Nibnu Lkoll Magħqudin biex Infaħħru lil Alla
XI NIES f’waħda mill-Gżejjer Solomon kienu qed jinnotaw Sala tas-Saltna ġdida tax-Xhieda taʼ Ġeħova. Waħda mara qalet: “Fil-parroċċa tagħna għandna ħafna attivitajiet taʼ ġbir taʼ fondi. Aħna nitolbu lill-membri tagħna jagħtu l-flus iżda xorta ma jkollniex biżżejjed fondi biex nibnu knisja ġdida. Intom ix-Xhieda minfejn tiġbru l-fondi tagħkom?” Ix-Xhud li kienet qed titkellem magħha wiġbitha: “Aħna naqdu lil Ġeħova bħala familja globali. Il-kongregazzjoni tagħna u ħutna madwar id-dinja taw id-donazzjonijiet li kien hemm bżonn għas-Sala tas-Saltna l-ġdida. Ġeħova għallimna nkunu magħqudin f’kollox.”
L-għaqda fost ix-Xhieda taʼ Ġeħova tistaʼ taraha fl-attivitajiet kollha tagħhom, inkluż il-bini t’eluf taʼ Swali tas-Saltna. Għaqda bħal din sabiex jitwettqu dawn il-proġetti m’hijiex xi ħaġa ġdida. Din ilha teżisti fost il-poplu t’Alla għal millennji sħaħ. Dan għala jistaʼ jingħad?
Il-Bini tat-Tabernaklu u tat-Tempju
Ġeħova kien qed jirreferi għall-ġens taʼ Iżrael meta iktar minn 3,500 sena ilu qal lil Mosè: “Jagħmluli santwarju.” (Eżodu 25:8) Dwar id-disinn taʼ dan il-proġett taʼ bini, Ġeħova kompla jgħid: “Tagħmluh [fil-plural, jirreferi għall-ġens kollu] skond il-mudell tat-tinda u l-għamara tagħha li se nurik [fis-singular, jirreferi għal Mosè].” (Eżodu 25:9) Imbagħad, Ġeħova pprovda pjanti dettaljati taʼ l-istruttura tas-santwarju, tat-tagħmir, u taʼ l-aċċessorji. (Eżodu 25:10–27:19) Dan “it-tabernaklu,” jew tinda, kellu jkun iċ-ċentru taʼ qima vera għal Iżrael kollu.
Ma nafux kemm ħadmu nies fuq il-proġett, iżda nafu li l-Iżraelin kollha kienu mistidnin jappoġġawh. Mosè qalilhom: “Ħudu milli għandkom offerta lill-Mulej. Kull min jitħajjar jagħti minn qalbu ħa jġib l-offerti quddiem il-Mulej.” (Eżodu 35:4-9) L-Iżraelin kif wieġbu? Eżodu 36:3 jgħid: “Ħadu mingħand Mosè l-offerti kollha li l-poplu taʼ Iżrael kien ġieb minn rajh għas-servizz tas-santwarju li kellu jsir. Imma l-poplu baqaʼ jġiblu offerti għodwa wara l-oħra.”
Malajr kien hemm kwantitajiet kbar t’affarijiet li ġew mogħtijin bħala donazzjoni, u n-nies baqgħu jġibu iżjed. Fl-aħħar, il-ħaddiema tas-sengħa li kienu qed jagħmlu x-xogħol qalu lil Mosè: “In-nies qegħdin iġibu iżjed milli jeħtieġ għax-xogħol li ordnalna nagħmlu l-Mulej.” Għalhekk, Mosè tahom il-kmand: “Ebda raġel jew mara m’għandhom jagħmlu xejn iżjed biex joffru għas-santwarju.” X’kien ir-riżultat? “Kien hemm biżżejjed, anzi żżejjed, għax-xogħol li kellu jsir.”—Eżodu 36:4-7.
Minħabba l-ġenerożità taʼ l-Iżraelin, it-tabernaklu kien lest fi żmien sena. (Eżodu 19:1; 40:1, 2) Billi appoġġa l-qima vera, il-poplu t’Alla wera rispett lejn Ġeħova. (Proverbji 3:9) Maż-żmien, huma kellhom iwettqu proġett ħafna akbar taʼ bini. U għal darb’oħra, dawk kollha li xtaqu setgħu jieħdu sehem, sew jekk kienu tas-sengħa fil-qasam tal-kostruzzjoni u sew jekk le.
Kważi ħames sekli wara li nbena t-tabernaklu, Iżrael beda jibni t-tempju f’Ġerusalemm. (1 Slaten 6:1) Dan kellu jkun struttura mill-isbaħ u permanenti, magħmula mill-ġebel u l-injam. (1 Slaten 5:31, 32 [5:17, 18, NW]) Ġeħova ta l-pjanti taʼ l-arkitettura għat-tempju taʼ David “b’ispirazzjoni” (NW). (1 Kronaki 28:11-19) Iżda hu għażel lil Salamun bin David biex imexxi x-xogħol tal-bini. (1 Kronaki 22:6-10) David appoġġa l-proġett b’qalb sħiħa. Hu akkwista ġebel, travi, u materjali oħrajn u kkontribwixxa ammonti kbar mid-deheb u l-fidda tiegħu stess. Ukoll, hu inkuraġġixxa lill-Iżraelin sħabu biex ikunu ġenerużi billi staqsiehom: “Min hu issa lest li jersaq b’idejh mimlija u jagħti minn qalbu offerta lill-Mulej?” Kif wieġbu n-nies?—1 Kronaki 29:1-5.
Sakemm Salamun beda jibni t-tempju, hu kellu disponibbli eluf taʼ tunnellati taʼ deheb u fidda. Tant kien hemm ram u ħadid li bl-ebda mod ma setgħu jiżnuh kollu. (1 Kronaki 22:14-16) Bl-għajnuna taʼ Ġeħova u bl-appoġġ taʼ Iżrael kollu, il-proġett tlesta f’sebaʼ snin u nofs biss.—1 Slaten 6:1, 37, 38.
“Dar Alla” l-Veru
Kemm it-tabernaklu kif ukoll it-tempju kienu msejħin “dar Alla” l-veru. (Mħallfin 18:31; 1 Kronaki 24:7) Ġeħova qatt ma kellu bżonn il-kenn taʼ dar. (Isaija 66:1) Hu għamel li jinbnew dawn l-istrutturi għall-benefiċċju tal-bnedmin. Tabilħaqq, fl-inawgurazzjoni tat-tempju, Salamun staqsa: “Tassew li Alla se jgħix fuq l-art? Ara! Lanqas biss is-smewwiet – u s-smewwiet tas-smewwiet – ma jesgħuk, aħseb u ara dan id-daqsxejn taʼ tempju li bnejt jien!”—1 Slaten 8:27.
Permezz tal-profeta tiegħu Isaija, Ġeħova qal: “Dari ‘dar it-talb’ tissejjaħ għall-popli kollha.” (Isaija 56:7) Is-sagrifiċċji u t-talb offruti fit-tempju, kif ukoll iċ-ċerimonji li kienu jinżammu fih, ippermettew li n-nies li kellhom devozzjoni lejn Alla—Lhud u m’humiex—jersqu qrib lejn l-Alla l-veru. Huma kisbu l-ħbiberija u l-protezzjoni taʼ Ġeħova billi taw qima f’daru. It-talba li offra Salamun fid-dedikazzjoni tat-tempju tenfasizza din il-verità. Int tistaʼ taqra l-espressjonijiet tiegħu lil Alla li jmissu l-qalb fl-1 Slaten 8:22-53 u t-2 Kronaki 6:12-42.
Din id-dar tal-qedem taʼ l-Alla l-veru nqerdet żmien twil ilu, iżda l-Kelma t’Alla ssemmi żmien meta n-nies tal-ġnus kollha kellhom ikunu miġburin biex iqimu lil Ġeħova f’tempju spiritwali bil-wisq akbar. (Isaija 2:2) Is-sagrifiċċju perfett taʼ l-Iben uniġenitu t’Alla, rappreżentat bil-quddiem bis-sagrifiċċji taʼ l-annimali offruti fit-tempju, kellu jkun il-mod li bih dak li jkun jersaq lejn Ġeħova. (Ġwanni 14:6; Ebrej 7:27; 9:12) Ix-Xhieda taʼ Ġeħova issa qed iqimu ’l Alla b’dan il-mod superjuri, u qed jgħinu lil ħafna oħrajn biex jagħmlu l-istess.
Proġetti taʼ Bini fi Żmienna
Madwar id-dinja kollha, ix-Xhieda taʼ Ġeħova jaqdu lill-Alla l-veru. Huma “ġens qawwi,” li l-popolazzjoni tiegħu tkompli tikber. (Isaija 60:22) Il-post ewlieni fejn jiltaqgħu x-Xhieda taʼ Ġeħova huwa s-Sala tas-Saltna.a Qegħdin jintużaw eluf taʼ swali bħal dawn, u hemm il-bżonn t’eluf oħra.
Ix-Xhieda taʼ Ġeħova joffru ruħhom ‘minn rajhom’ biex jibnu s-Swali tas-Saltna li jkun hemm bżonn. (Salm 110:3, Saydon) Madankollu, ix-Xhieda tal-lokal spiss ma jkollhomx is-sengħa meħtieġa tal-bini, u xi reġjuni li qed jesperjenzaw ħafna tkabbir qed ibatu minn faqar kbir. Fl-1999, il-Ġemgħa li Tiggverna tax-Xhieda taʼ Ġeħova stabbiliet programm taʼ bini tas-Swali tas-Saltna biex jgħin ħalli jingħelbu dawn l-ostakli. Permezz taʼ dan il-programm, ix-Xhieda li huma tas-sengħa fil-qasam tal-kostruzzjoni vvjaġġaw lejn artijiet imbegħdin ħalli jħarrġu lil ħuthom irġiel u nisa biex jibnu Swali tas-Saltna. Dawn il-ħaddiema mħarrġin imbagħad komplew bix-xogħol tal-bini f’dak ir-reġjun. X’kienu r-riżultati taʼ dan l-isforz speċjali?
Sa Frar taʼ l-2006, ix-Xhieda taʼ Ġeħova f’pajjiżi b’riżorsi limitati kienu raw il-bini taʼ iktar minn 13,000 Sala tas-Saltna ġdida. Ara x’qalu wħud minn dawk li qed jużaw is-Swali tas-Saltna l-ġodda.
“L-attendenza medja tal-kongregazzjoni hija taʼ 160. Fl-ewwel laqgħa wara li nbniet is-Sala tas-Saltna l-ġdida, l-attendenza telgħet għal 200. Issa, sitt xhur wara għandhom attendenza taʼ 230. Il-barka taʼ Ġeħova fuq ix-xogħol taʼ dan il-bini sempliċi imma utli hija evidenti.”—Indokratur tas-“circuit” fl-Ekwador.
“Għal ħafna snin in-nies staqsewna, ‘Meta se jkollkom Sala tas-Saltna bħal dawk li naraw fil-pubblikazzjonijiet tagħkom?’ Grazzi għal Ġeħova, fl-aħħar għandna post preżentabbli fejn tingħata qima. Konna nagħmlu l-laqgħat f’ħanut taʼ wieħed ħu, b’attendenza medja taʼ 30. Fl-ewwel laqgħa fis-Sala tas-Saltna l-ġdida, attendew 110 persuni.”—Kongregazzjoni fl-Uganda.
“Żewġ aħwa nisa li jaqdu bħala pijunieri regulari jgħidu li kemm ilha li nbiet is-Sala tas-Saltna, saru jieħdu iktar pjaċir jaħdmu t-territorju. In-nies huma iktar lesti li jisimgħu fil-ministeru minn bieb għal bieb kif ukoll meta jingħataw xiehda informali. Dawn l-aħwa nisa issa jikkonduċu 17-il studju tal-Bibbja, u ħafna minn dawn l-istudenti tal-Bibbja jattendu l-laqgħat.”—L-uffiċċju tal-fergħa tal-Gżejjer Solomon.
“Saċerdot li jgħix fil-viċinanzi jgħid li s-Sala tas-Saltna l-ġdida żżid id-dinjità taʼ l-akkwati kollha u li n-nies tal-lokal huma kburin biha. Ħafna wħud li jgħaddu minn quddiemha jikkummentaw dwar is-sbuħija tas-sala. Dan jagħti lill-aħwa opportunitajiet mill-aqwa biex jagħtu xiehda. Iktar u iktar nies iridu jkunu jafu dwar il-fratellanza globali tagħna. Bosta wħud li m’attendewx il-laqgħat għal diversi snin ġew imqanqlin biex jerġgħu jibdew jissieħbu regolarment.”—L-uffiċċju tal-fergħa taʼ Myanmar.
“Waħda oħt stiednet raġel li wera interess biex jiġi jara l-post tal-kostruzzjoni fl-inħawi tiegħu. Iktar tard, ir-raġel qal: ‘Ħsibt li l-ħaddiema ma kinux se jħalluni nidħol. B’sorpriża, ix-Xhieda laqgħuni b’qalb tajba. L-irġiel u n-nisa kienu qed jaħdmu iebes, mhux jaħlu l-ħin. Kien hemm armonija u spirtu ferrieħi.’ Ir-raġel aċċetta studju tal-Bibbja u beda jattendi l-laqgħat. Iktar tard, hu qal: ‘Il-mod taʼ ħsieb tiegħi nbidel. M’iniex se nħalli lil Alla issa li sibtu.’”—L-uffiċċju tal-fergħa tal-Kolombja.
L-Appoġġ Tagħna Hu Importanti
Il-bini tas-Swali tas-Saltna huwa parti importanti mis-servizz sagru tagħna. Il-mod li bih ix-Xhieda taʼ Ġeħova madwar id-dinja appoġġaw dan ix-xogħol—finanzjarjament u b’modi oħrajn—huwa tassew taʼ min ifaħħru. Iżda għandna niftakru li aspetti oħrajn tas-servizz sagru huma vitali wkoll. Minn żmien għal żmien, il-Kristjani jispiċċaw vittmi taʼ diżastri naturali u jkollhom bżonn l-għajnuna tagħna. Il-produzzjoni taʼ letteratura Biblika tilgħab parti importanti fl-appoġġ tas-servizz sagru. Ħafna minna rajna kemm tistaʼ tkun qawwija rivista jew ktieb ibbażat fuq il-Bibbja f’idejn persuna li jkollha attitudni xierqa. Iktar minn hekk, l-appoġġ lill-missjunarji u lil oħrajn fis-servizz speċjali full-time huwa importanti ferm. Kristjani li għandhom spirtu taʼ sagrifiċċju bħal dan jilagħbu parti importanti fit-tkabbir tax-xogħol taʼ l-ippridkar f’dawn l-aħħar jiem.
Dawk li għenu fil-bini tat-tempju ferħu bil-kbir. (1 Kronaki 29:9) Illum, l-appoġġ li nagħtu lill-qima vera permezz tal-kontribuzzjonijiet tagħna bl-istess mod iġibilna l-hena. (Atti 20:35) Aħna nesperjenzaw dan l-hena meta nitfgħu l-kontribuzzjonijiet tagħna fil-kaxxa li qiegħda apposta għall-fond tas-Swali tas-Saltna u meta nikkontribwixxu għax-xogħol taʼ madwar id-dinja, u b’hekk nappoġġaw proġetti oħrajn marbutin maʼ l-ippridkar taʼ l-aħbar tajba tas-Saltna. Illum, ix-Xhieda taʼ Ġeħova huma magħqudin fil-qima vera b’mod meraviljuż. Jalla lkoll kemm aħna jkollna abbundanza taʼ ferħ li jiġi meta wieħed jappoġġa din il-qima!
[Nota taʼ taħt]
a Għall-oriġini tat-terminu “Kingdom Hall” (Sala tas-Saltna), ara l-ktieb Jehovah’s Witnesses—Proclaimers of God’s Kingdom, paġna 319, pubblikat mix-Xhieda taʼ Ġeħova.
[Kaxxa/Stampa f’paġna 20, 21]
MODI KIF XI WĦUD JAGĦŻLU LI JAGĦTU
KONTRIBUZZJONIJIET GĦAX-XOGĦOL MADWAR ID-DINJA
Ħafna jwarrbu, jew ifaddlu, ammont li jitfgħuh fil-kaxxi għall-kontribuzzjonijiet immarkati “Kontribuzzjonijiet għax-Xogħol madwar id-Dinja—Mattew 24:14.”
Kull xahar, il-kongregazzjonijiet jibagħtu dawn l-ammonti lill-uffiċċju tax-Xhieda taʼ Ġeħova li jieħu ħsieb ix-xogħol f’pajjiżhom. Donazzjonijiet volontarji taʼ flus jistgħu jintbagħtu direttament lill-Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania, Attention Treasurer’s Office, 25 Columbia Heights, Brooklyn, New York 11201-2483, jew lill-uffiċċju tal-fergħa tax-Xhieda taʼ Ġeħova li jaqdi f’pajjiżek. Iċ-ċekkijiet li jintbagħtu fl-indirizz t’hawn fuq għandhom ikunu pagabbli lill-“Watch Tower.” Ġojjelli jew affarijiet prezzjużi oħrajn jistgħu jingħataw bħala donazzjoni wkoll. Maʼ dawn il-kontribuzzjonijiet għandha tintbagħat ittra qasira li tistqarr li din hija għotja għalkollox.
ARRANĠAMENT TAʼ DONAZZJONI KUNDIZZJONALI
Il-flus jistgħu jitpoġġew b’fedekommess mal-Watch Tower biex jintużaw madwar id-dinja. Madankollu, jekk jiġu mitlubin, il-flus jerġgħu jingħataw lura. Għal iktar informazzjoni, jekk jogħġbok ikkuntattja lill-Uffiċċju tat-Teżorier fl-indirizz li ngħata diġà.
IPPJANAR ĠENERUŻ
Minbarra l-flus li jingħataw għalkollox bħala rigal, hemm metodi oħrajn kif wieħed jagħmel għotjiet li jkunu taʼ benefiċċju għas-servizz tas-Saltna mad-dinja kollha. Dawn jinkludu:
Assigurazzjoni: Il-Watch Tower tistaʼ tiġi intitolata bħala l-benefiċjarja taʼ polza t’assigurazzjoni fuq il-ħajja jew pjan taʼ rtirar mix-xogħol u pensjoni.
Kontijiet fil-Bank: Kontijiet fil-bank, ċertifikati taʼ depożitu, jew kontijiet individwali taʼ rtirar mix-xogħol jistgħu jingħataw b’fedekommess jew jintgħamlu pagabbli mal-mewt lill-Watch Tower, fi qbil mal-ħtiġijiet lokali tal-bank.
Ishma u Titoli: Jistgħu jingħataw ishma u titoli b’donazzjoni lill-Watch Tower bħala għotja għalkollox.
Proprjetà Immobbli: Proprjetà immobbli li tistaʼ tinbiegħ tistaʼ tingħata jew bħala għotja għalkollox jew, fil-każ taʼ proprjetà residenzjali, billi d-donatur iżomm il-proprjetà u jkompli jgħix fiha sakemm idum ħaj. Ikkuntattja lill-uffiċċju tal-fergħa f’pajjiżek qabel ma tagħmel kuntratt biex tagħti xi proprjetà immobbli.
Ippjanar Ġeneruż: għal Benefiċċju tax-Xogħol tas-Saltna Madwar id-Dinja
Testmenti u Fedekommessi: Jistgħu jitħallew xi flus jew proprjetà lill-Watch Tower permezz taʼ testment effettwat bil-liġi, jew il-Watch Tower tistaʼ tissejjaħ bħala l-benefiċjarja taʼ ftehim fedekommess. Fedekommess li jkun taʼ benefiċċju għal organizzazzjoni reliġjuża jistaʼ jipprovdi ċerti vantaġġi mit-taxxi.
Bħalma jimplika t-terminu “ppjanar ġeneruż,” dawn it-tipi taʼ donazzjonijiet jirrikjedu ġeneralment xi ppjanar min-naħa tad-donatur. Tħejja browxer bl-Ingliż u bl-Ispanjol intitolat Charitable Planning to Benefit Kingdom Service Worldwide biex jgħin lill-individwi li jkunu jixtiequ jagħmlu xi forma taʼ ppjanar ġeneruż għall-benefiċċju tax-xogħol taʼ madwar id-dinja tax-Xhieda taʼ Ġeħova. Il-browxer inkiteb sabiex jipprovdi informazzjoni rigward il-modi differenti kif jistgħu jintgħamlu l-għotjiet issa jew b’testment mal-mewt. Wara li qraw il-browxer u ħadu parir mingħand il-konsulenti legali jew tat-taxxi tagħhom, ħafna setgħu jgħinu biex jappoġġaw l-attivitajiet reliġjużi u umanitarji tax-Xhieda taʼ Ġeħova mad-dinja kollha u fl-istess ħin jieħdu l-massimu mill-benefiċċji marbutin mat-taxxi talli għamlu dan. Dan il-browxer jistaʼ jinkiseb billi wieħed jistaqsi għal kopja direttament miċ-Charitable Planning Office.
Għal iktar informazzjoni, tistaʼ tikkuntattja liċ-Charitable Planning Office, b’ittra jew bit-telefon, fl-indirizz t’hawn taħt, jew tistaʼ tikkuntattja l-uffiċċju tax-Xhieda taʼ Ġeħova li jieħu ħsieb ix-xogħol f’pajjiżek.
Charitable Planning Office
Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
100 Watchtower Drive
Patterson, New York 12563-9204
Telefon: (845) 306-0707
[Stampa f’paġna 18]
L-isforzi magħqudin tagħna jagħmluha possibbli li jinbnew Swali tas-Saltna mill-isbaħ madwar id-dinja
[Stampa f’paġna 18]
Sala tas-Saltna ġdida fil-Gana