‘Ilbsu l-Umiltà’
IR-RAĠEL kien ġej minn belt prominenti. Hu kellu l-vantaġġ li twieled bħala ċittadin Ruman u wisq probabbli kien ġej minn familja magħrufa. Dan ir-raġel, Sawlu, irċieva ftit mill-aqwa edukazzjoni li kienet provduta fl-ewwel seklu E.K. Hu kien jitkellem minn taʼ l-inqas b’żewġ lingwi u kien jappartjeni lil grupp reliġjuż Lhudi li kien magħruf sew—il-Fariżej.
Jistaʼ jkun li Sawlu tgħallem juri disprezz lejn in-nies komuni u jkun kburi bis-sewwa tiegħu. (Luqa 18:11, 12; Atti 26:5) Sħab Sawlu l-Fariżej ħassew li kienu superjuri għal oħrajn u kienu jħobbu l-prominenza u t-titli li jġegħluhom iħossuhom importanti. (Mattew 23:6, 7; Luqa 11:43) X’aktarx li s-sħubija maʼ nies bħal dawn għamlet lil Sawlu bniedem arroganti. Aħna nafu li hu kien persekutur żeluż tal-Kristjani. Snin wara, meta sar magħruf bħala l-appostlu Pawlu, hu qal li kien “midgħi u persekutur u raġel insolenti.”—1 Timotju 1:13.
Iva, Sawlu sar Kristjan, l-appostlu Pawlu, u l-personalità tiegħu nbidlet għalkollox. Bħala appostlu Kristjan, hu b’umiltà ddikjara li kien “bniedem inqas mill-inqas wieħed fost il-qaddisin kollha.” (Efesin 3:8) Kien evanġelizzatur effettiv, imma ma ħa l-ebda kredtu għalih innifsu għal dan. Pjuttost, hu ta l-unur kollu lil Alla. (1 Korintin 3:5-9; 2 Korintin 11:7) Kien Pawlu li ta twissija lill-Kristjani sħabu: “Ilbsu sentimenti profondi taʼ mogħdrija, u qalb tajba, umiltà, ħlewwa, u sabar fit-tul.”—Kolossin 3:12.
Japplika dan il-parir fis-seklu tagħna, is-seklu 21? Hemm vantaġġi meta tkun umli? Tistaʼ l-umiltà verament tkun evidenza taʼ saħħa?
Huwa l-Ħallieq li Jistaʼ Kollox Umli?
Kwalunkwe diskussjoni dwar l-umiltà għandha tiġi kunsidrata mill-ħarsa t’Alla. Għala? Għaliex huwa s-Sovran u l-Ħallieq tagħna. B’kuntrast miegħu, aħna għandna nagħrfu u naċċettaw il-limitazzjonijiet tagħna stess. Aħna niddependu minnu. “Xaddaj li jistaʼ kollox aħna ma nilħquhx; Hu għoli fil-qawwa,” qal żmien twil ilu wieħed raġel għaref jismu Eliħu. (Ġob 37:23) Tabilħaqq, il-meditazzjoni dwar l-univers kbir taʼ madwarna tgħinna numiljaw lilna nfusna! Il-profeta Isaija jagħmlilna din l-istedina: “Erfgħu għajnejkom ’il fuq u araw: min ħalaqhom dawn il-ħlejjaq kollha? Imexxi u jgħodd l-eżerċti tiegħu, u jsejjħilhom b’isimhom wieħed wieħed. Bis-saħħa taʼ qawwietu, bil-qawwa taʼ setegħtu, ħadd minnhom ma jonqos.”—Isaija 40:26.
Minbarra li jistaʼ kollox, Alla Ġeħova huwa umli. Is-Sultan David talbu: “Int tajtni t-tarka tas-salvazzjoni tiegħek; [“l-umiltà,” NW] tiegħek kabbritni.” (2 Samwel 22:36) Alla huwa umli fis-sens li hu juri konsiderazzjoni maʼ l-umli li jipprovaw jogħġbuh, u hu jurihom ħniena. Hu bħallikieku jħares ’l isfel mill-għoli sabiex juri qalb tajba lejn dawk li jibżgħu minnu.—Salm 113:5-7.
Iżjed minn hekk, Ġeħova japprezza l-umiltà li juru l-qaddejja tiegħu. L-appostlu Pietru kiteb: “Alla jopponi lis-suppervi, imma juri qalb tajba mhix mistħoqqa maʼ l-umli.” (1 Pietru 5:5) Dwar il-ħarsa t’Alla lejn il-kburija, kittieb tal-Bibbja qal: “Il-Mulej jistmell lil kull min hu mkabbar.” (Proverbji 16:5) Allura, l-umiltà kif tistaʼ tkun evidenza taʼ saħħa?
X’M’Hijiex l-Umiltà
L-umiltà m’hijiex l-istess bħall-umiljazzjoni. F’xi kulturi fl-antik, xi ħadd tipikament umli kien ikun ilsir—individwu li joqgħod għal kollox, miżerabbli, u taʼ min jitħassru. B’kuntrast, il-Bibbja tenfasizza li l-umiltà ġġib l-unur. Per eżempju, ir-raġel għaref kiteb: “Min jiċċekken u jibżaʼ mill-Mulej, jieħu bi ħlasu għana, ġieħ u ħajja.” (Proverbji 22:4) U f’Salm 138:6 naqraw: “Kbir il-Mulej, imma jieħu ħsieb iż-żgħar; u, għalkemm fl-għoli, jagħraf mill-bogħod.”
Il-fatt li wieħed ikun umli ma jfissirx li m’għandux abbiltajiet jew miri x’jilħaq. Per eżempju, Ġesù Kristu qatt ma qal li ma kienx l-iben uniġenitu taʼ Ġeħova, u qatt ma ppretenda li l-ministeru tiegħu fuq l-art kien bla valur. (Marku 14:61, 62; Ġwanni 6:51) Madankollu, Ġesù wera l-umiltà billi ta l-kredtu lil Missieru għax-xogħlijiet tiegħu u billi uża l-qawwa tiegħu biex jaqdi u jgħin lil oħrajn u mhux biex jiddominahom jew jaħqarhom.
Evidenza taʼ Saħħa
Bla dubju, Ġesù Kristu sar magħruf mal-kontemporanji tiegħu “permezz t’għemejjel setgħanin.” (Atti 2:22) Madankollu, f’għajnejn xi wħud hu kien “l-iċken fost il-bnedmin.” (Danjel 4:14 [4:17, NW]) Hu mhux biss għex ħajja modesta, imma wkoll għallem ripetutament il-valur li għandha l-umiltà. (Luqa 9:48; Ġwanni 13:2-16) Għaldaqstant, l-umiltà tiegħu m’għamlitux dgħajjef. Hu ma kellux biżaʼ meta kien jiddefendi isem Missieru u wettaq il-ministeru tiegħu. (Filippin 2:6-8) Fil-Bibbja, Ġesù huwa deskritt bħala ljun kuraġġuż. (Rivelazzjoni 5:5) L-eżempju taʼ Ġesù juri li l-umiltà hija fi qbil mas-saħħa morali u l-karattru sod.
Hekk kif nistinkaw biex nikkultivaw umiltà ġenwina, aħna nirrealizzaw li dan jirrikjedi sforz ġenwin sabiex l-umiltà ssir parti minn ħajjitna. Dan jinvolvi li dejjem inkunu sottomessi lejn ir-rieda t’Alla minflok ma nagħżlu l-eħfef triq jew inċedu għall-inklinazzjonijiet tal-ġisem. Il-fatt li niżviluppaw l-umiltà jirrikjedi li jkollna saħħa morali, minħabba li rridu nwarrbu fil-ġenb l-interessi persunali sabiex naqdu lil Ġeħova u l-interessi t’oħrajn mingħajr egoiżmu.
Il-Benefiċċji taʼ l-Umiltà
L-umiltà tinvolvi li ma nkunux kburin jew egoisti. L-Iskrittura tuża l-kelma “umiltà” biex tiddeskrivi dan. (Efesin 4:2) Jekk neżaminaw lilna nfusna b’mod realistiku—il-kwalitajiet tajbin u d-dgħjufijiet tagħna, is-suċċess u l-falliment tagħna—aħna nistgħu niżviluppaw l-umiltà li tikkontrollalna ħsibijietna. Pawlu tana parir għaqli dwar dan meta kiteb: “Ngħid lil kull wieħed minnkom biex ma jaħsibx li hu xi ħaġa iktar milli hu xieraq; imma jaħseb b’tali mod li jkollu moħħ f’loku.” (Rumani 12:3) Kulmin isegwi dan il-parir ikun qed juri l-umiltà.
L-umiltà tintwera wkoll meta aħna sinċerament inpoġġu l-interessi t’oħrajn qabel tagħna. Pawlu kien imnebbaħ biex iwissi lill-Kristjani: “Tagħmlu xejn bi ġlied jew bi kburija, imma b’umiltà tqisu lill-oħrajn superjuri għalikom.” (Filippin 2:3) Dan kien fi qbil mal-kmand taʼ Ġesù lis-segwaċi tiegħu: “L-akbar wieħed fostkom għandu jkun il-qaddej tagħkom. Kulmin jitgħolla jiġi umiljat, u kulmin jumilja ruħu jitgħolla.”—Mattew 23:11, 12.
Tabilħaqq, Alla jonora tassew lil dawk li huma umli. Id-dixxiplu Ġakbu enfasizza dan il-fatt meta kiteb: “Umiljaw ruħkom f’għajnejn Ġeħova, u hu jeżaltakom.” (Ġakbu 4:10) Min ma jixtieqx ikun eżaltat minn Alla?
In-nuqqas t’umiltà ġab ħafna konfużjoni u konflitti bejn gruppi taʼ nies u bejn individwi. Mill-banda l-oħra, li wieħed ikun umli jġib riżultati pożittivi. Aħna jistaʼ jkollna l-approvazzjoni sħiħa t’Alla. (Mikea 6:8) Nistgħu ngawdu paċi tal-moħħ għax xi ħadd umli x’aktarx li jkun iktar ferħan u kuntent minn persuna mkabbra. (Salm 101:5) Ir-relazzjonijiet tagħna mal-familja, il-ħbieb, il-kollegi, u oħrajn se jkunu b’inqas problemi u iktar pjaċevoli. Uħud umli jevitaw li jkollhom xi nuqqas taʼ qbil u li jinsistu li tgħaddi tagħhom, imġiba li tistaʼ faċilment twassal għar-rabja, relazzjonijiet bierda, il-korla, u l-imrar.—Ġakbu 3:14-16.
Tabilħaqq, il-fatt li nikkultivaw l-umiltà huwa mod tajjeb kif inżommu relazzjonijiet tajbin m’oħrajn. Dan jistaʼ jgħinna nkampaw maʼ l-isfidi taʼ din id-dinja egoista u kompetittiva. Bl-għajnuna t’Alla, l-appostlu Pawlu kien kapaċi jegħleb l-arroganza u l-kburija li kellu qabel. Bl-istess mod, aħna nagħmlu tajjeb li nikkontrollaw kwalunkwe ġibda lejn il-kburija jew lejn il-ħsieb li aħna aħjar minn ħaddieħor. “Qabel il-qerda tiġi l-kburija, u qabel il-waqgħa t-tkabbir,” twissi l-Bibbja. (Proverbji 16:18) Billi nsegwu l-eżempju taʼ Pawlu u nieħdu l-parir tiegħu, aħna se naraw l-għerf f’li ‘nilbsu l-umiltà.’—Kolossin 3:12.
[Stampa f’paġna 4]
Pawlu rnexxielu jegħleb l-arroganza u l-kburija
[Stampa f’paġna 7]
Jekk ikollna l-umiltà se niġu megħjunin inżommu relazzjonijiet tajbin m’oħrajn
[Sors tal-Istampa f’paġna 5]
Anglo-Australian Observatory/David Malin Images