LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w08 5/15 pp. 12-16
  • Qrib Il-Ħelsien Permezz tas-Saltna t’Alla!

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Qrib Il-Ħelsien Permezz tas-Saltna t’Alla!
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2008
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Illum Hawn Ħtieġa Akbar għall-​Ħelsien
  • L-​Uniku Sors taʼ Ħelsien taʼ Min Jafdah
  • Gvern Ġust
  • Dalwaqt Jintemmu l-​Aħħar Jiem!
  • Agħmel Kuraġġ Hekk Kif Joqrob il-Ħelsien
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1997
  • X’Inhi s-​Saltna t’Alla?
    Il-Bibbja X’Tgħallem Verament?
  • Ħelsien Għal ġo Dinja Ġdida taʼ Tjieba
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1997
  • Dak li Se Tagħmel is-Saltna t’Alla
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2000
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2008
w08 5/15 pp. 12-16

Qrib Il-​Ħelsien Permezz tas-​Saltna t’Alla!

“Ħa tiġi saltnatek. Ħa jkun li trid int, kif fis-​sema, ukoll fuq l-​art.”—MT. 6:10.

META Ġesù Kristu ta l-​Priedka tiegħu taʼ fuq il-​Muntanja, hu inkluda talba mudell li ġabret fil-​qosor it-​tagħlim prinċipali tiegħu. Hu għallem lis-​segwaċi tiegħu biex jitolbu lil Alla: “Ħa tiġi saltnatek. Ħa jkun li trid int, kif fis-​sema, ukoll fuq l-​art.” (Mt. 6:9-13) Ġesù “beda jivvjaġġa minn belt għal belt u minn raħal għal raħal, jippriedka u jxandar l-​aħbar tajba tas-​saltna t’Alla.” (Lq. 8:1) Kristu ħeġġeġ lis-​segwaċi tiegħu: ‘Ibqgħu fittxu l-​ewwel is-​saltna u s-​sewwa t’Alla.’ (Mt. 6:33) Waqt li tistudja dan l-​artiklu, ara kif tistaʼ tuża l-​informazzjoni fil-​ministeru tiegħek. Per eżempju, ikkunsidra kif tistaʼ twieġeb dawn il-​mistoqsijiet: Kemm hu importanti l-​messaġġ tas-​Saltna? L-​umanità minn xiex għandha bżonn tinħeles? U s-​Saltna t’Alla kif se tipprovdi l-​ħelsien?

2. Kemm hu importanti l-​messaġġ tas-​Saltna?

2 Ġesù bassar: “Din l-​aħbar tajba tas-​saltna tiġi pridkata fl-​art abitata kollha bħala xiehda lill-​ġnus kollha; u mbagħad jiġi t-​tmiem.” (Mt. 24:14) L-​aħbar tajba dwar is-​Saltna t’Alla hi taʼ l-​akbar importanza. Ċertament, dan hu l-​iktar messaġġ importanti fid-​dinja! F’iktar minn 100,000 kongregazzjoni tax-​Xhieda taʼ Ġeħova mad-​dinja kollha, madwar sebaʼ miljun qaddej t’Alla qed jieħdu sehem fix-​xogħol taʼ ppridkar li qatt ma sar bħalu, billi jgħidu lil oħrajn li s-​Saltna ġiet stabbilita. Il-​fatt li s-​Saltna ġiet stabbilita huwa aħbar tajba għaliex dan ifisser li Alla waqqaf gvern fis-​sema li se jkollu kontroll sħiħ fuq dak kollu li jiġri fuq l-​art. Taħt il-​ħakma tas-​Saltna, ir-​rieda taʼ Ġeħova se ssir fuq l-​art bħalma ssir fis-​sema.

3, 4. X’se jkun ir-​riżultat meta r-​rieda t’Alla ssir fuq l-​art?

3 X’se jiġri mill-​umanità meta ssir ir-​rieda t’Alla fuq l-​art? Ġeħova se “jixxottalhom kull demgħa minn għajnejhom, u ma jkunx hemm iżjed mewt, u la niket u la għajat u lanqas uġigħ.” (Riv. 21:4) In-​nies m’humiex se jimirdu u jmutu minħabba d-​dnub u l-​imperfezzjoni li wirtu. Il-​mejtin li huma fil-​memorja t’Alla se jkollhom l-​opportunità li jgħixu għal dejjem, għax il-​Bibbja twiegħed: “Se jkun hemm irxoxt kemm tan-​nies sewwa u kemm taʼ dawk li m’humiex sewwa.” (Atti 24:15) Mhux se jkun hemm iktar gwerer, mard, jew ġuħ, u l-​art se tinbidel f’ġenna. Saħansitra l-​annimali li issa huma perikolużi se jkunu fil-​paċi mal-​bnedmin u bejniethom.—Salm 46:10 (46:9, NW); 72:16; Is. 11:6-9; 33:24; Lq. 23:43.

4 B’tant barkiet meraviljużi li jiġu permezz tal-​ħakma tas-​Saltna, mhux taʼ b’xejn li l-​profezija tal-​Bibbja titkellem dwar il-​ħajja f’dak iż-​żmien b’dan il-​kliem taʼ faraġ: “Il-​ġwejdin għad jirtu l-​art, u bi sliem kotran jitgħaxxqu.” Imma xi ngħidu għal dawk li jaqilgħu l-​inkwiet? L-​Iskrittura tbassar: “Ftit ieħor, u l-​ħażin ma jkunx aktar.” Madankollu, “min jittama fil-​Mulej jikseb l-​art.”—Salm 37:9-11.

5. X’se jiġrilha s-​sistema preżenti?

5 Biex dan kollu jseħħ, trid titneħħa s-​sistema preżenti bil-​gvernijiet, ir-​reliġjonijiet, u s-​sistemi kummerċjali tagħha li huma f’konflitt. U dan hu preċiż dak li se jagħmel il-​gvern tas-​sema. Il-​profeta Danjel ġie mnebbaħ ibassar: “Fi żmien dawn is-​slaten [li jeżistu llum], Alla tas-​sema jqajjem saltna [fis-sema] li ma tinqered qatt, u li l-​ħakma tagħha ma tgħaddix għal poplu ieħor. Hija tfarrak u ttemm is-​saltniet [preżenti] l-​oħra kollha, waqt li hi tibqaʼ wieqfa għal dejjem.” (Dan. 2:44) F’dak iż-​żmien, is-​Saltna t’Alla—gvern ġdid fis-​sema—se taħkem fuq soċjetà ġdida fuq l-​art. Se jkun hemm “smewwiet ġodda u art ġdida . . . , u f’dawn tgħammar il-​ġustizzja.”—2 Pt. 3:13.

Illum Hawn Ħtieġa Akbar għall-​Ħelsien

6 Satana, Adam, u Eva rribellaw kontra Alla, għax riedu jiddeċiedu għalihom infushom x’kien tajjeb u x’kien ħażin. B’hekk, ngħata bidu għall-​istorja diżastruża tal-​familja umana. Qabel id-​Dilluvju globali, iktar minn 1,600 sena wara, “il-​ħażen tal-​bnedmin kien kiber fuq l-​art; u f’qalbu ma kienx għajr li jfassal il-​ħażen il-​jum kollu.” (Ġen. 6:5) Madwar 1,300 sena minn dak iż-​żmien, Salamun sab li l-​kundizzjonijiet kienu tant ħżiena li kiteb: “Il-​mejtin li diġà ħallewna qisthom hienja aktar mill-​ħajjin li għadhom magħna; imma hieni aktar mit-​tnejn min għadu ma twelidx u ma rax b’għajnejh l-​għemejjel ħżiena li jsiru taħt ix-​xemx.” (Koħ. 4:2, 3) Jekk inżidu 3,000 sena oħra maʼ dawn naslu għal żmienna, meta l-​ħażen ikompli jiffjorixxi.

7. Illum għala hawn ħtieġa akbar għall-​ħelsien minn Alla?

7 Filwaqt li huwa minnu li l-​ħażen ilu jeżisti għal żmien twil, qatt daqs illum ma kien hawn ħtieġa akbar għall-​ħelsien permezz tas-​Saltna t’Alla. Il-​kundizzjonijiet qatt ma kienu ħżiena daqs f’dawn l-​aħħar 100 sena, u qed ikomplu sejrin għall-​agħar. Per eżempju, il-​Worldwatch Institute jirrapporta: “Kien hemm tliet darbiet iktar nies li sfaw vittma tal-​gwerra fis-​seklu [20] milli kien hemm fil-​gwerer kollha mill-​ewwel seklu AD sa l-​1899.” Mill-​1914 ’l hawn mietu 100 miljun ruħ fil-​gwerer. Enċiklopedija waħda tikkalkula li fit-​tieni gwerra dinjija mietu 60 miljun ruħ. Illum, meta l-​ġnus huma armati b’armi nukleari, il-​bnedmin huma kapaċi jeqirdu għalkollox partijiet kbar mill-​popolazzjoni tad-​dinja. U anki bl-​avanzi kollha li saru fix-​xjenza u l-​mediċina, xorta waħda kull sena għadhom imutu madwar ħames miljun tifel u tifla minħabba l-​ġuħ.—Ara kapitlu 9 tal-​ktieb Il-​Bibbja X’Tgħallem Verament?

8. Xi wrew bla dubju taʼ xejn l-​eluf taʼ snin taʼ ħakma umana?

8 L-​isforzi tal-​bniedem ma rnexxilhomx iwaqqfu l-​ħażen darba għal dejjem. L-​istituzzjonijiet politiċi, kummerċjali, u reliġjużi taʼ din id-​dinja qatt ma ssodisfaw il-​ħtiġijiet bażiċi tal-​bniedem għall-​paċi, il-​prosperità, u s-​saħħa. Dawn l-​istituzzjonijiet mhux talli ma solvewx il-​problemi enormi li l-​umanità qed tiffaċċja llum, imma talli żiduhom. Bla dubju taʼ xejn, l-​eluf taʼ snin taʼ ħakma umana wrew kemm huwa minnu l-​kliem: “Triq il-​bniedem m’hijiex f’idejh, anqas min jimxi ma jistaʼ jiddirieġi l-​passi tiegħu.” (Ġer. 10:23) Iva, “bniedem jaħkem fuq ieħor u jagħmillu l-​ħsara.” (Koħ. 8:9) Barra minn hekk, “il-​ħolqien kollu għadu jokrob u jħoss l-​uġigħ flimkien.”—Rum. 8:22.

9. Il-​Kristjani veri liema kundizzjonijiet jistennew li jaraw f’dawn “l-​aħħar jiem”?

9 Dwar żmienna, il-​Bibbja bassret: “Fl-​aħħar jiem ikun hawn żminijiet kritiċi li diffiċli biex issib tarfhom.” Wara li tiddeskrivi l-​kundizzjonijiet fl-​aħħar jiem taʼ ħakma umana, din il-​profezija tgħid: “In-​nies mill-​agħar u l-​impusturi jibqgħu sejrin mill-​ħażin għall-​agħar.” (Aqra t-​2 Timotju 3:1-5, 13.) Il-​Kristjani hekk jistennew, għax “id-​dinja kollha qiegħda taħt il-​qawwa tal-​Ħażin,” Satana. (1 Ġw. 5:19) Madankollu, l-​aħbar tajba hi li Alla dalwaqt se jeħles lil dawk li jħobbuh. Huma se jinħelsu minn din id-​dinja, li sejra mill-​ħażin għall-​agħar b’rata mgħaġġla.

L-​Uniku Sors taʼ Ħelsien taʼ Min Jafdah

10. Ġeħova għala huwa l-​uniku Sors taʼ ħelsien taʼ min jafdah?

10 Meta tkun qed ixxandar l-​aħbar tajba enfasizza l-​punt li Ġeħova hu l-​uniku Sors taʼ ħelsien taʼ min jafdah. Hu biss għandu l-​qawwa u r-​rieda li jeħles lill-​qaddejja tiegħu minn kull sitwazzjoni ħażina li jistgħu jkunu fiha. (Atti 4:24, 31; Riv. 4:11) Nistgħu nibqgħu ċerti li Ġeħova dejjem se jeħles lin-​nies tiegħu u jwettaq l-​iskopijiet tiegħu, għax hu ħalef: “Bħalma ħsibt jien hekk jiġri.” Il-​kelma tiegħu “ma terġax lura [għandu] vojta.”—Aqra Isaija 14:24, 25; 55:10, 11.

11, 12. Alla x’garanzija jagħtihom lill-​qaddejja tiegħu?

11 Ġeħova ta garanzija lill-​qaddejja tiegħu li hu se jeħlishom meta jesegwixxi l-​ġudizzju fuq il-​ħżiena. Meta bagħat lill-​profeta Ġeremija biex ikellem bi qlubija lin-​nies midinbin għall-​aħħar, Alla qallu: “La tibżax.” Għala ma kellux jibżaʼ? “Għax jien miegħek biex neħilsek.” (Ġer. 1:8) Bl-​istess mod, meta Ġeħova kien se jeqred lil Sodoma u ’l Gomorra li kienu mill-​agħar, hu bagħat żewġ anġli biex joħorġu lil Lot u lill-​familja tiegħu minn dawk l-​inħawi b’wiċċ il-​ġid. “U l-​Mulej bagħat ix-​xita fuq Sodoma u Gomorra, xita taʼ kubrit u nar.”—Ġen. 19:15, 24, 25.

12 Ġeħova jistaʼ jeħles lil dawk li jagħmlu r-​rieda tiegħu anki fuq skala globali. Meta qered id-​dinja mill-​agħar tal-​qedem bid-​Dilluvju, “lil Noè, predikatur tal-​ġustizzja, żammu qawwi u sħiħ maʼ sebgħa oħrajn.” (2 Pt. 2:5) Għal darb’oħra, Ġeħova se jeħles lin-​nies retti meta jeqred din id-​dinja mill-​agħar preżenti. Il-​Kelma tiegħu tistqarr: “Fittxu l-​Mulej ilkoll, intom, l-​umli taʼ l-​art . . . fittxu l-​ġustizzja, fittxu l-​umiltà: biex forsi f’jum il-​korla tal-​Mulej ikollkom fejn tistkennu.” (Sof. 2:3) B’riżultat taʼ din il-​qerda mad-​dinja kollha, ‘it-​tajbin jgħammru fl-​art, imma l-​ħżiena mill-​art jitqaċċtu.’—Prov. 2:21, 22.

13. Il-​qaddejja taʼ Ġeħova li diġà mietu kif se jiġu meħlusin?

13 Iżda, ħafna mill-​qaddejja t’Alla diġà mietu minħabba l-​mard, il-​persekuzzjoni, u xi fatturi oħrajn. (Mt. 24:9) Allura dawn kif se jiġu meħlusin? Bħalma diġà rajna, “se jkun hemm irxoxt . . . tan-​nies sewwa.” (Atti 24:15) Kemm hu taʼ faraġ li nafu li xejn ma jistaʼ jżomm lil Ġeħova milli jeħles lill-​qaddejja tiegħu!

Gvern Ġust

14. Għala aħna fiduċjużi li s-​Saltna t’Alla hija gvern ġust?

14 Fil-​ministeru tiegħek tistaʼ tispjega li s-​Saltna taʼ Ġeħova fis-​sema hija gvern ġust. Dan hu għaliex tirrifletti l-​kwalitajiet meraviljużi t’Alla, bħalma huma l-​ġustizzja, is-​sewwa, u l-​imħabba. (Dt. 32:4; 1 Ġw. 4:8) Alla ħalla s-​Saltna f’idejn Ġesù Kristu, l-​iktar wieħed kwalifikat biex jaħkem l-​art. L-​iskop taʼ Ġeħova hu wkoll li 144,000 Kristjan midluk jittieħdu minn fuq l-​art u jiġu mqajmin għall-​ħajja fis-​sema bħala werrieta bi sħab maʼ Kristu biex jaħkmu l-​art miegħu.—Riv. 14:1-5.

15. X’kuntrast hemm bejn is-​Saltna t’Alla u l-​ħakma umana?

15 X’kuntrast kbir se jkun hemm bejn il-​ħakma taʼ Ġesù u l-​144,000 u l-​ħakma tal-​bnedmin imperfetti! Il-​ħakkiema taʼ din is-​sistema spiss kienu kefrin u wasslu lis-​sudditi tagħhom għall-​gwerer, li rriżultaw fil-​qtil taʼ miljuni taʼ nies. Mhux taʼ b’xejn li l-​Iskrittura tagħtina l-​parir biex ma nafdawx fil-​bniedem, ‘li ma jsalvaniex’! (Salm 146:3) Imma xi spirtu mill-​aħjar se jkun hemm taħt il-​ħakma taʼ Kristu! “Ejjew għandi, intom ilkoll li mħabbtin u mgħobbijin,” qal Ġesù, “u jien inserraħkom. Ħudu l-​madmad tiegħi fuqkom u tgħallmu minni, għax jien ġwejjed u umli f’qalbi, u intom issibu serħan għal ruħkom. Għax il-​madmad tiegħi ħelu u t-​tagħbija tiegħi ħafifa.”—Mt. 11:28-30.

Dalwaqt Jintemmu l-​Aħħar Jiem!

16. Kif se tkun il-​konklużjoni taʼ dawn l-​aħħar jiem?

16 Din id-​dinja ilha fl-​aħħar jiem, jew fil-​konklużjoni tas-​sistema, mill-​1914 ’l hawn. (Mt. 24:3) Dalwaqt, se sseħħ dik li Ġesù sejħilha t-​“tribulazzjoni kbira.” (Aqra Mattew 24:21.) Dik it-​tribulazzjoni li qatt ma kien hawn bħalha se ttemm id-​dinja taʼ Satana kollha kemm hi. Imma kif se tibda t-​tribulazzjoni kbira? U kif se tintemm?

17. Il-​Bibbja x’turi dwar il-​bidu tat-​tribulazzjoni kbira?

17 It-​tribulazzjoni kbira se tibda f’daqqa. Iva, “jum Ġeħova” se jiġi bla mistenni “meta jkunu qed jgħidu: ‘Paċi u sigurtà!’” (Aqra l-​1 Tessalonikin 5:2, 3.) It-​tribulazzjoni mbassra se tibda meta l-​ġnus ikunu qed jaħsbu li huma kważi waslu biex isolvu xi wħud mill-​problemi l-​kbar tagħhom. Il-​qerda f’daqqa taʼ “Babilonja l-​Kbira,” l-​imperu dinji taʼ reliġjon falza, se taħsad lid-​dinja. Is-​slaten u oħrajn se jibqgħu miblugħin meta jiġi esegwit ġudizzju fuq Babilonja l-​Kbira.—Riv. 17:1-6, 18; 18:9, 10, 15, 16, 19.

18. Ġeħova kif se jirreaġixxi meta Satana jattakka lin-​nies Tiegħu?

18 F’ċertu punt kritiku, se jkun hemm “sinjali fix-​xemx u l-​qamar u l-​kwiekeb,” u “jidher fis-​sema s-​sinjal taʼ Bin il-​bniedem.” Imbagħad, aħna se nkunu nistgħu ‘nqumu dritti u ngħollu rasna ’l fuq, għax ikun qorob il-​ħelsien tagħna.’ (Lq. 21:25-28; Mt. 24:29, 30) Satana, jew Gog, se jibgħat l-​armati tiegħu kontra n-​nies t’Alla. Imma dwar dawk li se jattakkaw lill-​qaddejja leali tiegħu Ġeħova jgħid: ‘Min imiss lilkom imiss il-​mimmi taʼ għajnejja.’ (Żak. 2:12 [2:8, NW]) Għalhekk, l-​attentat taʼ Satana biex jeqridhom m’huwiex se jirnexxi. Għala? Għaliex il-​Mulej Sovran Ġeħova se jirreaġixxi fil-​pront sabiex jeħles lill-​qaddejja tiegħu.—Eżek. 38:9, 18.

19. Għala nistgħu nkunu fiduċjużi li l-​forzi t’Alla li jagħmlu esekuzzjoni se jeqirdu s-​sistema taʼ Satana?

19 Meta Alla jaġixxi kontra l-​ġnus, huma se ‘jkunu jafu li hu [Ġeħova].’ (Eżek. 36:23) Hu se jibgħat lill-​forzi tiegħu—lill-​mirjadi taʼ ħlejjaq spirti mmexxijin minn Kristu Ġesù—biex jagħmlu esekuzzjoni u jeqirdu l-​bqija tas-​sistema taʼ Satana fuq l-​art. (Riv. 19:11-19) Meta niftakru li darba minnhom kien anġlu wieħed biss li f’lejl wieħed “qered mija u ħamsa u tmenin elf” mill-​għedewwa t’Alla, nistgħu nkunu fiduċjużi li se jkun faċli għall-​armata tas-​sema li teqred kull traċċa tas-​sistema taʼ Satana fuq l-​art meta t-​tribulazzjoni kbira tilħaq il-​quċċata tagħha f’Armageddon. (2 Slat. 19:35; Riv. 16:14, 16) Satana u d-​demonji tiegħu se jintefgħu fl-​abbiss għal elf sena. Meta jasal iż-​żmien, huma se jiġu meqrudin.—Riv. 20:1-3.

20. Ġeħova x’se jwettaq permezz tas-​Saltna?

20 B’hekk, l-​art se tiġi mnaddfa mill-​ħażen, u n-​nies sewwa se jgħixu għal dejjem fuq dan il-​globu. Ġeħova jkun ta prova li hu l-​Ħellies il-​Kbir. (Salm 145:20) Permezz tas-​Saltna, hu se jivvindika s-​sovranità tiegħu, iqaddes ismu qaddis, u jwettaq l-​iskop grandjuż tiegħu għall-​art. Jalla tesperjenza ferħ kbir fil-​ministeru tiegħek hekk kif tiddikjara din l-​aħbar tajba u tgħin lil dawk li għandhom “attitudni xierqa lejn il-​ħajja taʼ dejjem” biex jirrealizzaw kemm huwa qrib il-​ħelsien permezz tas-​Saltna t’Alla!—Atti 13:48.

Tiftakar Int?

• Ġesù kif enfasizza l-​importanza tas-​Saltna?

• Illum għala hawn ħtieġa akbar għall-​ħelsien iktar minn qatt qabel?

• Liema ġrajjiet nistgħu nistennew matul it-​tribulazzjoni kbira?

• Ġeħova kif ta prova li hu l-​Ħellies il-​Kbir?

1. X’kien it-​tagħlim prinċipali taʼ Ġesù?

6. Il-​Bibbja kif tiddeskrivih il-​ħażen taʼ din id-​dinja mill-​agħar?

[Stampi f’paġna 12, 13]

Il-​Kelma t’Alla bassret li fi żmienna kellu jsir xogħol taʼ ppridkar li qatt ma sar bħalu

[Stampa f’paġna 15]

Bħalma Ġeħova ħeles lil Noè u lill-​familja tiegħu, Hu jistaʼ jeħles lilna

[Stampa f’paġna 16]

Ġeħova se ‘jixxotta kull demgħa . . .  u ma jkunx hemm iżjed mewt.’—Riv. 21:4

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja