jikseb il-​fiduċja u r-​rispett tagħha? Konsegwenzi koroh bħal dawn jistgħu jiġu evitati jekk verament tibżaʼ minn Alla.​—1 Korintin 6:​18.

Il-​Biżaʼ minn Alla Jżommna ’l Bogħod mid-​Dnub

18. X’inhi l-​mira taʼ Satana u l-​mod taʼ kif jaħdem?

18 Bil-​mod il-​mod, Satana qed jeqred il-​valuri morali tad-​dinja, u b’mod speċjali jrid iħassar lill-​Kristjani veri. Biex jagħmel dan hu jieħu vantaġġ bl-​iktar mod dirett billi jimmira lejn qalbna u moħħna​—permezz tas-​sensi tagħna, b’mod partikulari b’dak li naraw u nisimgħu. (Efesin 4:​17-​19) Kif se tirreaġixxi meta bla mistenni tiltaqaʼ maʼ stampi, kliem, jew nies immorali?

19. Il-​biżaʼ minn Alla kif għen lil wieħed Kristjan biex jegħleb it-​tentazzjoni?

19 Ikkunsidra l-​każ t’André,b anzjan Kristjan, missier, u tabib fl-​Ewropa. Meta André kien ikun xogħol taʼ bil-​lejl l-​isptar, il-​kollegi nisa tiegħu kienu dejjem iwaħħlu noti​—imżejnin bil-​qlub​—maʼ l-​imħadda tiegħu, biex jistidnuh għal relazzjonijiet sesswali magħhom. André, b’mod sod, ma kienx jaċċetta l-​istedin sesswali tagħhom. Iktar minn hekk, biex iwarrab mill-​ambjent immorali, hu sab xogħol xi mkien ieħor. Id-​deċiżjoni li jkollu l-​biżaʼ minn Alla kienet għaqlija u wasslet għal barkiet, għax illum André jaqdi part-time fl-​uffiċċju tal-​fergħa tax-​Xhieda taʼ Ġeħova f’pajjiżu.

20, 21. (a) Il-biżaʼ minn Alla kif jistaʼ jgħinna biex ma nidinbux? (b) X’se jiġi kunsidrat fl-​artiklu li jmiss?

20 It-​tberrin fuq ħsibijiet ħżiena jistaʼ jwassal għal stat mentali li fih wieħed ikun irid iċedi r-​relazzjoni prezzjuża tiegħu maʼ Ġeħova għal xi ħaġa li m’għandux dritt għaliha. (Ġakbu 1:​14, 15) Mill-​banda l-​oħra, jekk għandna l-​biżaʼ taʼ Ġeħova se noqogħdu ’l bogħod​—anki nwarrbu​—minn nies, postijiet, attivitajiet, u divertiment li jistgħu jġagħluna nbaxxu l-​livell morali tagħna. (Proverbji 22:3) Kwalunkwe mistħija jew sagrifiċċju li jkun jinvolvi, m’huwa xejn meta mqabbel maʼ li wieħed jitlef l-​approvazzjoni t’Alla. (Mattew 5:​29, 30) Bla dubju l-​biżaʼ minn Alla jinkludi li qatt ma nesponu lilna nfusna minn jeddna għal kwalunkwe ħaġa immorali, inkluż kull forma taʼ pornografija, iżda minflok ‘ma nħallux lil għajnejna jħarsu lejn il-​frugħa.’ Jekk nagħmlu hekk, nistgħu nkunu fiduċjużi li Ġeħova se ‘jagħtina l-​ħajja’ u jipprovdilna dak kollu li tassew għandna bżonn.​—Salm 84:12 (84:​11, NW); 119:37.

21 Tabilħaqq, huwa dejjem għaqli li naġixxu b’biżaʼ minn Alla ġenwin. Huwa wkoll is-​sors taʼ l-​hena veru. (Salm 34:10 [34:​9, NW]) Dan se jiġi ċċarat fl-​artiklu li jmiss.

[Noti taʼ taħt]

a Ara l-​artiklu “Il-​Ħarsa tal-​Bibbja: Kif Tistaʼ Tibżaʼ minn Alla taʼ Mħabba?” fil-​ħarġa taʼ Stenbaħ! tat-​8 taʼ Jannar, 1998, pubblikat mix-​Xhieda taʼ Ġeħova.

b L-isem ġie mibdul.

Tistaʼ Tispjega?

• Liema kwalitajiet Kristjani jinkludi l-​biżaʼ minn Alla?

• Il-​biżaʼ minn Alla kif jistaʼ jegħleb il-​biżaʼ mill-​bniedem?

• Kif nistgħu nuru li aħna għandna l-​ħarsa x-​xierqa lejn it-​talb?

• Il-​biżaʼ minn Alla kif jistaʼ jżommna lura milli nidinbu?

[Stampa f’paġna 23]

David tgħallem jibżaʼ minn Alla meta osserva xogħol idejn Ġeħova

[Stampi f’paġna 24]

Int kif se tirreaġixxi meta bla mistenni tiffaċċja sitwazzjoni taʼ tentazzjoni?

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja