LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w07 9/1 p. 17-p. 20 para. 10
  • Punti Prinċipali mill-Ktieb taʼ Danjel

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Punti Prinċipali mill-Ktieb taʼ Danjel
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2007
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • X’JGĦALLIMNA R-​RAKKONT KRONOLOĠIKU?
  • (Danjel 1:1–​6:​29 [1:1–​6:​28, NW])
  • X’JURU L-​VIŻJONIJIET TAʼ DANJEL?
  • (Danjel 7:1–​12:13)
  • Ġeħova ‘Jbierek lil Dawk li Jibżgħu Minnu’
  • Il-​Ktieb taʼ Danjel u Int
    Oqgħod Attent għall-Profezija taʼ Danjel!
  • Jehovah Jwiegħed Premju taʼ l-​Għaġeb lil Danjel
    Oqgħod Attent għall-Profezija taʼ Danjel!
  • Oqgħod Attent għall-Kelma Profetika t’Alla għal Żmienna
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2000
  • Imsaħħaħ Permezz taʼ Messaġġier Mibgħut Minn Alla
    Oqgħod Attent għall-Profezija taʼ Danjel!
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2007
w07 9/1 p. 17-p. 20 para. 10

Il-​Kelma taʼ Ġeħova Hi Ħajja

Punti Prinċipali mill-​Ktieb taʼ Danjel

“IL-​KTIEB taʼ Danjel hu wieħed mill-​iktar xogħlijiet interessanti fil-​Bibbja,” jgħid il-​Holman Illustrated Bible Dictionary. “Il-​paġni tiegħu huma mimlijin b’veritajiet dejjiema.” Ir-​rakkont taʼ Danjel jibda fis-​sena 618 Q.E.K. meta s-​Sultan Nabukodonosor taʼ Babilonja jiġi Ġerusalemm u jassedja l-​belt, u jieħu “lil xi wħud mill-​Iżraelin” fil-​jasar f’Babilonja. (Danjel 1:​1-3) Fosthom hemm iż-​żagħżugħ Danjel, li x’aktarx kien għadu biss adoloxxenti. Fil-​konklużjoni tal-​ktieb, Danjel ikun għadu Babilonja. Meta jkollu kważi 100 sena, Danjel jingħata l-​wegħda t’Alla: “Int ibqaʼ sejjer lejn l-​aħħar mistrieħ tiegħek; u mbagħad, meta jintemm iż-​żmien, tqum għall-​wirt li jmissek.”—Danjel 12:13.

Filwaqt li l-​ewwel parti tal-​ktieb taʼ Danjel hija preżentata b’mod kronoloġiku fit-​tielet persuna, l-​aħħar parti hija miktuba fl-​ewwel persuna. Miktub minn Danjel, il-​ktieb fih profeziji rigward il-​qawma u l-​waqgħa taʼ qawwiet dinjin, iż-​żmien tal-​miġja tal-​Messija, u ġrajjiet li jseħħu fi żmienna.a Ukoll, il-​profeta xwejjaħ iħares lura lejn il-​ħajja twila tiegħu u jirrakkonta episodji li jinkuraġġuna biex inkunu rġiel u nisa taʼ integrità li nogħġbu lil Alla. Il-​messaġġ taʼ Danjel hu ħaj u qawwi.—Ebrej 4:12.

X’JGĦALLIMNA R-​RAKKONT KRONOLOĠIKU?

(Danjel 1:1–​6:​29 [1:1–​6:​28, NW])

Is-​sena hi 617 Q.E.K. Danjel u t-​tliet żgħażagħ sħabu, Sidrak, Mesak, u Għabednegu, jinsabu fil-​palazz irjali taʼ Babilonja. Matul it-​tliet snin taʼ taħriġ li jingħataw fil-​ħajja rjali Babiloniża, iż-​żgħażagħ iżommu l-​integrità tagħhom lejn Alla. Xi tmien snin wara, is-​Sultan Nabukodonosor ikollu ħolma misterjuża. Danjel jgħidlu x’inhi l-​ħolma u jinterpretahielu. Is-​sultan jirrikonoxxi li Ġeħova hu “Alla taʼ l-​allat u Sid is-​slaten; huwa dak li jikxef il-​misteri.” (Danjel 2:47) Però, Nabukodonosor donnu li malajr jinsa din it-​tagħlima. Meta t-​tlett iħbieb taʼ Danjel jirrifjutaw li jqimu xbieha ġganteska, is-​sultan jitfagħhom ġo forn taʼ nar iħeġġeġ. L-​Alla l-​veru jsalvahom it-​tlieta li huma, u Nabukodonosor ikollu bilfors jirrikonoxxi li “ma hemmx alla ieħor li għandu ħila jagħti ħelsien bħal dan.”—Danjel 3:96 (3:​29, NW).

Nabukodonosor ikollu ħolma importanti oħra. Hu jara siġra għolja ħafna, li tiġi mqaċċta u ma titħalliex tikber. Danjel jgħidlu x’inhi l-​interpretazzjoni taʼ din il-​ħolma. Parti mill-​ħolma titwettaq meta Nabukodonosor jiġġennen, u mbagħad jirkupra. Għaxriet taʼ snin wara, is-​Sultan Beltassar jagħmel festa kbira għall-​kbarat tiegħu u b’diżrispett juża r-​reċipjenti li ttieħdu mit-​tempju taʼ Ġeħova. Dak il-​lejl stess, Beltassar jinqatel u Darju l-​Medi jingħata s-​saltna. (Danjel 5:30–6:1 [5:​30, 31, NW]) Fi żmien Darju, meta Danjel ikollu iktar minn 90 sena, il-​profeta xwejjaħ isir il-​mira taʼ pjan qattiel minn uffiċjali għajjurin. Imma Ġeħova jeħles “lil Danjel mil[l-i]ljuni!”—Danjel 6:28 (6:​27, NW).

Mistoqsijiet Skritturali Mweġbin:

1:​11-​15​—Kien il-​fatt li l-​erbaʼ żgħażagħ Ebrej kielu ħaxix biss responsabbli għad-​dehra isbaħ tagħhom? Le, ma kienx. Ebda ikel ma setaʼ jipproduċi bidliet bħal dawn f’għaxart ijiem biss. Il-​mertu għall-​bidla fid-​dehra tat-​tliet żgħażagħ Ebrej hu taʼ Ġeħova, li berikhom talli fdaw fih.—Proverbji 10:22.

2:1​—Nabukodonosor meta kellu l-​ħolma dwar l-​istatwa kbira tassew? Ir-​rakkont jgħidilna li dan kien “fit-​tieni sena tas-​saltna tiegħu,” jiġifieri taʼ Nabukodonosor. Hu sar sultan fis-​sena 624 Q.E.K. Għalhekk, it-​tieni sena tal-​ħakma tiegħu bdiet fis-​sena 623 Q.E.K.—ħafna snin qabel ma ħataf lil Ġuda. F’dak il-​perijodu taʼ żmien, Danjel ma kienx se jkun f’Babilonja biex jinterpreta l-​ħolma. “It-​tieni sena” milli jidher kienet tgħodd mis-​sena 607 Q.E.K., meta s-​sultan taʼ Babilonja qered lil Ġerusalemm u sar ħakkiem tad-​dinja.

2:​32, 39​—B’liema mod kienet is-​saltna tal-​fidda inferjuri għar-​ras tad-​deheb, u s-​saltna tal-​bronż kif kienet inferjuri għal dik tal-​fidda? L-​Imperu Medo-Persjan, rappreżentat mill-​parti tal-​fidda taʼ l-​istatwa, kien inferjuri għal Babilonja, ir-​ras tad-​deheb, minħabba li ma kellux il-​fama li għeleb lil Ġuda. Il-​qawwa dinjija li ġiet wara kienet il-​Greċja, rappreżentata mill-​bronż. Jerġaʼ l-​Greċja kienet inferjuri għall-​Medo-Persja, sewwasew bħalma l-​bronż hu inferjuri għall-​fidda. Għalkemm l-​Imperu Grieg kopra territorju akbar, dan ma kellux il-​privileġġ li jeħles lin-​nies t’Alla mill-​eżilju bħalma kellha l-​qawwa tal-​Medo-Persja.

4:​5, 6 (8, 9, NW)​—Sar Danjel innifsu wieħed mill-​maġi? Le. L-​espressjoni “l-​kbir fost il-​maġi” tirreferi sempliċement għall-​pożizzjoni taʼ Danjel bħala “l-​ogħla uffiċjal fuq l-​għorrief kollha taʼ Babilonja.”—Danjel 2:48.

4:​7, 8, 17-20 (10, 11, 20-22, NW)—X’kienet tirrappreżenta, jew tissimbolizza, is-​siġra għolja ħafna fil-​ħolma taʼ Nabukodonosor? Is-​siġra għall-​ewwel kienet tirrappreżenta lil Nabukodonosor bħala l-​ħakkiem taʼ qawwa dinjija. Madankollu, ladarba l-​ħakma kienet tkopri “t-​trufijiet kollha taʼ l-​art,” is-​siġra bilfors li kienet tfisser xi ħaġa ħafna akbar. Danjel 4:14 (4:​17, NW) jorbot il-​ħolma mal-​ħakma taʼ “l-​Għoli” li jaħkem fuq is-​saltna tal-​bnedmin. Allura, is-​siġra ssimbolizzat ukoll is-​sovranità universali taʼ Ġeħova, speċjalment fejn tidħol id-​dinja. Għalhekk, il-​ħolma għandha twettiq doppju—rigward il-​ħakma taʼ Nabukodonosor u rigward is-​sovranità taʼ Ġeħova.

4:​13, 20, 22, 29, 30 (4:​16, 23, 25, 32, 33 NW)—Kemm kienu twal is-​“sebaʼ żminijiet”? Il-​bidliet kollha li seħħew fid-​dehra tas-​Sultan Nabukodonosor kienu jeħtieġu li s-​“sebaʼ żminijiet” ikunu ħafna itwal minn sebaʼ ġranet letterali. Fil-​każ tiegħu, dawn iż-​żminijiet kienu jfissru sebaʼ snin taʼ 360 jum kull waħda, jew 2,520 jum. Fit-​twettiq akbar, is-​“sebaʼ żminijiet” huma 2,520 sena. (Eżekjel 4:​6, 7) Dawn bdew mill-​qerda taʼ Ġerusalemm fis-​sena 607 Q.E.K. u spiċċaw bil-​ħatra taʼ Ġesù fuq it-​tron bħala Sultan tas-​sema fl-​1914 E.K.—Luqa 21:24.

6:​7-​11 (6:​6-10, NW)​—Ladarba t-​talb lil Ġeħova ma jeħtieġ ebda pożizzjoni partikulari, ma kienx ikun għaqli min-​naħa taʼ Danjel li jitlob fis-​sigriet għall-​perijodu taʼ 30 jum? Kulħadd kien jaf li Danjel kien jitlob tliet darbiet kuljum. Dan hu għala dawk li kkonfoffaw kontrih ivvintaw il-​kmand li jillimita t-​talb. Mill-​ħarsa t’oħrajn, kwalunkwe bidla fir-​rutina tat-​talb taʼ Danjel setgħet dehret bħala kompromess u setgħet indikat li hu kien qed jonqos milli jagħti devozzjoni esklużiva lil Ġeħova.

Lezzjonijiet Għalina:

1:​3-8. Id-​determinazzjoni taʼ Danjel u sħabu biex jibqgħu leali lejn Ġeħova tenfasizza l-​valur tat-​taħriġ li żgur ngħataw mill-​ġenituri. Meta ġenituri li jibżgħu minn Alla jpoġġu l-​interessi spiritwali l-​ewwel f’ħajjithom u jgħallmu lil uliedhom biex jagħmlu l-​istess, x’aktarx li wliedhom se jirreżistu kwalunkwe tentazzjoni u pressjoni li tistaʼ tinqalaʼ fl-​iskola jew xi mkien ieħor.

1:​10-​12. Danjel fehem għala “l-​kap taʼ l-​uffiċjali” beżaʼ mis-​sultan u ma baqax jagħmel ir-​rikjesta tiegħu lilu. Madankollu, Danjel iktar tard kellem lil “uffiċjal” ieħor li forsi setaʼ kien iktar f’pożizzjoni li juri ħniena. Meta nittrattaw sitwazzjonijiet diffiċli, aħna għandna naġixxu b’dehen, fehma, u għerf simili.

2:​29, 30. Bħal Danjel, aħna għandna nagħtu l-​mertu kollu lil Ġeħova għal kwalunkwe għarfien, kwalitajiet, jew abbiltajiet li forsi ksibna minħabba li ħadna vantaġġ mill-​provvedimenti spiritwali tiegħu.

3:​16-​18. X’aktarx li t-​tliet Ebrej ma kinux se jwieġbu b’konvinzjoni daqshekk soda li kieku iktar kmieni kienu għamlu kompromess fejn jidħol l-​ikel. Aħna wkoll għandna nistinkaw biex ‘nuru fedeltà f’kollox.’—1 Timotju 3:11.

4:​21-24 (24-​27, NW). L-​ipproklamar tal-​messaġġ tas-​Saltna, li jinkludi l-​ġudizzji t’Alla, jeħtieġ l-​istess tip taʼ fidi u kuraġġ li wera Danjel biex jgħarraf x’kellu jiġri minn Nabukodonosor u x’kellu jagħmel is-​sultan sabiex ‘jitwal għalih żmien ir-​riżq.’

5:​31–6:1 (5:​30, 31, NW). L-​“għanja lis-​sultan taʼ Babilonja” seħħet fir-​realtà. (Isaija 14:​3, 4, 12-15) Satana x-​Xitan, li l-​kburija tiegħu hija simili għal dik tad-​dinastija Babiloniża, ukoll se jkollu tmiem taʼ diżunur.—Danjel 4:​27 (4:​30, NW); 5:​2-4, 23.

X’JURU L-​VIŻJONIJIET TAʼ DANJEL?

(Danjel 7:1–​12:13)

Meta Danjel jingħata l-​ewwel viżjoni tiegħu permezz taʼ ħolma, fis-​sena 553 Q.E.K., hu jkollu ’l fuq minn 70 sena. Danjel jara erbaʼ bhejjem enormi li jagħtu stampa tal-​qawwiet dinjin li jiġu wara xulxin minn żmienu sa żmienna. F’viżjoni dwar xena fis-​sema, hu jara “bħal iben taʼ bniedem” li jingħata “ħakma għal dejjem.” (Danjel 7:​13, 14) Sentejn wara, Danjel ikollu viżjoni li tinvolvi lill-​Medo-Persja, il-​Greċja, u sultan li jsir “sultan wiċċu tost.”—Danjel 8:23.

Is-sena issa hija 539 Q.E.K. Babilonja waqgħet, u Darju l-​Medi sar ħakkiem fuq is-​saltna tal-​Kaldin. Danjel jitlob lil Ġeħova dwar ir-​restawrazzjoni taʼ pajjiżu. Waqt li jkun għadu qed jitlob, Ġeħova jibgħat lill-​anġlu Gabrijel biex ‘jgħarraf u jfiehem’ lil Danjel dwar il-​miġja tal-​Messija. (Danjel 9:​20-25) Jgħaddi ż-​żmien u naslu għas-​sena 536/535 Q.E.K. Fdal irritorna lejn Ġerusalemm. Imma hemm l-​oppożizzjoni għax-​xogħol tal-​bini tat-​tempju. Dan il-​fatt isir sors kbir t’ansjetà għal Danjel. Hu jitlob dwar dan, u Ġeħova jibgħat anġlu taʼ pożizzjoni għolja għand Danjel. Wara li jsaħħaħ u jinkuraġġixxi lil Danjel, l-​anġlu jgħidlu profezija li tenfasizza l-​ġlieda għall-​ħakma bejn is-​sultan tat-​tramuntana u s-​sultan tan-​nofsinhar. Il-​konflitt bejn iż-​żewġ slaten ikopri ż-​żmien minn meta s-​saltna t’Alessandru l-​Kbir tinqasam bejn erbaʼ ġenerali saż-​żmien meta “jqum” Mikiel, il-​Prinċep il-​Kbir.—Danjel 12:1.

Mistoqsijiet Skritturali Mweġbin:

8:9​—X’inhu deskritt mill-​“art sabiħa”? F’dan il-​każ, “l-​art sabiħa” tissimbolizza l-​kundizzjoni tal-​Kristjani midlukin fuq l-​art matul iż-​żmien tal-​Qawwa Dinjija Anglo-Amerikana.

8:​25​—Min hu “l-​Prinċep tal-​prinċpijiet”? Il-​kelma Ebrajka sar, tradotta “prinċep,” bażikament tfisser “kap.” It-​titlu “Prinċep tal-​prinċpijiet” japplika biss għal Alla Ġeħova—il-​Kap tal-​prinċpijiet anġeliċi, fosthom “Mikiel, wieħed mill-​prinċpijiet ewlenin.”—Danjel 10:13.

9:​21​—Danjel għala jirreferi għall-​anġlu Gabrijel bħala “r-​raġel”? Dan hu minħabba li Gabrijel mar għandu f’sura taʼ bniedem, bħalma kien deher lil Danjel f’viżjoni iktar kmieni.—Danjel 8:​15-17.

9:​27​—Liema patt baqaʼ jgħodd “maʼ ħafna” sat-​tmiem tas-​70 ġimgħa taʼ snin, jew is-​sena 36 E.K.? Il-​patt tal-​Liġi tneħħa fis-​sena 33 E.K. meta Ġesù ġie msammar maʼ zokk. Imma billi l-​patt Abrahamiku baqaʼ jgħodd maʼ Iżrael naturali sas-​sena 36 E.K., Ġeħova tawwal il-​perijodu taʼ favur speċjali lil-​Lhud fuq il-​bażi tad-​dixxendenza tagħhom minn Abraham. Il-​patt Abrahamiku għadu jgħodd rigward “l-​Iżrael t’Alla.”​—Galatin 3:​7-9, 14-​18, 29; 6:​16.

Lezzjonijiet Għalina:

9:​1-​23; 10:11. Minħabba li kien umli, devot lejn Alla, iħobb jistudja, u jippersisti fit-​talb, Danjel kien “raġel għażiż.” Dawn l-​istess karatteristiki għenuh ukoll biex jibqaʼ leali lejn Alla sat-​tmiem taʼ ħajtu. Ejja nkunu determinati li nsegwu l-​eżempju taʼ Danjel.

9:​17-​19. Anki meta nitolbu biex tiġi d-​dinja l-​ġdida t’Alla, li fiha se “tgħammar il-​ġustizzja,” għandna niffokaw primarjament fuq it-​taqdis taʼ isem Ġeħova u l-​vindikazzjoni tas-​sovranità tiegħu minflok it-​tmiem tat-​tbatijiet u d-​diffikultajiet persunali tagħna.—2 Pietru 3:13.

10:​9-​11, 18, 19. Biex nimitaw l-​anġlu li mar għand Danjel, aħna għandna ninkuraġġixxu u nsaħħu lil xulxin billi nagħtu daqqa t’id u ngħidu kliem li jfarraġ.

12:3. Matul l-​aħħar jiem, dawk li huma “bil-​għaqal”—il-​Kristjani midlukin—kellhom ‘jiddu bħala dawwala’ u jġibu lil “ħafna fis-​sewwa,” inkluż “folla kbira” taʼ “nagħaġ oħrajn.” (Filippin 2:15; Rivelazzjoni 7:9; Ġwanni 10:16) Il-​midlukin se “jiddu bħal kwiekeb” bl-​iktar mod sħiħ matul ir-​Renju t’Elf Sena taʼ Kristu, meta jieħdu sehem miegħu f’li japplikaw il-​benefiċċji kollha tal-​fidwa lill-​umanità ubbidjenti fuq l-​art. In-​“nagħaġ oħrajn” għandhom iżommu lealment mal-​midlukin, billi jappoġġawhom b’qalbhom kollha u b’kull mezz possibbli.

Ġeħova ‘Jbierek lil Dawk li Jibżgħu Minnu’

X’jgħallimna l-​ktieb taʼ Danjel dwar l-​Alla li aħna nqimu? Ikkunsidra l-​profeziji li fih—dawk li twettqu diġà u dawk li għad iridu jitwettqu. Kemm jiddeskrivu b’mod ċar lil Ġeħova bħala l-​Wieħed li jwettaq il-​kelma tiegħu!—Isaija 55:11.

Ir-rakkont tal-​ktieb taʼ Danjel x’jurina dwar Alla tagħna? L-​erbaʼ żgħażagħ Lhud li rrifjutaw li jintegraw ruħhom fil-​ħajja rjali Babiloniża ngħataw ‘għerf u għaqal.’ (Danjel 1:17) L-​Alla l-​veru bagħat lill-​anġlu tiegħu u ħeles lil Sidrak, Mesak, u Għabednegu mill-​forn taʼ nar iħeġġeġ. Danjel inħeles mill-​ħofra taʼ l-​iljuni. Ġeħova hu ‘l-​għajnuna u t-​tarka taʼ dawk li jittamaw fih’ u ‘jbierek lil dawk li jibżgħu minnu.’—Salm 115:​9, 13.

[Nota taʼ taħt]

a Għal konsiderazzjoni vers b’vers tal-​ktieb taʼ Danjel, ara Oqgħod Attent għall-​Profezija taʼ Danjel! pubblikat mix-​Xhieda taʼ Ġeħova.

[Stampa f’paġna 18]

Danjel għala kien “raġel għażiż”?

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja