Ibni lill-Familja Tiegħek bi “Kliem Pjaċevoli”
IKTAR ma beda jgħaddi l-ħin, David iktar beda jħoss it-tempra tielgħa. Hu u jistenna lil martu fil-karozza, il-ħin kollu jħares lejn l-arloġġ tiegħu. Sa ma martu Diane fl-aħħar ħarġet mid-dar, hu ma felaħx iktar u sfoga r-rabja li kellu.
“Għalfejn ħallejtni nistenna daqshekk?” beda jgħajjat hu. “Int dejjem tard! Tistaʼ mqar għal darba tkun lesta fil-ħin?”
Diane ħassitha mweġġgħa. Hi nfaqgħet tibki u daħlet tiġri lura d-dar. Dak il-ħin, David induna li kien żbalja. Ir-rabja tiegħu iktar iggravat l-affarijiet. X’setaʼ jagħmel issa? Hu tefa l-karozza, ħa nifs qawwi, u bil-mod il-mod daħal warajha.
Din it-tixbiha tippreżenta xena realistika, hux tassew? Qatt ħassejtek li kien ikun aħjar kieku gdimt ilsienek? Meta nitkellmu mingħajr ma naħsbu, spiss ngħidu affarijiet li wara jiddispjaċina li nkunu għedniehom. Mhux taʼ b’xejn li l-Bibbja tgħid: “Moħħ il-ġust jaħsibha qabel iwieġeb.”—Proverbji 15:28.
Madankollu, jistaʼ jkun diffiċli li naħsbu sew x’se ngħidu qabel ma nitkellmu, b’mod partikulari meta nħossuna rrabjati, beżgħanin, jew imweġġgħin. Kwalunkwe tentattiv biex nesprimu s-sentimenti tagħna speċjalment maʼ membri tal-familja tagħna jistaʼ faċilment iwassalna biex nitfgħu l-ħtija fuq il-persuna l-oħra jew biex nikkritikawha. Imbagħad dan jistaʼ jirriżulta f’sentimenti mweġġgħin jew f’xi argument.
X’nistgħu nagħmlu sabiex niksbu riżultati iktar pożittivi? Kif nistgħu ma nħallux l-emozzjonijiet tagħna jegħlbuna? Nistgħu nfittxu u nsibu pariri siewja mingħand il-kittieb Bibliku, Salamun.
Qis Dak li Tgħid u Kif Tgħidu
Meta Salamun, il-kittieb tal-ktieb Bibliku taʼ Koħèlet, kiteb id-deskrizzjoni tiegħu li ġġiegħel lil dak li jkun jirrifletti dwar il-frugħa tal-ħajja, hu żgur ħass sentimenti qawwijin dwar dan is-suġġett. Hu qal: “Nistmerr il-ħajja.” Darba minnhom, hu sejħilha l-“frugħa tal-frugħat.” (Koħèlet 2:17; 12:8) Iżda Koħèlet m’huwiex xi lista tal-frustrazzjonijiet taʼ Salamun. Hu ra li ma kienx xieraq li jitkellem biss dwar il-lat negattiv tal-ħajja. Fil-konklużjoni tal-ktieb, Salamun jirrivela li hu “pprova jsib kliem pjaċevoli u jikteb kliem korrett u veru.”—Ekkleżjasti 12:10, NW.
B’mod ċar, Salamun għaraf li kellu jikkontrolla s-sentimenti tiegħu. Fil-fatt, hu baqaʼ jistaqsi lilu nnifsu: ‘Huwa dak li bi ħsiebni ngħid tassew veru jew eżatt? Jekk nuża dan il-kliem, ħaddieħor se jaħseb li se jkun pjaċevoli u aċċettabbli għalih?’ Billi fittex “kliem pjaċevoli” u veru, hu ma ħalliex is-sentimenti tiegħu stess iċajprulu ħsibijietu.
B’hekk, il-ktieb taʼ Koħèlet m’huwiex biss kapulavur letterarju iżda wkoll sors abbundanti t’għerf mingħand Alla dwar it-tifsir tal-ħajja. (2 Timotju 3:16, 17) Jistaʼ l-mod kif Salamun ittratta d-diskussjoni dwar suġġett jaħraq jgħinna nikkomunikaw aħjar maʼ l-għeżież tagħna? Ikkunsidra eżempju wieħed.
Tgħallem Ikkontrolla s-Sentimenti Tiegħek
Per eżempju, ejja ngħidu li tifel imur lura d-dar mill-iskola qisu ras maqtugħa bir-riżultati li ġab fl-eżamijiet. Missieru jagħti daqqa t’għajn lejn il-lista tas-suġġetti u jinnota li ġab marka baxxa f’wieħed mis-suġġetti. Minnufih, il-missier jaqbad jirrabja, u jġib quddiem għajnejh kemm-il darba t-tifel qagħad jitnikker biex jagħmel il-ħowmwerk. Il-missier għandu aptit jinfexx jgħajjat u jgħidlu: “Int għażżien! Jekk tibqaʼ sejjer hekk, m’int se tkun tajjeb għal xejn!”
Qabel ma jħalli s-sentimenti taʼ rabja jikkontrollawlu l-mod kif iwieġeb, il-missier jagħmel tajjeb li jistaqsi lilu nnifsu, ‘Huwa dak li qed naħseb tassew veru jew eżatt?’ Din il-mistoqsija tistaʼ tgħinu jara l-fatti kif inhuma u mhux iħalli l-emozzjonijiet jiġru bih. (Proverbji 17:27) Huwa minnu li ibnu m’hux se jirnexxi minħabba li hu batut f’suġġett wieħed? Huwa minnu li hu għażżien f’kollox, jew sempliċement qed jitnikker fil-ħowmwerk tiegħu minħabba li qed isibha diffiċli biex jifhem dan is-suġġett? Għal darba wara l-oħra, il-Bibbja tenfasizza l-valur li jkollna ħarsa raġunevoli u realistika lejn l-affarijiet. (Titu 3:2; Ġakbu 3:17) Sabiex jinkuraġġixxu lit-tfal, il-ġenituri għandhom jgħidu “kliem korrett u veru.”
Fittex il-Kliem Adattat
Malli l-missier jiddeċiedi xi jrid jgħid, hu jistaʼ jistaqsi lilu nnifsu, ‘Kif nistaʼ ngħid dan bi kliem li jkun pjaċevoli u aċċettabbli għal ibni?’ Veru, m’huwiex faċli li ssib il-kliem adattat. Iżda jeħtieġ li l-ġenituri jiftakru li l-adoloxxenti spiss ikollhom it-tendenza li jaħsbu li jekk ma jkunux perfetti ma jistgħux jirnexxu fil-ħajja. L-adoloxxenti jistgħu jużaw dik il-ħaġa li ma rnexxilhomx iwettqu jew li kienu dgħajfin fiha u jħalluha tinfluwenza l-mod kif iħarsu lejhom infushom. Jekk ġenitur jesaġera fir-reazzjoni tiegħu, hu għandu mnejn ikompli jikkonvinċi lil ibnu li hu ma jistax jirnexxi fil-ħajja. Kolossin 3:21 jgħid: “Intom missirijiet, iddejquhomx lil uliedkom, sabiex ma jaqtgħux qalbhom.”
Kliem bħal “dejjem” u “qatt” normalment jiġġeneralizzaw jew jesaġeraw il-fatti. Meta xi ġenitur jgħid lil ibnu: “Int qatt m’int se tirnexxi fil-ħajja,” x’dinjità jistaʼ jibqagħlu dan it-tifel? Jekk tifel jiġi kritikat kemm-il darba, hu jistaʼ jibda jqis lilu nnifsu bħala li falla għalkollox. M’għandniex xi ngħidu, dan mhux biss huwa skuraġġanti iżda huwa wkoll irraġunar falz.
Spiss ikun ħafna aħjar jekk jiġu enfasizzati l-aspetti pożittivi taʼ kwalunkwe sitwazzjoni. Il-missier fl-eżempju li ssemma jistaʼ forsi jgħid xi ħaġa hekk: “Ibni, nistaʼ nara li int inkwetat għax ġibt marka baxxa. Però, naf li s-soltu taħdem iebes fix-xogħol li jqabbduk tagħmel. Mela tridx nitkellmu ftit dwar dan is-suġġett u nsibu mezz kif negħlbu xi problemi li forsi qed tiffaċċja.” Sabiex isir jaf x’inhu l-aqwa mod kif jgħin lil ibnu, il-missier jistaʼ wkoll jistaqsi xi mistoqsijiet speċifiċi ħalli jara jekk hemmx xi problemi oħrajn wara dan kollu.
Meta wieħed jittratta ħaġa bħal din b’qalb tajba u bil-ħsieb x’aktarx li jkun ħafna iktar effettiv milli kieku jisfoga l-emozzjonijiet tiegħu. Il-Bibbja tiżgurana li “l-kliem ħelu” hu “ħlewwa tar-ruħ u saħħa tal-ġisem.” (Proverbji 16:24) It-tfal—anzi, il-membri kollha tal-familja—jgħixu aħjar f’ambjent taʼ paċi u mħabba.
“Mill-Abbundanza tal-Qalb”
Aħseb ftit dwar ir-raġel miżżewweġ li ssemma fl-eżempju fil-bidu. Ma kienx ikun aħjar kieku hu ħa l-ħin biex ifittex “kliem pjaċevoli” u veru minflok ma qabad u sfoga r-rabja tiegħu fuq martu? Raġel li jsib ruħu f’sitwazzjoni bħal din jagħmel tajjeb li jistaqsi lilu nnifsu: ‘Anki jekk marti għandha bżonn tagħmel sforz biex tkun iktar puntwali, huwa tassew veru li hi tkun dejjem tard? Huwa dan il-ħin adattat biex inqajjem din il-kwistjoni? Kliem taʼ rabja u kritika qatt se jimmotivaha biex tkun trid titjieb f’dan ir-rigward?’ Jekk nieqfu u nistaqsu lilna nfusna mistoqsijiet bħal dawn nistgħu niġu megħjunin nevitaw li, mingħajr ma rridu, inweġġgħu lill-għeżież tagħna.—Proverbji 29:11.
Iżda, xi ngħidu jekk id-diskussjonijiet fil-familja tagħna, għal darba wara l-oħra, jispiċċaw f’argument? Forsi jkollna bżonn nidħlu iktar fil-fond, u nikkunsidraw is-sentimenti li jkun hemm wara l-għażla taʼ kliemna. Dak li ngħidu, speċjalment meta nħossuna inkwetati jew ikollna xi pressjonijiet, jistaʼ jirrivela ħafna dwar dak li aħna verament minn ġewwa. Ġesù qal: “Mill-abbundanza tal-qalb jitkellem il-fomm.” (Mattew 12:34) Fi kliem ieħor, dak li ngħidu spiss jirrifletti l-ħsibijiet, ix-xewqat, u l-attitudnijiet ġewwinin tagħna.
Hija l-ħarsa tagħna lejn il-ħajja waħda realistika, ottimistika, u mimlija tama? Jekk inhu hekk, it-ton u s-sugu tal-konversazzjonijiet tagħna x’aktarx li se jirriflettu dan. Għandna aħna t-tendenza li nkunu riġidi, pessimisti, jew li nikkritikaw? Jekk iva, għandna mnejn niskuraġġixxu lil oħrajn jew b’dak li ngħidu jew bil-mod kif ngħiduh. Jistaʼ jkun li ma nkunux konxji taʼ kemm ħsibijietna u kliemna saru negattivi. Forsi saħansitra nibdew naħsbu li l-mod kif inħarsu aħna lejn l-affarijiet hu l-mod korrett. Iżda għandna noqogħdu b’sebaʼ għajnejn biex ma nqarrqux bina nfusna.—Proverbji 14:12.
Huwa verament barka li għandna l-Kelma t’Alla. Il-Bibbja tistaʼ tgħinna neżaminaw il-ħsibijiet tagħna u naraw liema huma tajbin u liema għandhom bżonn jiġu rranġati. (Ebrej 4:12; Ġakbu 1:25) Huma x’inhuma l-inklinazzjonijiet li writna jew kienet x’kienet it-trobbija tagħna, ilkoll kemm aħna nistgħu nagħżlu li nibdlu l-mod kif naħsbu u naġixxu jekk verament irridu nagħmlu dan.—Efesin 4:23, 24.
Minbarra li nużaw il-Bibbja, aħna nistgħu nagħmlu xi ħaġ’oħra biex neżaminaw il-mod kif nikkomunikaw m’oħrajn. Sempliċement staqsi lil ħaddieħor. Per eżempju, staqsi lis-sieħeb jew lis-sieħba tiegħek jew lit-tfal sabiex jgħidulek bl-onestà kollha kif int sejjer f’dan ir-rigward. Tkellem maʼ xi ħadd minn ħbiebek li jkun jafek. Trid tkun umli biex taċċetta dak li jgħidulek u biex tagħmel l-aġġustamenti meħtieġa.
Aħseb Qabel Titkellem!
Fl-aħħar mill-aħħar, jekk verament irridu nevitaw li nweġġgħu lil oħrajn bi kliemna, irridu nagħmlu dak li jgħid Proverbji 16:23: “Moħħ l-għaref iqegħedlu l-għaqal fuq fommu, u jkattarlu l-qawwa taʼ kliemu.” Forsi ma jkunx dejjem faċli li nikkontrollaw is-sentimenti tagħna. Madankollu, jekk nipprovaw nifhmu lil oħrajn minflok ma nakkużawhom jew inċekknuhom, imbagħad se jkun iktar faċli li nsibu l-kliem adattat biex nesprimu ruħna.
M’għandniex xi ngħidu, ħadd minna m’hu perfett. (Ġakbu 3:2) Kultant, ilkoll kemm aħna nitkellmu mingħajr ħsieb. (Proverbji 12:18) Iżda bl-għajnuna tal-Kelma t’Alla, aħna nistgħu nitgħallmu naħsbu qabel ma nitkellmu u npoġġu s-sentimenti u l-interessi t’oħrajn qabel dawk tagħna. (Filippin 2:4) Ejja nkunu determinati nfittxu “kliem pjaċevoli” u veru, speċjalment meta nitkellmu mal-membri tal-familja. B’hekk, kliemna ma jkunx kliem li jweġġaʼ u li jkisser, iżda kliem li jdewwi u jibni lill-għeżież tagħna.—Rumani 14:19.
[Stampa f’paġna 12]
Kif tistaʼ tevita li tgħid xi ħaġa li iktar tard jiddispjaċik li tkun għedtha?