LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w07 1/1 pp. 9-11
  • Tistaʼ Titwessaʼ fl-Imħabba?

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Tistaʼ Titwessaʼ fl-Imħabba?
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2007
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Napprezzaw lil Sħabna fit-​Twemmin
  • Il-​Korintin Kellhom “Nuqqas taʼ Wisaʼ”
  • Nitwessgħu fl-​Imħabba Llum
  • Irsisti u Agħmel Ħbieb Ġodda
  • Inwieġbu għall-​Bżonnijiet t’Oħrajn
  • “Wessgħu Qalbkom”
    Il-Ministeru tas-Saltna—2004
  • Komplu Ikbru fl-Imħabba Lejn l-Aħwa
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2009
  • “Ħa Jkollkom Imħabba Sħiħa Lejn Xulxin”
    Qim lill-Uniku Alla Veru
  • Ibqgħu “Imxu fl-Imħabba”
    Ersaq Qrib Lejn Ġeħova
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2007
w07 1/1 pp. 9-11

Tistaʼ Titwessaʼ fl-​Imħabba?

IL-​KATINA li żżomm l-​ankra taʼ vapur ikollha tirreżisti l-​effetti taʼ forzi qawwijin biex iżżomm il-​vapur milli jimxi mal-​kurrent. Madankollu, dan huwa possibbli biss jekk il-​ħoloq fil-​katina jkunu sodi u b’saħħithom. Inkella l-​katina se titqaċċat.

Is-sitwazzjoni hija simili fil-​kongregazzjoni Kristjana. Sabiex kongregazzjoni tkun soda u f’saħħitha, il-​membri individwali jridu jkunu marbutin flimkien f’unità. X’jorbothom flimkien? L-​imħabba, li hija l-​iktar forza b’saħħitha għall-​unità. Mhux taʼ b’xejn li Ġesù Kristu qal lid-​dixxipli tiegħu: “Qed nagħtikom kmandament ġdid, li tħobbu lil xulxin; bħalma ħabbejtkom jien, ħobbu intom ukoll lil xulxin. B’dan ikun jaf kulħadd li intom dixxipli tiegħi, jekk ikollkom l-​imħabba bejnietkom.” Tabilħaqq, il-​Kristjani veri għandhom it-​tip taʼ mħabba għal xulxin li huwa iktar minn sempliċement ħbiberija u rispett lejn xulxin. Huma jiżviluppaw imħabba mhix egoistika.​—Ġwanni 13:​34, 35.

Napprezzaw lil Sħabna fit-​Twemmin

Ħafna kongregazzjonijiet huma magħmulin minn nies t’etajiet, razez, nazzjonalitajiet, kulturi, lingwi, u sfondi soċjali differenti. Kull membru għandu l-​preferenzi tiegħu, it-​tamiet u l-​beżgħat tiegħu, u ġeneralment kull wieħed għandu t-​toqol tiegħu xi jġorr​—forsi saħħa batuta jew nuqqas taʼ sigurtà finanzjarja. Din il-​varjetà tistaʼ tkun taʼ sfida għall-​unità Kristjana. Allura, x’jistaʼ jgħinna nitwessgħu fl-​imħabba u nibqgħu magħqudin minkejja din l-​isfida? Apprezzament ġenwin għal kull membru tal-​kongregazzjoni se jgħinna nkabbru l-​imħabba tagħna għal xulxin.

Però, x’jiġifieri li tapprezza lil xi ħadd? Skond The New Shorter Oxford English Dictionary, il-​kelma “apprezza” tfisser li “tkun sensibbli jew sensittiv għal; li jkollok stima xierqa; li tirrikonoxxi xi ħaġa bħala li hi taʼ valur jew eċċellenti; li tkun grat għal.” Jekk napprezzaw lil sħabna fit-​twemmin, aħna se nkunu sensittivi għall-​bżonnijiet tagħhom, se ngħożżuhom, se nagħrfu l-​kwalitajiet tajbin tagħhom, u se nkunu grati li huma magħqudin fil-​qima magħna. B’riżultat taʼ dan, aħna nsiru nħobbuhom ħafna. Konsiderazzjoni fil-​qosor taʼ dak li kiteb l-​appostlu Pawlu lill-​Kristjani taʼ l-​ewwel seklu f’Korintu se tgħinna naraw kif nistgħu nuru mħabba Kristjana bl-​iktar mod komplet.

Il-​Korintin Kellhom “Nuqqas taʼ Wisaʼ”

Pawlu kiteb l-​ewwel ittra tiegħu lill-​Korintin fis-​sena 55 E.K. u t-​tieni ittra kitibha madwar sena wara. Il-​kummenti tiegħu jindikaw li xi wħud fil-​kongregazzjoni taʼ Korintu kellhom nuqqas t’apprezzament għal sħabhom fit-​twemmin. Pawlu ddeskriva s-​sitwazzjoni b’dan il-​kliem: “Ftaħna fommna għalikom, Korintin, wessajna qalbna. M’hemmx nuqqas taʼ wisaʼ għalikom fina, imma hemm nuqqas taʼ wisaʼ fl-​affezzjoni tenera tagħkom.” (2 Korintin 6:​11, 12) X’ried ifisser Pawlu meta qal li kellhom “nuqqas taʼ wisaʼ”?

Hu ried ifisser li kienu ristretti u mhux ġenerużi f’qalbhom. Wieħed studjuż tal-​Bibbja ħass li l-​imħabba tal-​Korintin għal Pawlu kienet “ristretta minħabba sitwazzjonijiet diffiċli li ġew minn suspetti bla bażi . . . u sentimenti mweġġgħin.”

Innota l-​parir li offra Pawlu: “Biex tpattulna​—inkellimkom bħallikieku tfal—wessgħu qalbkom intom ukoll.” (2 Korintin 6:​13) Pawlu inkuraġġixxa lill-​Korintin biex jitwessgħu fl-​imħabba għal sħabhom fit-​twemmin. Dan kien ifisser li jkunu motivati, mhux minn nuqqas taʼ fiduċja u nuqqasijiet żgħar, imma minn attitudni pożittiva u qalb ġeneruża.

Nitwessgħu fl-​Imħabba Llum

Qalbna tifraħ meta naraw kif qaddejja veri t’Alla llum jagħmlu sforzi kbar biex jitwessgħu fl-​imħabba għal xulxin. Huwa minnu li jirrikjedi sforz biex nitwessgħu fl-​imħabba. Dan ma jitlobx biss li nkunu nafu x’għandna nagħmlu. Biex nitwessgħu fl-​imħabba rridu naġixxu b’mod differenti min-​nies li ma jgħixux skond il-​livelli tal-​Bibbja. Spiss, nies bħal dawn ftit li xejn ikollhom apprezzament għal oħrajn. Jistgħu juru nuqqas t’attenzjoni u rispett, u jkunu sarkastiċi. Għalhekk, jalla qatt ma nħallu lilna nfusna niġu influwenzati minn dawn l-​attitudnijiet. Kemm ikun taʼ niket li kieku nimitaw lill-​Korintin u ma nħallux l-​imħabba tagħna tikber minħabba sentimenti taʼ nuqqas taʼ fiduċja. Dan jistaʼ jiġri jekk inkunu ħfief biex naraw in-​nuqqasijiet taʼ ħu Kristjan imma ndumu biex nirrikonoxxu l-​kwalitajiet tajbin tiegħu. Dan jistaʼ jiġri wkoll jekk ma jkollniex wisaʼ fl-​affezzjonijiet tagħna għaliex xi ħadd jiġi minn kultura oħra.

B’kuntrast, qaddej t’Alla li jitwessaʼ fl-​imħabba għandu apprezzament ġenwin għal sħabu fit-​twemmin. Hu jqishom bħala li huma prezzjużi, jirrispetta d-​dinjità tagħhom, u hu sensittiv għall-​bżonnijiet tagħhom. Anki meta jkollu raġuni valida biex jilmenta, hu lest li jaħfer u ma jżommx fil-​komma. Minflok, hu jafda l-​motivi taʼ sħabu fit-​twemmin. Qalb ġeneruża tgħinu juri t-​tip taʼ mħabba li Ġesù kellu f’moħħu meta bassar: “B’dan ikun jaf kulħadd li intom dixxipli tiegħi, jekk ikollkom l-​imħabba bejnietkom.”​—Ġwanni 13:35.

Irsisti u Agħmel Ħbieb Ġodda

Imħabba intensa se tgħinna noħorġu barra miċ-​ċirku tal-​ħbieb tagħna u nfittxu s-​sħubija taʼ dawk fil-​kongregazzjoni li ma tantx nafuhom sew. Min jistgħu jkunu dawn in-​nies? Xi wħud mill-​aħwa Kristjani tagħna jistħu jew, għal xi raġuni jew oħra, ftit għandhom ħbieb. Forsi għall-​ewwel inħossu li ftit li xejn għandna in komuni maʼ dawn l-​uħud, ħlief il-​qima tagħna. Imma ma taqbilx li ftit mill-​iktar ħbiberiji tal-​qalb fil-​Bibbja kienu bejn nies li, mad-​daqqa t’għajn, ftit li xejn kellhom in komuni?

Per eżempju, Rut u Nagħomi kellhom differenza kbira fl-​età, kienu taʼ nazzjonalitajiet u kulturi differenti, u anki kellhom lingwi differenti. Minkejja dan, il-​ħbiberija tagħhom ma ġietx effettwata minn dawn id-​differenzi. Ġonatan trabba bħala prinċep, u David bħala ragħaj. Id-​differenza fl-​età tagħhom kienet kbira, madankollu l-​ħbiberija tagħhom hija waħda mill-​iktar ħbiberiji mill-​qrib imsemmija fl-​Iskrittura Mqaddsa. Dawn iż-​żewġ ħbiberiji kienu sors taʼ ferħ u t’appoġġ spiritwali għal dawk konċernati.​—Rut 1:​16; 4:​15; 1 Samwel 18:3; 2 Samwel 1:​26.

Anki llum ħbiberiji mill-​qrib jiżviluppaw bejn Kristjani veri li huma taʼ ġenerazzjonijiet differenti jew li s-​sitwazzjoni tagħhom fil-​ħajja hija differenti għall-​aħħar. Per eżempju, Rita hija omm li qed trabbi liż-​żewġ adoloxxenti tagħha waħedha.a Għandha skeda mimlija daqs bajda u ftit għandha ħin għal okkażjonijiet soċjali. Harald u Ute huma koppja miżżewġa rtirati li m’għandhomx tfal. Mad-​daqqa t’għajn, dawn iż-​żewġ familji donnhom m’għandhom xejn in komuni. Imma Harald u Ute applikaw il-​parir tal-​Bibbja biex jitwessgħu fl-​imħabba. Huma twessgħu fl-​imħabba biex jinkludu lil Rita u lil uliedha f’ħafna attivitajiet, billi jqattgħu ħin magħhom fil-​ministeru pubbliku u jgawdu ftit rikreazzjoni.

Nistgħu aħna nitwessgħu fl-​imħabba u ninkludu iktar mill-​ħbieb tagħna tas-​soltu? Għala ma tfittixx kuntatt iktar mill-​qrib maʼ sħabek fit-​twemmin taʼ nazzjonalitajiet, kulturi, jew etajiet differenti?

Inwieġbu għall-​Bżonnijiet t’Oħrajn

Qalb ġeneruża se tqanqalna biex inkunu attenti għall-​bżonnijiet t’oħrajn. Liema tip taʼ bżonnijiet? Agħti daqqa t’għajn lejn il-​membri tal-​kongregazzjoni Kristjana. Iż-​żgħażagħ għandhom bżonn il-​gwida, dawk imdaħħlin fiż-​żmien għandhom bżonn l-​inkuraġġiment, il-​ministri full-time għandhom bżonn it-​tifħir u l-​appoġġ, u sħabna fit-​twemmin li huma dipressi għandhom bżonn min jismagħhom. Kulħadd għandu bżonnijiet differenti. Aħna rridu nwieġbu għal dawn il-​bżonnijiet kulmeta nistgħu.

Li nitwessgħu fl-​imħabba jfisser ukoll li nuru li nifhmu lil dawk bi bżonnijiet speċjali. Taf lil xi ħadd li hu marid kronikament jew li qed jiffaċċja xi prova oħra fil-​ħajja? Jekk nitwessgħu fl-​imħabba u nikkultivaw qalb ġeneruża se niġu megħjunin biex nifhmu u nappoġġaw lil dawk fil-​bżonn.

Hekk kif profeziji Bibliċi għall-​futur qarib qed jilħqu t-​twettiq tagħhom, rabtiet sodi t’unità ġewwa l-​kongregazzjoni se jkunu taʼ ħafna iktar valur minn dak li nippossiedu, mill-​abbiltajiet tagħna, jew minn affarijiet oħra li nirnexxu fihom. (1 Pietru 4:​7, 8) Ilkoll kemm aħna nistgħu nikkontribwixxu personalment biex insaħħu r-​rabtiet t’unità fil-​kongregazzjoni tagħna stess billi nitwessgħu fl-​imħabba għal sħabna fit-​twemmin. Nistgħu nkunu ċerti li Ġeħova se jberikna bil-​kbir jekk naġixxu fi qbil mal-​kliem taʼ Ibnu, Ġesù Kristu, li qal: “Dan hu l-​kmandament tiegħi, li tħobbu lil xulxin bħalma ħabbejtkom jien.”​—Ġwanni 15:12.

[Nota taʼ taħt]

a Xi ismijiet ġew mibdulin.

[Kumment f’paġna 10]

L-​apprezzament għal ħutna rġiel u nisa jfisser li nqisuhom bħala li huma prezzjużi, nirrispettaw id-​dinjità tagħhom, u nkunu sensittivi għall-​bżonnijiet tagħhom

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja