“Smajtu bis-Sabar taʼ Ġob”
“Smajtu bis-sabar taʼ Ġob u rajtu t-tmiem li tah Ġeħova; għax Ġeħova juri affezzjoni b’tenerezza kbira u hu mimli ħniena.”—ĠAKBU 5:11.
1, 2. Liema prova ġarrbet koppja waħda fil-Polonja?
HARALD ABT kien ilu Xhud taʼ Ġeħova inqas minn sena meta l-armata taʼ Hitler ħadet taħt idejha lil Danzig (issa Gdańsk) fit-tramuntana tal-Polonja. Imbagħad is-sitwazzjoni saret diffiċli, saħansitra perikoluża, għall-Kristjani veri f’dan il-post. Il-Gestapo pprovaw jisforzaw lil Harald biex jiffirma dokument li fih jiċħad il-fidi tiegħu, imma hu rrifjuta. Wara li qattaʼ xi ġimgħat il-ħabs, Harald intbagħat fil-kamp tal-konċentrament taʼ Sachenhausen, fejn għal darba wara l-oħra ġie mhedded u msawwat. Uffiċjal ippontalu lejn iċ-ċumnija tal-krematorju u qal lil Harald, “Int minn hemm se titlaʼ għand Ġeħova tiegħek 14-il ġurnata oħra jekk tibqaʼ żżomm mal-fidi tiegħek.”
2 Meta Harald ġie arrestat, martu Elsa kienet għadha treddaʼ lil bintha t’għaxar xhur. Imma Elsa ma ħelsithiex minn taħt idejn il-Gestapo. Ma damux ma ħadulha t-tarbija tagħha u bagħtuha fil-kamp tal-konċentrament t’Auschwitz. Però, bħal Harald, irnexxielha tkampa għal snin sħaħ. Fil-Watchtower tal-15 t’April, 1980, tistaʼ taqra iktar dwar kif issaportew. Harald kiteb: “B’kollox, qattajt 14-il sena minn ħajti fil-kampijiet tal-konċentrament u l-ħabsijiet minħabba l-fidi tiegħi f’Alla. Ġieli staqsewni: ‘Għenitek martek biex tissaporti dan kollu?’ Dażgur li għenitni! Kont naf mill-bidunett li hi qatt ma kienet se tagħmel kompromess mill-fidi tagħha, u dan il-fatt kien wieħed mill-affarijiet li sostnewni. Kont naf li kienet tippreferi tarani mejjet imma leali milli tkun taf li ġejt meħlus għax inkun għamilt kompromess. . . . Elsa ssaportiet ħafna diffikultajiet matul is-snin li qattgħet fil-kampijiet tal-konċentrament Ġermaniżi.”
3, 4. (a) Liema eżempji jistgħu jinkuraġġixxu lill-Kristjani biex jissaportu? (b) Il-Bibbja għala tħeġġiġna neżaminaw l-esperjenza taʼ Ġob?
3 Żgur li m’huwiex faċli tissaporti t-tbatija, bħalma jistgħu jixhdu ħafna Xhieda. Għal din ir-raġuni, il-Bibbja tagħti l-parir lill-Kristjani kollha: “Ħudu bħala mudell lill-profeti li tkellmu f’isem Ġeħova, sofrew il-ħażen, u kienu paċenzjużi.” (Ġakbu 5:10) Matul is-sekli, ħafna qaddejja t’Alla ġew persegwitati għalxejn. L-eżempji provduti minn din is-“sħaba hekk kbira taʼ xhieda” jistgħu jinkuraġġuna biex nibqgħu niġru bis-sabar it-tellieqa Kristjana tagħna.—Ebrej 11:32-38; 12:1.
4 Fir-rakkont tal-Bibbja, Ġob jispikka bħala eżempju tas-sabar. “Ara! Aħna niddikjaraw henjin lil dawk li ssaportew,” kiteb Ġakbu. “Smajtu bis-sabar taʼ Ġob u rajtu t-tmiem li tah Ġeħova; għax Ġeħova juri affezzjoni b’tenerezza kbira u hu mimli ħniena.” (Ġakbu 5:11) L-esperjenza taʼ Ġob tagħtina ħarsa żgħira bil-quddiem tal-premju li qed jistenna lil dawk li huma leali, lil dawk li Ġeħova jbierek. Iktar importanti minn hekk, din l-esperjenza turina veritajiet li se jkunu taʼ benefiċċju għalina fi żmien t’għawġ. Il-ktieb taʼ Ġob jgħinna nwieġbu dawn il-mistoqsijiet: Meta nġarrbu xi prova, għala għandna nipprovaw nifhmu l-kwistjonijiet prinċipali involuti? Liema kwalitajiet u attitudnijiet jgħinuna nissaportu? Kif nistgħu nsaħħu lill-Kristjani sħabna li jgħaddu mill-għawġ?
Naraw l-Istampa Kollha
5. Liema hi l-kwistjoni prinċipali li għandna nżommu f’moħħna meta niffaċċjaw il-provi jew it-tentazzjonijiet?
5 Biex inżommu l-bilanċ spiritwali meta niffaċċjaw l-għawġ, irridu naraw l-istampa kollha. Inkella, il-problemi persunali jistgħu jtappnu l-ħarsa spiritwali tagħna. Il-kwistjoni tal-lealtà lejn Alla hija l-iktar kwistjoni importanti. Missierna tas-sema jagħmlilna sejħa li nistgħu napplikawha b’mod persunali: “Kun għaref, ibni, u ferraħli qalbi, biex inkun nistaʼ nwieġeb lil min jgħajjarni.” (Proverbji 27:11) Xi privileġġ uniku għandna! Minkejja d-dgħjufijiet u l-imperfezzjonijiet tagħna, aħna nistgħu nferrħu lill-Ħallieq tagħna. Dan nagħmluh meta mħabbitna għal Ġeħova tgħinna nissaportu l-provi u t-tentazzjonijiet. L-imħabba Kristjana vera tgħinna nissaportu kollox. Din ma tbatti qatt.—1 Korintin 13:7, 8.
6. Satana kif u sa liema punt jgħajjar lil Ġeħova?
6 Il-ktieb taʼ Ġob b’mod ċar jidentifika lil Satana bħala l-wieħed li jgħajjar lil Ġeħova. Jurina wkoll kemm hu mill-agħar dan l-għadu inviżibbli u x-xewqa li għandu biex jeqred ir-relazzjoni tagħna m’Alla. Bħalma naraw fil-każ taʼ Ġob, Satana bażikament jakkuża lill-qaddejja kollha taʼ Ġeħova li huma għandhom motivi egoistiċi u jipprova juri li l-imħabba tagħhom lejn Alla tistaʼ tibred. Hu ilu jgħajjar lil Alla għal eluf taʼ snin. Meta Satana tkeċċa ’l barra mis-sema, leħen mis-sema ddeskrivieh bħala “l-akkużatur taʼ ħutna” u qal li hu jagħmel dawn l-akkużi “lejl u nhar . . . quddiem Alla tagħna.” (Rivelazzjoni 12:10) Bis-sabar leali tagħna, aħna nistgħu nuru li m’għandux fuqiex jibbaża l-akkużi tiegħu.
7. Liema hu l-aħjar mod biex niġġieldu kontra d-dgħjufija fiżika?
7 Irridu nżommu f’moħħna li x-Xitan se jieħu vantaġġ minn kwalunkwe tribulazzjoni li nistgħu niffaċċjaw sabiex jipprova jbegħedna minn Ġeħova. Hu meta ttanta lil Ġesù? Meta Ġesù kien bil-ġuħ wara li sam għal ħafna ġranet. (Luqa 4:1-3) Però, is-saħħa spiritwali taʼ Ġesù għenitu jiċħad it-tentazzjonijiet tax-Xitan b’determinazzjoni. Kemm hu importanti li niġġieldu kontra kwalunkwe dgħjufija fiżika—forsi minħabba l-mard jew l-età avanzata—bil-qawwa spiritwali! Avolja “l-bniedem li aħna minn barra qed jispiċċa,” aħna ma naqtgħux qalbna għaliex “il-bniedem li aħna minn ġewwa qed jiġġedded minn jum għall-ieħor.”—2 Korintin 4:16.
8. (a) Kif jistgħu l-emozzjonijiet negattivi jkollhom effett skuraġġanti? (b) Liema attitudni kellu Ġesù?
8 Barra minn hekk, sentimenti negattivi jistgħu jagħmlu l-ħsara lill-ispiritwalità taʼ l-individwu. ‘Ġeħova għala jippermettih dan?’ jistaʼ jistaqsi dak li jkun. ‘Kif jistaʼ ħu jittrattani b’dan il-mod?’ jistaʼ jistaqsi ieħor wara li jkun ġie trattat b’nuqqas taʼ mħabba. Dawn l-emozzjonijiet jistgħu jġagħluna ninsew il-kwistjonijiet prinċipali u nikkonċentraw biss fuq iċ-ċirkustanzi persunali. Il-frustrazzjoni taʼ Ġob bl-irraġunar ħażin tat-tlett iħbieb tiegħu donnha għamlitlu l-ħsara emozzjonalment daqskemm il-marda li kellu għamlitlu ħsara fiżikament. (Ġob 16:20, NW; 19:2) B’mod simili, l-appostlu Pawlu indika li jekk xi ħadd idum irrabjat jistaʼ ‘jagħti wisaʼ [jew, opportunità] lix-Xitan.’ (Efesin 4:26, 27) Minflok ma jisfogaw il-frustrazzjoni jew ir-rabja tagħhom maʼ xi ħadd jew jikkonċentraw iżżejjed fuq kemm hi inġusta s-sitwazzjoni, ikun aħjar li l-Kristjani jimitaw lil Ġesù billi ‘jafdaw ruħhom f’idejn dak li jiġġudika bil-ġustizzja,’ Alla Ġeħova. (1 Pietru 2:21-23) Id-“dispożizzjoni mentali” taʼ Ġesù tistaʼ tkun difiża qawwija kontra l-attakki taʼ Satana.—1 Pietru 4:1.
9. Alla kif iserrħilna qalbna dwar kwalunkwe tagħbija li jkollna nissaportu jew tentazzjonijiet li niffaċċjaw?
9 Fuq kollox, qatt m’għandna naraw il-problemi tagħna bħala evidenza ċara li Alla m’huwiex kuntent bina. Din il-fehma ħażina weġġgħet lil Ġob f’perijodu meta kien qed jiġi attakkat bi kliem aħrax minn dawk li suppost kellhom ifarrġuh. (Ġob 19:21, 22) Il-Bibbja tqawwilna qalbna b’dan il-kliem: “Alla ma jistax jiġi mġarrab b’affarijiet ħżiena u lanqas ma jġarrab lil ħadd.” (Ġakbu 1:13) Mhux talli hekk, talli Ġeħova jwiegħed li jgħinna nġorru kwalunkwe tagħbija li tiġi fuqna u li jipprovdilna ħelsien minn kwalunkwe tentazzjoni li niffaċċjaw. (Salm 55:23 [55:22, NW]; 1 Korintin 10:13) Jekk nersqu qrib lejn Alla fi żmien taʼ inkwiet, se nkunu nistgħu nqisu l-affarijiet kif jixraq u se jirnexxilna nopponu lix-Xitan.—Ġakbu 4:7, 8.
Għajnuna biex Nissaportu
10, 11. (a) X’għenu jissaporti lil Ġob? (b) Ġob kif ġie megħjun minħabba li kellu kuxjenza nadifa?
10 Minkejja s-sitwazzjoni diffiċli taʼ Ġob—inkluż l-abbuż verbali tal-“farraġa” tiegħu u l-konfużjoni tiegħu stess dwar min kien verament qed jikkaġunalu l-għawġ—hu xorta żamm l-integrità tiegħu. X’nistgħu nitgħallmu mis-sabar tiegħu? Mingħajr ebda dubju, ir-raġuni fundamentali għala rnexxa kienet il-lealtà tiegħu lejn Ġeħova. Hu kien ‘jibżaʼ minn Alla u tbiegħed mill-ħażen.’ (Ġob 1:1) Dan kien il-mod taʼ ħajja tiegħu. Ġob m’aċċettax li jagħti dahru lil Ġeħova, anki meta ma fehemx għala l-affarijiet f’daqqa waħda kienu marru ħażin. Ġob kien jemmen li hu kellu jaqdi lil Alla fil-bnazzi u fil-maltemp.—Ġob 1:21; 2:10.
11 Ġob ħassu mfarraġ ukoll minħabba li kellu kuxjenza nadifa. F’perijodu meta ħajtu donnha dehret li se tispiċċa, hu sab il-faraġ minħabba li kien jaf li għamel kulma setaʼ biex jgħin lil oħrajn, li żamm mal-livelli ġusti taʼ Ġeħova, u minħabba li warrab minn kull tip taʼ qima falza.—Ġob 31:4-11.
12. Ġob kif wieġeb għall-għajnuna li ngħata minn Eliħu?
12 M’għandniex xi ngħidu, jibqaʼ l-fatt li Ġob kellu bżonn jirranġa l-ħarsa tiegħu dwar ċerti affarijiet. U hu aċċetta l-għajnuna bl-umiltà—fattur fundamentali ieħor li għenu jissaporti. Ġob ta widen bir-rispett kollu għall-parir t’Eliħu, u hu wieġeb b’mod pożittiv għall-korrezzjoni taʼ Ġeħova. “Jien tkellimt fuq ħwejjeġ [li] ma nifhimhomx,” hu ammetta. “Inċedi u nindem fit-trab u r-rmied.” (Ġob 42:3, 6) Minkejja l-marda li kienet għadha qed tkiddu, Ġob feraħ li din il-bidla fil-ħsieb tiegħu ressqitu eqreb lejn Alla. “Jien naf li int [Ġeħova] tistaʼ kollox,” qal Ġob. (Ġob 42:2) Grazzi għad-deskrizzjoni taʼ Ġeħova dwar il-kobor Tiegħu, Ġob fehem ħafna aħjar il-pożizzjoni tiegħu meta mqabbla maʼ dik tal-Ħallieq.
13. Kif ibbenefika Ġob talli wera ħniena?
13 Finalment Ġob jipprovdi eżempju li jispikka rigward il-ħniena. Il-farraġa foloz tiegħu weġġgħuh bil-kbir, però Ġeħova qal lil Ġob biex jitlob għalihom, u hu hekk għamel. Wara dan, Ġeħova ta lil Ġob saħħtu lura. (Ġob 42:8, 10) Jidher ċar li r-rabja mhix se tgħinna nissaportu, imma l-imħabba u l-ħniena jgħinuna. Meta nwarrbu r-rabja nħossu serħan spiritwali, u Ġeħova jbierek lil min jagħmel dan.—Marku 11:25.
Uħud Għaqlin li Jagħtuna l-Pariri Jgħinuna Nissaportu
14, 15. (a) Liema kwalitajiet se jgħinu lil min jagħti parir biex jgħin lil oħrajn? (b) Spjega għala Eliħu rnexxielu jgħin lil Ġob.
14 Lezzjoni oħra li nistgħu nitgħallmu mill-ktieb taʼ Ġob hi dwar il-valur t’uħud għaqlin li jagħtu l-pariri. Dawn l-uħud huma aħwa ‘mweldin għal żmien l-hemm.’ (Proverbji 17:17) Madankollu, l-esperjenza taʼ Ġob turina li ċerti wħud jistgħu jagħtuna parir li jweġġagħna minflok ma jgħinna. Min ikun jaf jagħti l-pariri jrid juri l-mogħdrija, ir-rispett, u l-qalb tajba bħalma għamel Eliħu. L-anzjani u Kristjani maturi oħrajn jistaʼ jkollhom jaġġustaw il-ħsieb taʼ l-aħwa li jkunu mgħobbijin bil-problemi, u f’dan ir-rigward, dawn l-uħud li jagħtu l-pariri għandhom ħafna x’jitgħallmu mill-ktieb taʼ Ġob.—Galatin 6:1; Ebrej 12:12, 13.
15 Hemm ħafna lezzjonijiet mill-aqwa fil-mod kif Eliħu ttratta l-kwistjoni. Hu dam jismaʼ qabel ma wieġeb għall-istqarrijiet żbaljati tat-tlett iħbieb taʼ Ġob. (Ġob 32:11; Proverbji 18:13) Eliħu rrefera għal Ġob b’ismu u talbu jisimgħu bħala ħabib. (Ġob 33:1) Kuntrarju għat-tliet farraġa foloz, Eliħu ma kkunsidrax lilu nnifsu bħala li kien superjuri għal Ġob. “Jiena wkoll imsawwar mit-tajn,” qal hu. Hu ma riedx iżid it-tbatija taʼ Ġob billi juża kliem bla ħsieb. (Ġob 33:6, 7; Proverbji 12:18) Minflok ma kkritika l-mod kif ġab ruħu Ġob qabel, Eliħu faħħru għas-sewwa tiegħu. (Ġob 33:32) Iktar importanti minn hekk, Eliħu ra l-affarijiet mill-ħarsa t’Alla, u hu għen lil Ġob jiffoka fuq il-fatt li Ġeħova qatt ma kien se jaġixxi b’mod inġust. (Ġob 34:10-12) Hu inkuraġġixxa lil Ġob biex jistrieħ fuq Ġeħova, minflok ma jissielet biex juri kemm hu tajjeb. (Ġob 35:2; 37:14, 23) L-anzjani Kristjani u oħrajn żgur li jistgħu jibbenefikaw minn lezzjonijiet bħal dawn.
16. Il-farraġa foloz taʼ Ġob kif saru għodod f’idejn Satana?
16 Il-parir għaqli t’Eliħu joħloq kuntrast mal-kliem li jweġġaʼ t’Elifaż, Bildad, u Żofar. Ġeħova qalilhom: “Intom ma għedtux is-sewwa fuqi.” (Ġob 42:7) Anki jekk huma qalu li kellhom intenzjonijiet tajbin, huma aġixxew bħala għodod taʼ Satana minflok bħala ħbieb leali. It-tlieta li huma assumew mill-bidu li Ġob innifsu kellu tort għall-għawġ li ġarrab. (Ġob 4:7, 8; 8:6; 20:22, 29) Skond Elifaż, Alla m’għandu ebda fiduċja fil-qaddejja tiegħu, u Hu ma jimpurtahx jekk aħniex nies sewwa jew le. (Ġob 15:15; 22:2, 3) Elifaż saħansitra akkuża lil Ġob bi żbalji li ma kienx ħati tagħhom. (Ġob 22:5, 9) Eliħu, mill-banda l-oħra, għen lil Ġob spiritwalment, u din dejjem hija l-mira taʼ min jagħti parir bl-imħabba.
17. X’għandna nżommu f’moħħna meta nġarrbu xi prova?
17 Hemm lezzjoni oħra dwar is-sabar li nistgħu nieħdu mill-ktieb taʼ Ġob. Alla tagħna kollu mħabba josserva s-sitwazzjoni tagħna u hu jixtieq u jistaʼ jgħinna b’diversi modi. Iktar kmieni qrajna dwar l-esperjenza t’Elsa Abt. Aħseb dwar il-konklużjoni li waslet għaliha: “Qabel ma ġejt arrestata, jien kont qrajt ittra t’oħt li qalet li meta tgħaddi minn prova ħarxa, l-ispirtu taʼ Ġeħova jġagħlek tħoss kalma kbira. Jien ħsibt li kienet qed tesaġera xi ftit. Imma meta ġarrabt il-provi jien stess, indunajt li dak li qalet kien minnu. Veru hekk jiġri. Huwa diffiċli timmaġinah jekk ma tesperjenzahx int stess. Imma jien hekk ġrali. Ġeħova jgħinek.” Elsa ma kinitx qed titkellem dwar x’setaʼ jagħmel Ġeħova jew x’għamel verament eluf taʼ snin ilu fi żmien Ġob. Hi kienet qed titkellem dwar żmienna. Iva, “Ġeħova jgħinek”!
Hieni l-Bniedem li Jissaporti
18. Kif ibbenefika Ġob minħabba s-sabar tiegħu?
18 Ftit minna se niffaċċjaw tribulazzjoni ħarxa daqs taʼ Ġob. Imma jkunu xi jkunu l-provi li din is-sistema ġġib fuqna, aħna għandna raġunijiet validi biex inżommu l-integrità tagħna, bħalma għamel Ġob. Fil-fatt, is-sabar tejjeb il-ħajja taʼ Ġob. Dan ipperfezzjonah, għamlu komplet. (Ġakbu 1:2-4) Saħħaħlu r-relazzjoni tiegħu m’Alla. “Fuqek jien b’widnejja smajt; imma issa b’għajnejja rajtek,” iddikjara Ġob. (Ġob 42:5) Satana ħareġ taʼ giddieb minħabba li ma setax jikser l-integrità taʼ Ġob. Mijiet taʼ snin wara, Ġeħova reġaʼ rrefera għal Ġob bħala eżempju tas-sewwa. (Eżekjel 14:14) Ir-rakkont taʼ l-integrità u s-sabar tiegħu għadu jqanqal lill-poplu t’Alla sa llum.
19. Għala tħoss li hu tajjeb li tissaporti?
19 Meta Ġakbu kiteb lill-Kristjani taʼ l-ewwel seklu dwar is-sabar, hu rrefera għas-sodisfazzjon li s-sabar iġib. U hu uża l-eżempju taʼ Ġob biex ifakkar li Ġeħova jippremja bil-kbir lill-qaddejja leali tiegħu llum. (Ġakbu 5:11) Aħna naqraw f’Ġob 42:12: “Il-Mulej bierek il-ħajja l-ġdida taʼ Ġob aktar minn dik taʼ qabel.” Alla ta lil Ġob id-doppju taʼ dak li kien tilef, u hu għex ħajja twila mimlija hena. (Ġob 42:16, 17) B’mod simili, kwalunkwe wġigħ, tbatija, jew niket li nistgħu nissaportu matul it-tmiem taʼ din is-sistema se jitneħħa u jintesa fid-dinja l-ġdida t’Alla. (Isaija 65:17; Rivelazzjoni 21:4) Aħna smajna bis-sabar taʼ Ġob, u aħna determinati, bl-għajnuna taʼ Ġeħova, li nimitaw l-eżempju taʼ Ġob. Il-Bibbja twiegħed: “Hieni l-bniedem li jibqaʼ jissaporti t-tiġrib, għaliex meta jiġi approvat jirċievi l-kuruna tal-ħajja, li Ġeħova wiegħed lil dawk li jibqgħu jħobbuh.”—Ġakbu 1:12.
Int Kif Twieġeb?
• Kif nistgħu nferrħulu qalbu lil Ġeħova?
• Għala m’għandniex nikkonkludu li l-problemi tagħna jfissru li Alla m’huwiex kuntent bina?
• X’għen lil Ġob biex jissaporti?
• Kif nistgħu nimitaw lil Eliħu meta nsaħħu lil sħabna fit-twemmin?
[Stampa f’paġna 28]
Biex wieħed jagħti parir tajjeb irid juri mogħdrija, rispett, u qalb tajba
[Stampi f’paġna 29]
Elsa u Harald Abt