Ħalli l-Kongregazzjoni Tfaħħar lil Ġeħova
“Inxandar ismek lil ħuti; infaħħrek bl-għanjiet f’nofs il-kongregazzjoni.”—EBREJ 2:12.
1, 2. Il-kongregazzjoni għala hi daqshekk taʼ benefiċċju, u x’inhu l-irwol prinċipali tagħha?
MATUL l-istorja, in-nies sabu kumpanija u sigurtà fiċ-ċirku bażiku tal-familja. Madankollu, il-Bibbja tidentifika ċirku ieħor li fih numru bla għadd taʼ individwi madwar il-globu llum li qed igawdu kumpanija u sigurtà li ma bħalhom. Dan iċ-ċirku huwa l-kongregazzjoni Kristjana. Sew jekk int parti minn familja li tappoġġak u sew jekk le, int tistaʼ u għandek tapprezza dak li Alla pprovda permezz taʼ l-arranġament tal-kongregazzjoni. M’għandniex xi ngħidu, jekk int diġà qed tissieħeb maʼ kongregazzjoni tax-Xhieda taʼ Ġeħova, x’aktarx li int tistaʼ tagħti prova taʼ din is-sħubija kollha mħabba li tgawdi hemmhekk u s-sens taʼ sigurtà li għandek.
2 Il-kongregazzjoni m’hijiex sempliċi grupp soċjali. M’hijiex xi assoċjazzjoni tal-komunità jew xi klabb fejn jiltaqgħu individwi li għandhom l-istess sfond jew interessi f’xi sport jew passatemp. Minflok, l-arranġament tal-kongregazzjoni huwa primarjament għat-tifħir t’Alla Ġeħova. Dan ilu hekk għal żmien twil, bħalma jenfasizza l-ktieb tas-Salmi. F’Salm 35:18 naqraw: “Niżżik ħajr qalb ġemgħa [“kongregazzjoni,” NW] kbira, qalb kotra taʼ nies infaħħrek.” B’mod simili, Salm 107:31, 32 jinkuraġġina: “Ħa jroddu ħajr lill-Mulej għal tjubitu, għall-għeġubijiet tiegħu mal-bnedmin. Ikabbruh fil-ġemgħa [“kongregazzjoni,” NW] tal-poplu, u jfaħħruh fil-laqgħa tal-kbarat.”
3. Skond Pawlu, il-kongregazzjoni x’tagħmel?
3 L-appostlu Kristjan Pawlu enfasizza rwol essenzjali ieħor li għandha l-kongregazzjoni meta hu rrefera għad-“dar t’Alla, il-kongregazzjoni taʼ l-Alla l-ħaj, li hi pilastru u appoġġ tal-verità.” (1 Timotju 3:15) Dwar liema kongregazzjoni kien qed jitkellem Pawlu? Il-Bibbja b’liema modi tuża l-kelma “kongregazzjoni” jew “ġemgħa”? U liema impatt għandha tħalli l-kongregazzjoni fuq il-ħajja u l-prospetti tagħna? Biex insiru nafu t-tweġiba, ejja l-ewwel neżaminaw id-diversi modi kif tintuża l-kelma “kongregazzjoni” jew “ġemgħa” fil-Kelma t’Alla.
4. F’liema sens tintuża spiss il-kelma “kongregazzjoni” fl-Iskrittura Ebrajka?
4 Il-kelma Ebrajka spiss tradotta “kongregazzjoni” ġejja mill-għerq li jfisser “tiġbor” jew “tiġmaʼ” flimkien. (Dewteronomju 4:10; 9:10) Is-salmista uża l-kelma “ġemgħa” rigward l-anġli fis-sema, u tistaʼ tintuża biex tiddeskrivi grupp taʼ rġiel mill-agħar. (Salm 26:5; 89:6-8 [89:5-7, NW]) Madankollu, ħafna drabi l-Iskrittura Ebrajka tapplikaha għall-Iżraelin. Alla indika li Ġakobb kellu ‘jsir ġemgħa [“kongregazzjoni,” NW] taʼ ġnus,’ u hekk ġara. (Ġenesi 28:3, 35:11; 48:4) L-Iżraelin ġew imsejħin, jew magħżulin, biex ikunu “l-poplu tal-Mulej,” “il-ġemgħa tal-Mulej.”—Numri 20:4; Neħemija 13:1; Ġożwè 8:35; 1 Samwel 17:47; Mikea 2:5.
5. Liema kelma Griega hija normalment tradotta “kongregazzjoni,” u kif tistaʼ tiġi applikata din il-kelma?
5 Il-kelma Griega li tikkorrispondi hija ekklesija, li ġejja minn żewġ kelmiet Griegi li jfissru li ssejjaħ flimkien. Tistaʼ tiġi applikata għal grupp mhux reliġjuż, bħalma hi “l-assemblea” li qajjem Demetriju kontra Pawlu f’Efesu. (Atti 19:32, 39, 41) Imma l-Bibbja ġeneralment tużaha għall-kongregazzjoni Kristjana. Xi traduzzjonijiet jittraduċu din il-kelma bħala “knisja,” iżda The Imperial Bible-Dictionary jgħid li din “qatt . . . ma tfisser il-bini letterali li fih kienu jiltaqgħu l-Kristjani għall-qima fil-pubbliku.” Però, taʼ interess, fl-Iskrittura Griega Kristjana nsibu l-kelma “kongregazzjoni” applikata f’minn taʼ l-inqas erbaʼ modi differenti.
Il-Kongregazzjoni Midluka t’Alla
6. David u Ġesù x’għamlu fil-kongregazzjoni?
6 Meta applika l-kliem taʼ David li nsibu f’Salm 22:23 (22:22, NW) għal Ġesù, l-appostlu Pawlu kiteb: “‘Inxandar ismek lil ħuti; infaħħrek bl-għanjiet f’nofs il-kongregazzjoni.’ Għaldaqstant, [Ġesù] kellu jsir bħal ħutu f’kollox, biex isir qassis il-kbir ħanin u leali fis-servizz lil Alla.” (Ebrej 2:12, 17) David kien faħħar lil Alla f’nofs il-kongregazzjoni taʼ Iżrael tal-qedem. (Salm 40:10 [40:9, NW]) Madankollu, Pawlu għalxiex kien qed jirreferi meta qal li Ġesù faħħar lil Alla “f’nofs il-kongregazzjoni”? Liema kongregazzjoni?
7. L-Iskrittura Griega Kristjana b’liema mod primarju tuża l-kelma “kongregazzjoni”?
7 Dak li naqraw f’Ebrej 2:12, 17 huwa sinifikanti. Juri li Kristu kien inkluż bħala membru taʼ kongregazzjoni fejn hu ddikjara l-isem t’Alla lil ħutu. Min kienu dawn ħutu? Dawk li jifformaw parti minn “nisel Abraham,” ħut Kristu midlukin bl-ispirtu, ‘li għandhom sehem fis-sejħa tas-sema.’ (Ebrej 2:16–3:1; Mattew 25:40) Tabilħaqq, is-sens primarju tal-kelma “kongregazzjoni” fl-Iskrittura Griega Kristjana huwa grupp li jikkonsisti f’ħafna membri taʼ segwaċi taʼ Kristu midlukin bl-ispirtu. Dawn il-144,000 midluk jifformaw “il-kongregazzjoni taʼ l-ewwel imweldin li ġew miktubin fis-smewwiet.”—Ebrej 12:23.
8. Ġesù b’liema kliem indika bil-quddiem il-formazzjoni tal-kongregazzjoni Kristjana?
8 Ġesù indika li din il-“kongregazzjoni” Kristjana kellha tiġi fformata. Xi sena qabel mewtu, hu qal lil appostlu minnhom: “Int Pietru, u fuq din il-blata nibni l-kongregazzjoni tiegħi, u l-bibien taʼ Ħades ma jegħlbuhiex.” (Mattew 16:18) Kemm Pietru u kemm Pawlu fehmu sew li Ġesù nnifsu kien il-blata mbassra. Pietru kiteb li dawk li huma mibnijin bħala “ġebel ħaj” taʼ dar spiritwali fuq Kristu, il-blata, kienu ‘poplu miksub bħala proprjetà speċjali, sabiex ixandru maʼ kullimkien il-kwalitajiet eċċellenti’ tal-Wieħed li sejħilhom.—1 Pietru 2:4-9; Salm 118:22; Isaija 8:14; 1 Korintin 10:1-4.
9. Il-kongregazzjoni t’Alla meta bdiet tiġi fformata?
9 Dan “il-poplu miksub bħala proprjetà speċjali” meta beda jiġi fformat f’kongregazzjoni Kristjana? Kien f’Pentekoste tas-sena 33 E.K. meta Alla sawwab l-ispirtu qaddis fuq id-dixxipli meta kienu miġburin f’Ġerusalemm. Iktar tard dakinhar, Pietru għamel diskors mill-aqwa lil grupp taʼ Lhud u proseliti. Ħafna wħud intlaqtu fil-laħam il-ħaj minħabba l-mewt taʼ Ġesù; huma nidmu u tgħammdu. Fir-rakkont Bibliku nsibu li tlett elef ruħ hekk għamlu, eżatt wara li saru parti mill-kongregazzjoni ġdida t’Alla li dejjem tikber. (Atti 2:1-4, 14, 37-47) Kienet qed tikber għax iktar u iktar Lhud u proseliti aċċettaw il-fatt li Iżrael bħala ġens ma kienx għadu iżjed il-kongregazzjoni t’Alla. Minflok, il-Kristjani midlukin li kienu jifformaw “l-Iżrael t’Alla” spiritwali kienu saru l-vera kongregazzjoni t’Alla.—Galatin 6:16; Atti 20:28.
10. X’relazzjoni hemm bejn Ġesù u l-kongregazzjoni t’Alla?
10 Il-Bibbja spiss tagħmel distinzjoni bejn Ġesù u l-uħud midlukin, bħalma nsibu per eżempju fil-frażi “qed nitkellem dwar Kristu u l-kongregazzjoni.” Ġesù huwa l-Kap taʼ din il-kongregazzjoni taʼ Kristjani midlukin bl-ispirtu. Pawlu kiteb li Alla “għamlu [lil Ġesù] kap fuq kollox għall-kongregazzjoni, li hi l-ġisem tiegħu.” (Efesin 1:22, 23; 5:23, 32; Kolossin 1:18, 24) Illum, fuq l-art għad baqaʼ fdal żgħir biss mill-membri midlukin taʼ din il-kongregazzjoni. Iżda, aħna nistgħu nkunu ċerti li Ġesù Kristu, il-Kap tagħhom, iħobbhom. Is-sentimenti tiegħu lejhom huma deskritti f’Efesin 5:25: “Il-Kristu wkoll ħabb lill-kongregazzjoni u ta lilu nnifsu għaliha.” Hu jħobbhom għax b’mod attiv joffru “sagrifiċċju taʼ tifħir lil Alla, jiġifieri, il-frott tax-xofftejn li jistqarru ismu pubblikament,” bħalma għamel Ġesù meta kien fuq l-art.—Ebrej 13:15.
“Kongregazzjoni”—Modi Oħrajn Kif Tintuża
11. Liema hu t-tieni sens tal-kelma “kongregazzjoni” li tuża l-Iskrittura Griega Kristjana?
11 Kultant, il-Bibbja tuża l-kelma “kongregazzjoni” f’sens iktar limitat jew dettaljat, u ma tiġix applikata għall-grupp sħiħ taʼ 144,000 midluk li jifformaw “il-kongregazzjoni t’Alla.” Per eżempju, Pawlu kiteb lil grupp wieħed taʼ Kristjani: “Tkunux taʼ tfixkil għal-Lhud kif ukoll għall-Griegi u għall-kongregazzjoni t’Alla.” (1 Korintin 10:32) Naturalment, jekk Kristjan f’Korintu tal-qedem kien jaġixxi b’mod mhux xieraq, dan setaʼ jkun sors taʼ tfixkil għal xi wħud. Però, setaʼ dan l-att mhux xieraq ifixkel lill-Griegi, lil-Lhud jew lill-midlukin kollha minn dak iż-żmien sa llum il-ġurnata? Dażgur li le. Għalhekk, jidher li f’dan il-vers “il-kongregazzjoni t’Alla” tapplika għall-Kristjani li jgħixu fi żmien partikulari. Fi qbil maʼ dan, wieħed jistaʼ jirreferi għal Alla bħala li jidderieġi, jappoġġa, jew ibierek il-kongregazzjoni, jiġifieri l-Kristjani kollha f’ħin stipulat, huma fejn huma. Jew nistgħu nirreferu għall-ferħ u l-paċi li huma komuni fil-kongregazzjoni t’Alla llum, jiġifieri fost il-fratellanza sħiħa Kristjana.
12. Liema hu t-tielet sens tal-kelma “kongregazzjoni” fil-Bibbja?
12 It-tielet mod li l-Bibbja tuża l-kelma “kongregazzjoni” japplika għall-Kristjani kollha f’parti ġeografika. Naqraw: “Il-kongregazzjoni fil-Lhudija u l-Galilija u s-Samarija kollha ssaħħet u daħlet f’perijodu taʼ paċi.” (Atti 9:31) Kien hemm iżjed minn grupp wieħed taʼ Kristjani f’dik il-parti kbira, iżda dawn il-gruppi kollha fil-Lhudija, fil-Galilija, u fis-Samarija kienu jirreferu għalihom b’mod kollettiv bħala “l-kongregazzjoni.” Meta wieħed iqis in-numru taʼ wħud mgħammdin f’Pentekoste tas-sena 33 E.K. u eżatt wara, setaʼ kien hemm saħansitra iktar minn grupp wieħed li kien jiltaqaʼ regolarment fl-inħawi taʼ Ġerusalemm. (Atti 2:41, 46, 47; 4:4; 6:1, 7) Erodi Agrippa I ħakem il-Lhudija sa ma miet fis-sena 44 E.K., u jidher ċar mill-vers taʼ l-1 Tessalonikin 2:14 li għallinqas sas-sena 50 E.K., kien hemm għadd taʼ kongregazzjonijiet fil-Lhudija. Għalhekk, meta naqraw li Erodi kien “qabad taħt idejh lil xi wħud mill-kongregazzjoni,” dan jistaʼ jirreferi għal iktar minn grupp wieħed biss li kien jiltaqaʼ Ġerusalemm.—Atti 12:1.
13. Liema hu r-rabaʼ u l-iktar mod komuni li l-Bibbja tuża l-kelma “kongregazzjoni”?
13 Ir-rabaʼ sens, użu komuni u saħansitra iktar limitat tal-kelma “kongregazzjoni” jirreferi għal Kristjani li jifformaw kongregazzjoni lokali waħda biss, bħalma hi f’dar. Pawlu semma “l-kongregazzjonijiet tal-Galazja.” Kien hemm iktar minn kongregazzjoni lokali waħda f’din il-provinċja Rumana li kienet kbira. Pawlu darbtejn uża l-plural “kongregazzjonijiet” rigward il-Galazja, li setgħu inkludew lil dawk f’Antjokja, Derbe, Listra, u Ikonju. Irġiel ixjeħ kwalifikati, jew indokraturi, kienu maħturin f’dawn il-kongregazzjonijiet lokali. (1 Korintin 16:1; Galatin 1:2; Atti 14:19-23) Skond l-Iskrittura dawn kollha kienu “l-kongregazzjonijiet t’Alla.”—1 Korintin 11:16; 2 Tessalonikin 1:4.
14. X’nistgħu nikkonkludu mill-użu tal-kelma “kongregazzjoni” f’xi versi?
14 F’xi każi, il-gruppi fil-laqgħat Kristjani kellhom ikunu żgħar, sabiex ikunu jistgħu joqogħdu ġo dar privata. Xorta waħda, l-espressjoni “kongregazzjoni” kienet tiġi applikata għal xi gruppi bħal dawn. Dawk li nafu dwarhom kienu kongregazzjonijiet fid-djar t’Akwila u Priska, Nimfa, u Filemon. (Rumani 16:3-5; Kolossin 4:15; Filemon 2) Dan għandu jkun sors taʼ inkuraġġiment għall-kongregazzjonijiet lokali llum li huma kemxejn żgħar u li għandhom mnejn jiltaqgħu regolarment f’dar privata. Ġeħova rrikonoxxa kongregazzjonijiet żgħar bħal dawn fl-ewwel seklu, u hu ċertament li hekk jagħmel illum, billi jberikhom permezz taʼ l-ispirtu tiegħu.
Il-Kongregazzjonijiet Ifaħħru lil Ġeħova
15. Il-ħidma taʼ l-ispirtu qaddis kif intweriet f’xi kongregazzjonijiet tal-bidu?
15 Kif semmejna qabel, fit-twettiq taʼ Salm 22:23 [22:22, NW], Ġesù faħħar lil Alla f’nofs il-kongregazzjoni. (Ebrej 2:12) Is-segwaċi leali tiegħu kellhom jagħmlu l-istess. Lura fl-ewwel seklu meta l-Kristjani veri ġew midlukin bl-ispirtu qaddis biex isiru wlied Alla, u b’hekk ħut Kristu, xi wħud minnhom irċivew ħidmiet speċjali permezz taʼ l-ispirtu. Huma rċivew għotjiet mirakolużi taʼ l-ispirtu. Xi wħud mit-turijiet taʼ dawn l-għotjiet kienu kliem speċjali t’għerf jew għarfien, il-qawwa tal-fejqan jew l-ipprofetizzar, jew saħansitra l-abbiltà li jagħmlu stqarrijiet f’ilsna li ma kinux familjari magħhom.—1 Korintin 12:4-11.
16. X’kienet mira waħda taʼ l-għotjiet mirakolużi taʼ l-ispirtu?
16 Rigward il-kliem bl-ilsna, Pawlu qal: “Inkanta għanjiet taʼ tifħir bl-għotja taʼ l-ispirtu, imma nkanta għanjiet taʼ tifħir b’moħħi wkoll.” (1 Korintin 14:15) Hu ra l-importanza li oħrajn jifhmu kliemu, u b’hekk jitgħallmu. Il-mira taʼ Pawlu kienet li jfaħħar lil Ġeħova fil-kongregazzjoni. Hu ħeġġeġ lil oħrajn li kellhom l-għotjiet taʼ l-ispirtu: “Fittxu li toktru fihom biex tinbena l-kongregazzjoni,” jiġifieri l-kongregazzjoni lokali fejn kienu qed jużaw l-għotja. (1 Korintin 14:4, 5, 12, 23) B’mod ċar, Pawlu wera interess fil-kongregazzjonijiet lokali, billi hu kien jaf li f’kull waħda minnhom, il-Kristjani kien se jkollhom opportunitajiet biex ifaħħru lil Alla.
17. Rigward il-kongregazzjonijiet lokali llum, dwar xiex nistgħu nkunu ċerti?
17 Ġeħova jkompli juża u jappoġġa l-kongregazzjoni tiegħu. Hu qed ibierek il-grupp magħmul minn Kristjani midlukin fuq l-art illum. Dan jistaʼ jidher mill-provvista abbundanti taʼ ikel spiritwali li qed igawdi l-poplu t’Alla. (Luqa 12:42) Hu qed ibierek il-fratellanza mad-dinja kollha bis-sħiħ. U hu qed ibierek il-kongregazzjonijiet lokali, fejn aħna qed infaħħru lill-Ħallieq tagħna permezz taʼ l-għemejjel u l-kummenti tagħna li jsaħħu l-fidi. Hemmhekk nirċievu edukazzjoni u taħriġ sabiex inkunu nistgħu nfaħħru lil Alla f’okkażjonijiet oħrajn, meta m’aħniex fiżikament f’nofs il-kongregazzjoni lokali tagħna.
18, 19. Il-Kristjani devoti fi kwalunkwe kongregazzjoni x’għandhom jagħmlu?
18 Ftakar li l-appostlu Pawlu ħeġġeġ lill-Kristjani fil-kongregazzjoni lokali taʼ Filippi, il-Maċedonja: “Dan inkompli nitlob, li timtlew bi frott ġust, li hu permezz taʼ Ġesù Kristu, għall-glorja u t-tifħir t’Alla.” Dan jinkludi li jitkellmu m’oħrajn, lil persuni barra mill-kongregazzjoni Kristjana, dwar il-fidi tagħhom f’Ġesù u t-tama meraviljuża li għandhom. (Filippin 1:9-11; 3:8-11) Fi qbil maʼ dan, Pawlu ħeġġeġ lil Kristjani sħabu: “Permezz [taʼ Ġesù], ħa noffru dejjem sagrifiċċju taʼ tifħir lil Alla, jiġifieri, il-frott tax-xofftejn li jistqarru ismu pubblikament.”—Ebrej 13:15.
19 Issib int għaxqa f’li tfaħħar lil Alla “f’nofs il-kongregazzjoni,” bħalma għamel Ġesù, u f’li tuża xofftejk biex tfaħħar lil Ġeħova quddiem dawk li għad iridu jsiru jafuh u jfaħħruh? (Ebrej 2:12; Rumani 15:9-11) Sa ċertu punt, it-tweġiba persunali tagħna tistaʼ tiddependi fuq kif inħossuna aħna dwar l-irwol tal-kongregazzjoni lokali tagħna fl-iskop t’Alla. Fl-artiklu li jmiss, ejja nikkunsidraw kif Ġeħova qed jidderieġi u juża l-kongregazzjoni lokali tagħna u x’għandu jkun l-irwol tagħha f’ħajjitna llum.
Tiftakar Int?
• “Il-kongregazzjoni t’Alla,” magħmula minn Kristjani midlukin, kif bdiet teżisti?
• Semmi tliet modi oħrajn kif il-Bibbja tuża l-kelma “kongregazzjoni”?
• Rigward il-kongregazzjoni, x’riedu jagħmlu David, Ġesù, u l-Kristjani taʼ l-ewwel seklu, u dan kif għandu jeffettwana?
[Stampa f’paġna 21]
Ġesù kien il-pedament taʼ liema kongregazzjoni?
[Stampa f’paġna 23]
Gruppi lokali taʼ Kristjani ltaqgħu bħala “kongregazzjonijiet t’Alla”
[Stampa f’paġna 24]
Bħall-Kristjani f’Benin, aħna nistgħu nfaħħru lil Ġeħova fost il-ġemgħat tal-kongregazzjoni