Ħobb lill-Alla li Jħobbok
“Ħobb lil Ġeħova Alla tiegħek b’qalbek kollha u b’ruħek kollha u b’moħħok kollu.”—MATTEW 22:37.
1, 2. X’setaʼ qajjem il-mistoqsija dwar l-akbar kmandament?
MILLI jidher, il-mistoqsija kienet taqlaʼ dibattiti jaħarqu fost il-Fariżej taʼ żmien Ġesù. Ladarba l-Liġi Mosajka kienet tikkonsisti f’iktar minn 600 liġi, liema waħda kienet l-iżjed importanti? Kienet xi liġi li kellha x’taqsam mas-sagrifiċċji? Wara kollox, is-sagrifiċċji kienu jsiru kemm biex wieħed jirċievi maħfra tad-dnubiet kif ukoll bħala ringrazzjament lil Alla. Jew forsi kienet il-liġi dwar iċ-ċirkonċiżjoni l-iktar waħda importanti? Din ukoll kienet importanti, minħabba li ċ-ċirkonċiżjoni kienet sinjal tal-patt li Ġeħova kien għamel m’Abraham.—Ġenesi 17:9-13.
2 Mill-banda l-oħra, dawk li kienu konservattivi milli jidher irraġunaw li peress li kull liġi li ta Alla kienet importanti—avolja xi wħud setgħu jidhru li kellhom inqas importanza—ikun ħażin li kmandament wieħed jingħata iżjed importanza mill-oħrajn. Il-Fariżej iddeċidew li jistaqsu din il-mistoqsija kontroversjali lil Ġesù. Forsi setaʼ jgħid xi ħaġa li tħassar il-kredibilità tiegħu. Wieħed minnhom resaq lejn Ġesù u staqsieh: “Liema hu l-akbar kmandament fil-Liġi?”—Mattew 22:34-36.
3. Ġesù x’qal li kien l-akbar kmandament?
3 It-tweġiba taʼ Ġesù għandha importanza kbira ferm għalina llum. Fiha hu ġabar fil-qosor dak li dejjem kien u jibqaʼ l-qofol tal-qima vera. Billi kkwota minn Dewteronomju 6:5, Ġesù qal: “‘Ħobb lil Ġeħova Alla tiegħek b’qalbek kollha u b’ruħek kollha u b’moħħok kollu.’ Dan hu l-akbar u l-ewwel kmandament.” Għalkemm il-Fariżew staqsa għal kmandament wieħed biss, Ġesù tah ieħor. Billi kkwota minn Levitiku 19:18, hu qal: “It-tieni jixbhu u hu dan, ‘Ħobb lill-proxxmu tiegħek bħalek innifsek.’” Imbagħad, Ġesù indika li dawn iż-żewġ liġijiet kienu l-qofol tal-qima pura. Biex ma jħallihomx jipprovaw iġagħluh isemmi l-liġijiet l-oħrajn skond l-importanza tagħhom, hu kkonkluda: “Fuq dawn iż-żewġ kmandamenti żżomm il-Liġi kollha, u l-Profeti.” (Mattew 22:37-40) F’dan l-artiklu se nikkunsidraw l-akbar minn dawn iż-żewġ kmandamenti. Għala għandna nħobbu lil Alla? Kif nuru li nħobbuh? U kif nistgħu niżviluppaw imħabba bħal din? Huwa vitali li nkunu nafu t-tweġibiet għal dawn il-mistoqsijiet minħabba li biex nogħġbu lil Ġeħova rridu nħobbuh b’qalbna, b’ruħna, u b’moħħna kollu.
L-Importanza taʼ l-Imħabba
4, 5. (a) Il-Fariżew għala ma kienx sorpriż b’dak li qal Ġesù? (b) F’għajnejn Alla x’jiswa iżjed mis-sagrifiċċji u l-offerti?
4 Milli jidher, il-Fariżew li għamel il-mistoqsija lil Ġesù, la kien ixxokkjat u lanqas sorpriż bit-tweġiba li ngħata. Hu kien jaf li l-imħabba għal Alla kienet aspett essenzjali tal-qima vera, għalkemm ħafna wħud naqsu li juruha. Fis-sinagogi kien hemm id-drawwa li tinqara x-Xema’, jew talba Lhudija taʼ stqarrija tal-fidi, b’leħen għoli u din inkludiet ir-rakkont li jinsab f’Dewteronomju 6:4-9, li minnu kkwota Ġesù. Skond l-istess rakkont li hemm f’Marku, il-Fariżew imbagħad qal lil Ġesù: “Għalliem, tajjeb għedt fi qbil mal-verità, ‘Hu Wieħed, u m’hemmx ieħor għajru’; u li tħobbu b’qalbek kollha u bl-intellett kollu tiegħek u b’saħħtek kollha u li tħobb lill-proxxmu tiegħek bħalek innifsek jiswew ferm iktar mill-offerti maħruqin kollha u s-sagrifiċċji kollha.”—Marku 12:32, 33.
5 Tabilħaqq, filwaqt li l-offerti tal-ħruq u s-sagrifiċċji kienu meħtiġin mil-Liġi, dak li hu tassew taʼ valur għal Alla hu l-imħabba li tiġi mill-qalb tal-qaddejja tiegħu. Għasfur tal-bejt offrut lil Alla bi mħabba u devozzjoni kien iktar taʼ valur minn eluf taʼ mtaten offruti b’motiv ħażin. (Mikea 6:6-8) Ftakar fir-rakkont dwar l-armla fil-bżonn li osserva Ġesù fit-tempju taʼ Ġerusalemm. Biż-żewġ muniti żgħar li poġġiet fil-kaxxa tat-teżor, wieħed lanqas biss setaʼ jixtri għasfur tal-bejt wieħed. Madankollu, dik il-kontribuzzjoni mogħtija bi mħabba mill-qalb għal Ġeħova kienet tfisser iktar għalih mid-donazzjonijiet kbar mogħtijin min-nies għonja li jagħtu miż-żejjed tagħhom. (Marku 12:41-44) Kemm hu inkuraġġanti li nkunu nafu li, huma x’inhuma ċ-ċirkustanzi tagħna, Ġeħova japprezza l-iktar dak li nistgħu nagħtu lkoll kemm aħna—l-imħabba tagħna għalih!
6. X’kiteb l-appostlu Pawlu dwar l-importanza taʼ l-imħabba?
6 Biex jenfasizza l-importanza taʼ l-imħabba fil-qima vera, l-appostlu Pawlu kiteb: “Kieku kelli nitkellem bl-ilsna tal-bnedmin u taʼ l-anġli imma ma jkollix imħabba, kont inkun bħal strument tar-ram iżarżar jew ċimblu jdamdam. U kieku għandi l-għotja taʼ l-ipprofetizzar u jien midħla tas-sigrieti sagri kollha u l-għarfien kollu, u għandi l-fidi kollha biex inċaqlaq il-muntanji minn posthom, iżda m’għandix imħabba, ma jien xejn. U kieku nagħti kulma għandi biex nitmaʼ lil oħrajn, u nagħti ġismi għall-mewt, sabiex ikolli biex niftaħar, iżda m’għandix imħabba, ma jiswieli xejn.” (1 Korintin 13:1-3) B’mod ċar, l-imħabba hija essenzjali biex il-qima tagħna tkun togħġob lil Alla. Iżda kif nuru mħabbitna għal Ġeħova?
Kif Nuru Mħabbitna għal Ġeħova
7, 8. Kif nistgħu nuru l-imħabba tagħna għal Ġeħova?
7 Bosta nies jemmnu li l-imħabba hija emozzjoni li ftit għandna kontroll fuqha; in-nies jitkellmu dwar l-imħabba romantika. Madankollu, l-imħabba vera m’hijiex sempliċement xi ħaġa li nħossu. Hija karatterizzata u murija bl-azzjoni, mhux bis-sentiment. Il-Bibbja tirreferi għall-imħabba bħala ‘triq li tisboq’ kull triq oħra u bħala xi ħaġa li ‘niġru warajha.’ (1 Korintin 12:31; 14:1) Il-Kristjani huma mħeġġin biex iħobbu, mhux biss “bil-kliem u lanqas bl-ilsien, imma bl-għemil u l-verità.”—1 Ġwanni 3:18.
8 L-imħabba għal Alla tqanqalna biex nagħmlu dak li jogħġob lilu u biex niddefendu u nappoġġaw is-sovranità tiegħu, kemm bil-kliem kif ukoll bl-għemil. Din tqanqalna biex nevitaw li nħobbu d-dinja u l-modi tagħha li jiċħdu lil Alla. (1 Ġwanni 2:15, 16) Dawk li jħobbu lil Alla jobogħdu dak li hu ħażin. (Salm 97:10) L-imħabba għal Alla tinvolvi wkoll l-imħabba għall-proxxmu tagħna, li se niddiskutu fl-artiklu li jmiss. Barra minn hekk, l-imħabba għal Alla tirrikjedi l-ubbidjenza tagħna. Il-Bibbja tgħid: “L-imħabba t’Alla tfisser dan: li nosservaw il-kmandamenti tiegħu.”—1 Ġwanni 5:3.
9. Ġesù kif wera l-imħabba tiegħu għal Alla?
9 Ġesù wera perfettament xi jfisser li tħobb lil Alla. L-imħabba qanqlitu biex iħalli l-post fejn kien jgħammar fis-sema u jiġi jgħix fuq l-art bħala bniedem. Din qanqlitu biex jigglorifika lil Missieru permezz taʼ l-affarijiet li għamel u għallem. L-imħabba qanqlitu biex ikun “ubbidjenti sal-mewt.” (Filippin 2:8) Din l-ubbidjenza—espressjoni taʼ l-imħabba tiegħu—fetħet it-triq għal uħud leali biex ikollhom waqfa taʼ tjieba quddiem Alla. Pawlu kiteb: “Bħalma bid-diżubbidjenza taʼ bniedem wieħed [Adam] ħafna saru midinbin, hekk ukoll bl-ubbidjenza taʼ persuna waħda [Kristu Ġesù] ħafna se jsiru ġusti.”—Rumani 5:19.
10. L-imħabba għal Alla għala tinvolvi l-ubbidjenza?
10 Bħal Ġesù, aħna nuru mħabbitna billi nkunu ubbidjenti lejn Alla. “L-imħabba tfisser dan,” kiteb Ġwanni, l-appostlu tant maħbub minn Ġesù, “li nibqgħu mexjin skond il-kmandamenti tiegħu.” (2 Ġwanni 6) Dawk li verament iħobbu lil Ġeħova jixxennqu għall-gwida tiegħu. Peress li jirrikonoxxu li ma jistgħux jidderieġu l-passi tagħhom b’suċċess, huma jafdaw fl-għerf t’Alla u jissottomettu ruħhom għad-direzzjoni tiegħu kollha mħabba. (Ġeremija 10:23) Huma bħal dawk l-uħud taʼ moħħ nobbli mill-Berea tal-qedem li aċċettaw il-messaġġ t’Alla “bl-akbar ħeġġa,” għaliex kellhom xewqa qawwija li jagħmlu r-rieda t’Alla. (Atti 17:11) Huma eżaminaw bir-reqqa l-Iskrittura biex jifhmu iktar bis-sħiħ x’inhi r-rieda t’Alla, u dan għenhom jesprimu l-imħabba f’iktar għemejjel t’ubbidjenza.
11. Xi jfisser li nħobbu lil Alla b’qalbna, b’moħħna, b’ruħna, u b’saħħitna kollha?
11 Bħalma qal Ġesù, l-imħabba għal Alla tinvolvi lil qalbna, moħħna, ruħna, u saħħitna kollha. (Marku 12:30) Imħabba bħal din toħroġ mill-qalb, tinvolvi s-sentimenti, ix-xewqat, u l-iktar ħsibijiet profondi tagħna, u aħna tassew nixtiequ bil-ħerqa li nogħġbu lil Ġeħova. Ukoll, aħna nħobbu billi nużaw l-abbiltà tal-ħsieb tagħna. Id-devozzjoni tagħna m’hijiex waħda għamja; aħna sirna nafu lil Ġeħova—il-kwalitajiet, il-livelli, u l-iskopijiet tiegħu. Aħna nużaw ruħna, l-eżistenza kollha tagħna u l-ħajja li għandna, biex naqduh u nfaħħruh. F’dan ir-rigward nużaw saħħitna wkoll.
Għala Għandna Nħobbu lil Ġeħova
12. Alla għala jeħtieġ li aħna nħobbuh?
12 Raġuni waħda għala għandna nħobbu lil Ġeħova hija li hu jeħtieġ li aħna nirriflettu l-kwalitajiet tiegħu. Alla huwa kemm is-sors kif ukoll l-aqwa eżempju taʼ l-imħabba. “Alla hu mħabba,” kiteb l-appostlu ispirat Ġwanni. (1 Ġwanni 4:8) Il-bnedmin inħolqu fuq xbihat Alla; aħna ġejna disinjati biex inħobbu. Fil-fatt, is-sovranità taʼ Ġeħova hi bbażata fuq l-imħabba. Hu jrid li dawk li jissottomettu ruħhom lejh jaqduh għax iħobbuh u jixxennqu għall-mod ġust taʼ kif jaħkem hu. Tassew, l-imħabba hija essenzjali għall-paċi u l-armonija tal-ħolqien kollu.
13. (a) Għala l-Iżraelin intqalilhom: ‘Ħobbu lil Ġeħova Alla tagħkom’? (b) Għala huwa raġunevoli li Ġeħova jistenna li aħna nħobbuh?
13 Raġuni oħra għala għandna nħobbu lil Ġeħova hija li aħna napprezzaw dak li għamel magħna. Ftakar li Ġesù qal lil-Lhud: ‘Ħobbu lil Ġeħova Alla tagħkom.’ Huma ma kinux mistennijin li jħobbu xi esseri divin li kien imbiegħed u mhux magħruf. Huma kellhom iħobbu l-Alla li kien wera mħabbtu lejhom. Ġeħova kien l-Alla tagħhom. Hu kien il-Wieħed li ħariġhom mill-Eġittu u daħħalhom fl-Art Imwiegħda, il-Wieħed li pproteġiehom, sostniehom, u ħabbhom, il-Wieħed li ddixxiplinahom bl-imħabba. U llum, Ġeħova hu Alla tagħna, il-wieħed li ta lil Ibnu bħala fidwa sabiex aħna jistaʼ jkollna l-ħajja taʼ dejjem. Kemm hu raġunevoli li Ġeħova jistenna li aħna nħobbuh lura! L-imħabba tagħna hija mħabba reċiproka; aħna mitlubin inħobbu lil Alla li jħobbna. L-imħabba tagħna hi lejn il-Wieħed li “ħabbna l-ewwel.”—1 Ġwanni 4:19.
14. B’liema mod hija l-imħabba taʼ Ġeħova bħal dik taʼ ġenitur kollu mħabba?
14 L-imħabba taʼ Ġeħova għall-bnedmin hija bħal dik taʼ ġenitur kollu mħabba għal uliedu. Għalkemm imperfetti, ġenituri kollhom imħabba jaħdmu b’mod ħabrieki għal ħafna snin biex jieħdu ħsieb uliedhom, u dan jagħmluh kemm b’sagrifiċċji materjali kbar kif ukoll b’modi oħrajn. Il-ġenituri jgħallmu, jinkuraġġixxu, jappoġġaw, u jiddixxiplinaw lil uliedhom għax iriduhom ikunu ferħanin u jirnexxu. Xi jkunu jixtiequ lura min-naħa tagħhom il-ġenituri? Huma jkunu jridu li wliedhom iħobbuhom u li jniżżlu f’qalbhom dak kollu li għaddewlhom il-ġenituri għall-ġid tagħhom. M’huwiex raġunevoli li Missierna tas-sema li hu perfett jistenna li aħna nuru apprezzament bi mħabba għal dak kollu li għamel magħna?
Nikkultivaw Imħabba għal Alla
15. X’inhu l-ewwel pass biex nikkultivaw imħabba għal Alla?
15 Aħna qatt ma rajna lil Alla jew smajna leħnu. (Ġwanni 1:18) Madankollu, hu jistidinna biex ikollna relazzjoni miegħu kollha mħabba. (Ġakbu 4:8) Kif nistgħu nagħmlu dan? L-ewwel pass biex inħobbu lil xi ħadd huwa li nieħdu għarfien dwar dik il-persuna; huwa diffiċli li jkollna affezzjoni qawwija għal xi ħadd li ma nafux. Ġeħova pprovda l-Kelma tiegħu, il-Bibbja, sabiex inkunu nistgħu nitgħallmu dwaru. Huwa għalhekk li Ġeħova, permezz taʼ l-organizzazzjoni tiegħu, jinkuraġġina biex naqraw il-Bibbja regolarment. Hija l-Bibbja li tgħallimna dwar Alla, il-kwalitajiet u l-personalità tiegħu, kif ukoll dwar il-mod kif hu ttratta man-nies matul eluf taʼ snin. Meta nimmeditaw fuq rakkonti bħal dawn, l-apprezzament u l-imħabba tagħna għalih se jikbru.—Rumani 15:4.
16. Kif se tikber l-imħabba tagħna għal Alla meta nimmeditaw fuq il-ministeru taʼ Ġesù?
16 Mod ewlieni kif nistgħu nkabbru l-imħabba tagħna għal Ġeħova huwa billi nirriflettu fuq il-ħajja u l-ministeru taʼ Ġesù. Fil-fatt, Ġesù tant irrifletta perfettament lil Missieru li hu setaʼ jgħid: “Min ra lili ra wkoll lill-Missier.” (Ġwanni 14:9) Ma tħossokx int imqanqal mill-mogħdrija li wera Ġesù meta reġaʼ ta l-ħajja lill-uniku iben taʼ waħda armla? (Luqa 7:11-15) M’huwiex taʼ l-għaġeb li tkun taf li hu—l-Iben t’Alla u l-aqwa bniedem li qatt għex—b’mod umli ħasel saqajn id-dixxipli tiegħu? (Ġwanni 13:3-5) Ma jqanqlekx il-fatt li tkun taf li għalkemm hu kien akbar u iktar għaqli minn kwalunkwe bniedem ieħor, hu għamel ruħu avviċinabbli għal kulħadd, inkluż it-tfal? (Marku 10:13, 14) Meta nimmeditaw b’apprezzament fuq dawn l-affarijiet, aħna nsiru bħall-Kristjani li dwarhom Pietru kiteb: “Għalkemm qatt ma rajtuh [Ġesù], tħobbuh.” (1 Pietru 1:8) Sewwasew bħalma l-imħabba tagħna għal Ġesù tikber, hekk ukoll l-imħabba tagħna għal Ġeħova.
17, 18. Il-meditazzjoni fuq liema provvedimenti li tana Ġeħova bl-imħabba tgħinna biex ikollna iżjed imħabba għalih?
17 Mod ieħor kif nistgħu nkabbru l-imħabba tagħna għal Alla huwa billi nimmeditaw fuq il-provvedimenti abbundanti kollhom imħabba li hu għamel sabiex aħna nkunu nistgħu ngawdu l-ħajja—is-sbuħija tal-ħolqien, il-varjetà li ma tispiċċa qatt taʼ ikel bnin, il-kumpanija ħelwa taʼ ħbieb veri, kif ukoll l-affarijiet sbieħ bla għadd li jagħtuna pjaċir u sodisfazzjon. (Atti 14:17) Iktar ma nitgħallmu dwar Alla tagħna, iktar ikollna raġunijiet biex napprezzaw il-ġenerożità u t-tjubija bla limiti tiegħu. Aħseb dwar l-affarijiet kollha li Ġeħova għamel miegħek personalment. Ma taqbilx li hu jistħoqqlu l-imħabba tiegħek?
18 Fost il-ħafna għotjiet minn Alla hemm l-opportunità li għandna biex nersqu lejh bit-talb fi kwalunkwe ħin għax nafu li hu ‘jismaʼ talbna.’ (Salm 65:3 [65:2, NW]) Ġeħova ta lil Ibnu l-għażiż l-awtorità kemm biex jaħkem kif ukoll biex jagħmel ġudizzju. Madankollu, hu ma jinkarigax lil oħrajn, lanqas lil Ibnu, biex jisimgħu t-talb. Hu jismaʼ t-talb tagħna personalment. L-interess persunali u kollu mħabba li juri Ġeħova jressaqna eqreb lejh.
19. Liema wegħdi taʼ Ġeħova jġagħluna ninġibdu lejh?
19 Aħna ninġibdu lejn Ġeħova wkoll meta naħsbu dwar l-iskop li għandu għall-umanità fil-futur. Hu wiegħed li jtemm il-mard, in-niket, u l-mewt. (Rivelazzjoni 21:3, 4) Ladarba l-umanità tinġieb għall-perfezzjoni, ħadd ma se jbati minn dipressjoni, skuraġġiment, jew traġedji. Il-ġuħ, il-faqar, u l-gwerra m’humiex se jeżistu iktar. (Salm 46:10 [46:9, NW]; 72:16) L-art se tinbidel f’ġenna. (Luqa 23:43) Ġeħova se jġib dawn il-barkiet, mhux għax iħossu obbligat li jagħmel dan, iżda għax iħobbna.
20. X’qal Mosè dwar il-benefiċċji taʼ l-imħabba għal Ġeħova?
20 Għalhekk, hemm raġunijiet konvinċenti biex inħobbu lil Alla tagħna u biex inħallu din l-imħabba tikber. Se tkompli int issaħħaħ l-imħabba tiegħek għal Alla, u b’hekk tħallih jidderiġik? L-għażla f’idejk. Mosè rrikonoxxa l-benefiċċji li jiġu meta wieħed jikkultiva u jsostni l-imħabba għal Ġeħova. Lill-Iżraelin tal-qedem Mosè qalilhom: “Agħżel il-ħajja biex tgħix int u nislek, billi tħobb lill-Mulej, Alla tiegħek, u tismaʼ l-kelma tiegħu, u torbot qalbek miegħu, għax din hi ħajtek u t-tul taʼ jiemek.”—Dewteronomju 30:19, 20.
Tiftakar Int?
• Għala hu essenzjali li nħobbu lil Ġeħova?
• Kif nistgħu nuru mħabbitna għal Alla?
• Liema raġunijiet għandna biex inħobbu lil Ġeħova?
• Kif nistgħu nikkultivaw l-imħabba għal Alla?
[Stampa f’paġna 20]
Ġeħova verament jgħożż dik il-ħaġa li lkoll kemm aħna nistgħu nesprimu—l-imħabba tagħna għalih
[Stampi f’paġna 23]
“Min ra lili ra wkoll lill-Missier.”—Ġwanni 14:9