Meqjusin Denji li Jirċievu Saltna
“Dan hu prova tal-ġudizzju t’Alla, li jwassal biex titqiesu denji tas-Saltna t’Alla, li għaliha tassew qed tbatu.”—2 TESS. 1:5.
1, 2. X’inhu l-iskop tal-ġudizzju t’Alla, u min se jagħmel il-ġudizzju?
MADWAR is-sena 50 taʼ l-Era Komuni tagħna, l-appostlu Pawlu kien f’Ateni. Imdejjaq minħabba l-idolatrija li ra hemmhekk u li tant kienet mifruxa, hu tqanqal biex jagħti xiehda bis-sengħa. Hu kkonkluda d-diskors tiegħu b’dikjarazzjoni li żgur li ġibdet l-attenzjoni tas-semmiegħa tiegħu li kienu pagani. Hu qal: “Issa [Alla] qed jgħid lill-bnedmin kullimkien li għandhom jindmu lkoll. Għax hu stabbilixxa jum li fih bi ħsiebu jiġġudika l-art abitata fis-sewwa permezz taʼ bniedem li ħatar, u ta garanzija lill-bnedmin kollha billi rxoxtah mill-imwiet.”—Atti 17:30, 31.
2 Kemm hija kwistjoni serja li tirrifletti fuq il-fatt li Alla ħejja jum taʼ ġudizzju għall-umanità fil-futur! Dan il-ġudizzju se jsir mill-wieħed li Pawlu ma semmiex fit-taħdita tiegħu f’Ateni iżda li aħna nafu li hu Ġesù Kristu rxoxtat. Il-ġudizzju taʼ Ġesù se jfisser ħajja jew mewt.
3. Ġeħova għala għamel patt m’Abraham, u min għandu rwol speċjali fit-twettiq tiegħu?
3 Dan il-Jum taʼ Ġudizzju se jdum 1,000 sena. Ġesù se jindokra dan il-jum f’isem Ġeħova bħala Sultan tas-Saltna t’Alla, iżda hu mhux se jkun waħdu. Ġeħova għażel oħrajn minn fost l-umanità biex isaltnu maʼ Ġesù u jagħmlu ġudizzju matul dan il-jum twil elf sena. (Qabbel Luqa 22:29, 30.) Kważi 4,000 sena ilu, Ġeħova ħejja l-pedament għal dan il-Jum taʼ Ġudizzju meta hu għamel patt mal-qaddej leali tiegħu Abraham. (Aqra Ġenesi 22:17, 18.) B’mod ċar, dan il-patt beda jgħodd fl-1943 Q.E.K. M’għandniex xi ngħidu, Abraham ma setax jifhem bis-sħiħ x’kien se jfisser dan il-patt għall-umanità. Madankollu, illum aħna nistgħu naraw li taħt il-liġi tal-patt Abrahamiku, in-nisel t’Abraham għandu rwol speċjali fit-twettiq taʼ l-iskop t’Alla li jiġġudika lill-bnedmin.
4, 5. (a) Min hu l-parti primarja tan-Nisel t’Abraham, u dan x’qal dwar is-Saltna? (b) Meta saret disponibbli t-tama li wieħed ikun parti mill-arranġament tas-Saltna?
4 Ġesù, il-parti primarja tan-Nisel t’Abraham, kien ġie midluk fis-sena 29 E.K. bl-ispirtu qaddis u sar il-Messija, jew il-Kristu, imwiegħed. (Gal. 3:16) Ġesù kellu jqattaʼ t-tliet snin u nofs li kien imiss jippriedka l-aħbar tajba tas-Saltna lill-ġens Lhudi. Wara l-arrest taʼ Ġwanni l-Battista, Ġesù wera li oħrajn setaʼ jkollhom it-tama li jkunu membri taʼ din is-Saltna meta hu qal: “Minn żmien Ġwanni l-Battista s’issa, is-saltna tas-smewwiet hi l-mira li qed jirsistu għaliha l-bnedmin, u dawk li qed jirsistu qed jilħquha.”—Mt. 11:12.
5 Interessanti l-fatt li eżatt qabel ma tkellem dwar dawk li kellhom ‘jilħqu’ s-Saltna tas-smewwiet, Ġesù qal: “Tassew ngħidilkom, Fost dawk li twieldu min-nisa ħadd ma qam akbar minn Ġwanni l-Battista; imma min hu fost l-iżgħar fis-saltna tas-smewwiet hu akbar minnu.” (Mt. 11:11) Dan għala setaʼ jingħad? Għaliex it-tama li wieħed ikun parti mill-arranġament tas-Saltna ma kinitx disponibbli għal uħud leali sakemm tferraʼ l-ispirtu qaddis f’Pentekoste tas-sena 33 E.K. Sa dak iż-żmien, Ġwanni l-Battista kien miet.—Atti 2:1-4.
Nisel Abraham Dikjarat Ġust
6, 7. (a) In-nisel t’Abraham kif kellu jsir “bħall-kwiekeb tas-sema”? (b) Liema barka rċieva Abraham, u liema barka simili jirċievi n-nisel tiegħu?
6 Lil Abraham intqallu li n-nisel tiegħu kien se jitkattar u jsir “bħall-kwiekeb tas-sema” u bħar-ramel f’xatt il-baħar. (Ġen. 13:16; 22:17) Fi kliem ieħor, fi żmien Abraham kien impossibbli għall-bnedmin li jkunu jafu n-numru taʼ dawk li jagħmlu parti minn dan in-nisel. Madankollu, in-numru eżatt taʼ dan in-nisel spiritwali maż-żmien ġie rivelat. Flimkien maʼ Ġesù, dan in-numru kellu jkun 144,000.—Riv. 7:4; 14:1.
7 Rigward il-fidi t’Abraham, il-Kelma t’Alla tgħid: “[Abraham] emmen fil-Mulej, u dan għaddhulu b’ġustizzja.” (Ġen. 15:5, 6) Naturalment, l-ebda bniedem m’hu ġust f’sens assolut. (Ġak. 3:2) Minkejja dan, minħabba l-fidi li tispikka t’Abraham, Ġeħova ttratta miegħu bħallikieku kien ġust u saħansitra sejjaħlu l-ħabib tiegħu. (Is. 41:8) Dawk li jagħmlu parti min-nisel spiritwali t’Abraham flimkien maʼ Ġesù wkoll ġew dikjarati ġusti, u dan iġibilhom barkiet saħansitra akbar minn dawk li rċieva Abraham.
8. Liema barkiet huma disponibbli għall-membri tan-nisel t’Abraham?
8 Il-Kristjani midlukin huma dikjarati ġusti minħabba li jeżerċitaw fidi fis-sagrifiċċju tal-fidwa taʼ Ġesù. (Rum. 3:24, 28) Mill-ħarsa taʼ Ġeħova, huma meħlusin mid-dnub u jistgħu jiġu midlukin bl-ispirtu qaddis sabiex ikunu wlied spiritwali t’Alla, ħut Ġesù Kristu. (Ġw. 1:12, 13) Huma jidħlu fil-patt il-ġdid u jifformaw ġens ġdid, “l-Iżrael t’Alla.” (Gal. 6:16; Lq. 22:20) Xi privileġġ meraviljuż jirrappreżenta dan kollu! B’riżultat taʼ dawn l-azzjonijiet t’Alla għan-nom tagħhom, il-Kristjani midlukin ma jittamawx li jgħixu għal dejjem fuq l-art. Huma jissagrifikaw dan il-prospett biex ikollhom l-hena li ma bħalha taʼ li wieħed ikun fuq in-naħa taʼ Ġesù matul il-Jum taʼ Ġudizzju u jaħkem miegħu fis-smewwiet.—Aqra Rumani 8:17.
9, 10. (a) Il-Kristjani meta ġew midlukin bl-ispirtu qaddis għall-ewwel darba, u x’kien hemm jistenniehom? (b) Liema għajnuna rċivew il-Kristjani midlukin?
9 F’Pentekoste tas-sena 33 E.K., grupp taʼ bnedmin leali ngħataw l-opportunità li jkunu fost dawk li kellhom isaltnu maʼ Ġesù matul il-Jum taʼ Ġudizzju. Madwar 120 dixxiplu taʼ Ġesù tgħammdu bl-ispirtu qaddis, u b’hekk saru l-ewwel Kristjani midlukin. Madankollu, għalihom dan kien biss il-bidu. Minn dakinhar ’l hemm huma kellhom juru l-lealtà tagħhom lejn Ġeħova minkejja l-provi kollha li Satana kellu jagħmlilhom. Huma kellhom ikunu leali sal-mewt sabiex ikunu jistgħu jirċievu l-kuruna tal-ħajja fis-sema.—Riv. 2:10.
10 Għaldaqstant, permezz tal-Kelma tiegħu u permezz tal-kongregazzjoni Kristjana, Ġeħova pprovda twissijiet u inkuraġġiment li l-Kristjani midlukin kellhom bżonn. Per eżempju, l-appostlu Pawlu kiteb lill-Kristjani midlukin f’Tessalonika: “Bħalma jagħmel missier maʼ wliedu, aħna bqajna nwiddbu lil kull wieħed minnkom, u nfarrġukom u nixhdulkom, bl-għan li tibqgħu mexjin kif jixraq quddiem Alla li qed isejħilkom għas-saltna u l-glorja tiegħu.”—1 Tess. 2:11, 12.
11. Ġeħova liema provvediment bil-miktub għamel għall-membri taʼ “l-Iżrael t’Alla”?
11 Matul l-iktar minn 60 sena minn mindu ntgħażlu l-ewwel membri tal-kongregazzjoni taʼ Kristjani midlukin, Ġeħova ra li hu xieraq li jkun hemm rekord permanenti tal-ministeru taʼ Ġesù fuq l-art kif ukoll tal-mod kif Hu ttratta mal-Kristjani midlukin taʼ l-ewwel seklu u tal-pariri li tahom. B’hekk, Ġeħova żied l-Iskrittura Griega Kristjana ispirata maʼ l-Iskrittura Ebrajka ispirata li kienet diġà teżisti. Fil-bidu, l-Iskrittura Ebrajka kienet miktuba għall-ġens letterali taʼ Iżrael matul iż-żmien li huma kellhom relazzjoni speċjali m’Alla. L-Iskrittura Griega Kristjana kienet miktuba primarjament għall-“Iżrael t’Alla,” dawk midlukin bħala ħut Kristu u wlied spiritwali t’Alla. M’għandniex xi ngħidu, dan bl-ebda mod ma jfisser li dawk li ma kinux Iżraelin ma setgħux jibbenefikaw bil-kbir minn studju taʼ l-Iskrittura Ebrajka. B’mod simili, il-Kristjani li m’humiex midlukin bl-ispirtu qaddis jistgħu jiksbu benefiċċji bla qjies billi jistudjaw u jgħixu fi qbil mal-pariri misjubin fl-Iskrittura Griega Kristjana.—Aqra t-2 Timotju 3:15-17.
12. Pawlu liema tfakkira tahom lill-Kristjani midlukin?
12 Il-Kristjani taʼ l-ewwel seklu kienu dikjarati ġusti u midlukin bl-ispirtu qaddis bl-iskop li jkunu jistgħu jirċievu l-wirt tagħhom fis-sema. Id-dlik tagħhom m’għamilhomx slaten fuq sħabhom il-Kristjani midlukin li kienu għadhom fuq l-art. B’mod ċar, xi Kristjani tal-bidu nsewh dan il-fatt u bdew ifittxu prominenza mhix mistħoqqa fost ħuthom fil-kongregazzjoni. B’riżultat taʼ dan, Pawlu tqanqal biex jistaqsi: “Diġà għandkom bix-xabaʼ, hux hekk? Diġà stagħnejtu, hux tassew? Bdejtu ssaltnu mingħajrna, hux hekk? Tassew, nixtieq li bdejtu ssaltnu sabiex aħna wkoll inkunu nistgħu nsaltnu magħkom.” (1 Kor. 4:8) Għalhekk, Pawlu fakkar lill-midlukin taʼ żmienu: “Mhux għax aħna s-sidien tal-fidi tagħkom, imma aħna ħaddiema sħabkom għall-ferħ tagħkom.”—2 Kor. 1:24.
Jinġabar in-Numru Kollu li Ġie Mbassar
13. Is-sejħa tal-midlukin kif bdiet miexja ’l quddiem wara s-sena 33 E.K.?
13 Mhux il-144,000 Kristjani midlukin kollha kienu magħżulin fl-ewwel seklu. Is-sejħa tagħhom kompliet sejra matul il-perijodu appostoliku, u mbagħad matul is-sekli baqaʼ jintgħażel numru relattivament żgħir. Madankollu, din kompliet matul is-sekli taʼ wara saż-żminijiet moderni. (Mt. 28:20) Maż-żmien, wara li Ġesù beda jsaltan fl-1914, l-affarijiet bdew jiżviluppaw b’ħeffa li ma bħalha.
14, 15. X’ġara fi żmienna rigward is-sejħa tal-midlukin?
14 L-ewwel, Ġesù naddaf is-smewwiet minn kull traċċa t’oppożizzjoni għall-ħakma t’Alla. (Aqra Rivelazzjoni 12:10, 12.) Imbagħad, hu dawwar l-attenzjoni tiegħu lejn il-ġbir tal-fdal tal-membri prospettivi tal-gvern tas-Saltna tiegħu sabiex jinġabar in-numru kollu taʼ 144,000. Sa nofs is-snin 30, b’mod ċar dan ix-xogħol kien kważi tlesta u ħafna minn dawk li wieġbu għax-xogħol taʼ l-ippridkar ma kellhomx ix-xewqa li jmorru s-sema. L-ispirtu ma kienx qed jixhed magħhom li huma kienu wlied Alla. (Qabbel Rumani 8:16.) Minflok, huma identifikaw ruħhom man-“nagħaġ oħrajn,” li għandhom it-tama li jgħixu għal dejjem fuq art magħmula ġenna. (Ġw. 10:16) B’hekk, wara l-1935 l-iskop ewlieni tax-xogħol taʼ l-ippridkar dar lejn il-ġbir taʼ “folla kbira,” dik li l-appostlu Ġwanni ra f’viżjoni u li kellha tibqaʼ ħajja fit-“tribulazzjoni l-kbira.”—Riv. 7:9, 10, 14.
15 Madankollu, matul iż-żmien sa mis-snin 30, ftit individwi ġew magħżulin biex ikollhom it-tama għas-sema. Għala? F’xi każi, jistaʼ jkun li huma ħadu post xi individwi li qabel kienu magħżulin u li ma baqgħux leali. (Qabbel Rivelazzjoni 3:16.) Pawlu tkellem ukoll dwar xi wħud li hu kien jaf personalment u li kienu ħallew il-verità. (Flm. 3:17-19) Lil min kellu jsejjaħ Ġeħova biex iservu taʼ sostituti? M’għandniex xi ngħidu, din hija d-deċiżjoni tiegħu. Però, jidher raġunevoli li hu ma kienx se jagħżel lil uħud li jkunu għadhom kif ikkonvertew, iżda lil individwi li—bħad-dixxipli li kellem Ġesù meta beda l-osservanza tat-Tifkira—sa ċertu punt jkunu diġà taw prova tal-lealtà tagħhom.a—Lq. 22:28.
16. Rigward il-midlukin, għal liema ħaġa aħna grati, u x’nistgħu nemmnu b’fiduċja?
16 Madankollu, jidher li mhux dawk kollha li ġew imsejħin għat-tama fis-sema mis-snin 30 ’l hawn huma sostituti taʼ dawk li ma baqgħux leali. B’mod ċar, Ġeħova għamel ċert li aħna jkollna fostna Kristjani midlukin matul l-aħħar jiem taʼ din is-sistema dinjija sakemm tiġi l-qerda taʼ l-għadu, “Babilonja l-Kbira.”b (Riv. 17:5) U aħna nistgħu nkunu fiduċjużi li n-numru komplut taʼ 144,000 membru se jinġabar kollu fiż-żmien maħtur minn Ġeħova u li fl-aħħar kollha se jaħkmu fil-gvern tas-Saltna. Aħna nistgħu wkoll nafdaw fil-Kelma profetika li l-folla l-kbira li dejjem tikber se tkompli tagħti prova li bħala grupp hi leali. Dalwaqt, se ‘toħroġ mit-tribulazzjoni l-kbira’ li ġejja fuq id-dinja taʼ Satana u se tidħol b’ferħ fid-dinja l-ġdida t’Alla.
Il-Gvern t’Alla fis-Sema Hu Kważi Komplut!
17. Skond l-1 Tessalonikin 4:15-17 u Rivelazzjoni 6:9-11, x’sar minnhom il-Kristjani midlukin li mietu leali?
17 Sa mis-sena 33 E.K., għaxriet t’eluf taʼ Kristjani midlukin urew fidi soda u ssaportew lealment sal-mewt. Dawn diġà ġew meqjusin bħala denji li jirċievu s-Saltna u—b’mod evidenti b’seħħ mill-bidu tal-preżenza taʼ Kristu—ngħataw il-premju tagħhom fis-sema.—Aqra l-1 Tessalonikin 4:15-17; Rivelazzjoni 6:9-11.
18. (a) Dawk il-midlukin li għadhom fuq l-art liema fiduċja għandhom? (b) Dawk li jagħmlu parti min-nagħaġ oħrajn kif iqisu lil ħuthom il-Kristjani midlukin?
18 Dawk il-midlukin li għadhom fuq l-art huma fiduċjużi għalkollox li jekk jibqgħu leali, huma dalwaqt se jirċievu l-premju għall-ħajja leali li għexu. Miljuni taʼ nagħaġ oħrajn, meta jaħsbu dwar il-fidi taʼ ħuthom il-midlukin, jaqblu mal-kliem taʼ l-appostlu Pawlu, li qal hekk dwar l-aħwa midlukin f’Tessalonika: “Aħna kburin bikom fost il-kongregazzjonijiet t’Alla minħabba s-sabar u l-fidi tagħkom fil-persekuzzjonijiet kollha tagħkom u t-tribulazzjonijiet li qed tissaportu. Dan hu prova tal-ġudizzju ġust t’Alla, li jwassal biex titqiesu denji tas-saltna t’Alla, li għaliha tassew qed tbatu.” (2 Tess. 1:3-5) Mal-mewt taʼ l-aħħar membru tal-midlukin fuq l-art, tkun meta tkun, il-gvern t’Alla fis-sema se jkun komplut. X’raġuni għal ferħ se tkun din—kemm fis-sema kif ukoll fuq l-art!
[Noti taʼ taħt]
a Ara l-ħarġa taʼ l-1 taʼ Ġunju, 1992, tat-Torri taʼ l-Għassa, paġna 15, paragrafu 17.
b Ara “Mistoqsijiet mill-Qarrejja” fil-ħarġa tat-Torri taʼ l-Għassa taʼ l-1 taʼ Mejju, 2007.
Tistaʼ Tispjega?
• Alla xi rrivelalu lil Abraham li kellu x’jaqsam maʼ Jum il-Ġudizzju?
• Abraham għala kien dikjarat ġust?
• Għal dawk min-nisel t’Abraham xi jfisser li wieħed ikun dikjarat ġust?
• Liema fiduċja għandhom il-Kristjani kollha?
[Stampa f’paġna 20]
Ġesù inkuraġġixxa lis-segwaċi tiegħu biex jirsistu għas-Saltna
[Stampa f’paġna 21]
F’Pentekoste tas-sena 33 E.K., Ġeħova beda jagħżel il-membri sekondarji tan-nisel t’Abraham
[Stampa f’paġna 23]
In-nagħaġ oħrajn huma grati li l-Kristjani midlukin jinsabu magħhom matul l-aħħar jiem