B’Saħħitna Minkejja d-Dgħjufijiet
ID-DGĦJUFIJIET tiegħek jistgħu jegħlbuk. Jaqbdu miegħek bħal qarnita. Għandek mnejn taħseb li qatt m’int se tegħlibhom, jew forsi tħossok li m’intix kapaċi meta tqabbel lilek innifsek m’oħrajn u taħseb li huma aħjar minnek. Mill-banda l-oħra, forsi qed tkampa maʼ marda li ddgħajfek u li teffettwa l-enerġija tiegħek u l-entużjażmu għall-ħajja. Hi x’inhi r-raġuni, tħossok li qisek maqbud f’nassa. Għandek mnejn tħossok bħalma ħassu Ġob, li qal lil Alla: “M’hux li kont taħbini f’Art l-Imwiet fejn nistkenn sa ma tibred il-korla tiegħek u tiffissali żmien li tiftakar fija.”—Ġob 14:13.
Kif tistaʼ ma tibqax tħoss disprament bħal dan? Għalkemm jistaʼ jkun diffiċli ħafna, għandek bżonn taljena ftit rasek mill-problemi tiegħek. Per eżempju, forsi tistaʼ tikkunsidra l-mistoqsijiet ispirati li Ġeħova għamel lill-qaddej leali tiegħu Ġob: “Fejn kont int jien u nqiegħed sisien l-art? Għidli, jekk għandek id-dehen. Min ħażżiżhom il-qisien tagħha? Min ħadulha l-qjies? Żgur taf int!” (Ġob 38:4, 5) Hekk kif naħsbu dwar it-tifsira taʼ dawn il-mistoqsijiet, x’aktarx li niġu mqanqlin biex nagħrfu l-għerf u l-qawwa superjuri taʼ Ġeħova. Hu għandu raġuni tajba għala ħalla s-sitwazzjoni preżenti tad-dinja tibqaʼ sejra.
“Xewka fil-Laħam”
Qaddej leali ieħor staqsa lil Ġeħova biex ineħħilu “xewka fil-laħam,” jiġifieri, problema persistenti. L-appostlu Pawlu tliet darbiet talab bil-ħrara lil Alla biex inneħħilu din il-prova. Kienet x’kienet din il-problema, bħal xewka irritanti, setgħet ġiegħlet lil Pawlu jitlef il-ferħ tiegħu fis-servizz taʼ Ġeħova. Pawlu xebbah ix-xewka fil-laħam maʼ swat kontinwu. It-tweġiba taʼ Ġeħova kienet: “Il-qalb tajba mhix mistħoqqa tiegħi hi biżżejjed għalik; għax il-qawwa tiegħi tintgħamel perfetta fid-dgħjufija.” Ġeħova ma neħħilux dik ix-xewka fil-laħam. Pawlu kellu jissielet magħha, imma żied jgħid: “Meta nkun dgħajjef, inkun setgħan.” (2 Kor. 12:7-10) X’ried ifisser?
Il-problema taʼ Pawlu ma sparixxietx b’mod mirakoluż. Xorta waħda, ma waqqfitux milli jwettaq affarijiet rimarkevoli fis-servizz taʼ Ġeħova. Pawlu straħ fuq Ġeħova għall-appoġġ u talbu bla heda għall-għajnuna tiegħu. (Flp. 4:6, 7) Lejn l-aħħar taʼ ħajtu fuq l-art, Pawlu setaʼ jgħid: “Jien iġġilidt il-ġlieda t-tajba, ġrejt il-korsa sat-tmiem, osservajt il-fidi.”—2 Tim. 4:7.
Ġeħova juża bnedmin imperfetti biex iwettqu r-rieda tiegħu minkejja n-nuqqasijiet u l-problemi tagħhom, u bid-dritt l-unur jingħata lilu. Hu jistaʼ jagħtihom il-gwida u l-għerf biex ikampaw mad-diffikultajiet tagħhom u biex jibqgħu ferħanin fis-servizz tiegħu. Iva, hu jistaʼ juża bnedmin imperfetti biex jagħmlu għemejjel taʼ l-għaġeb minkejja d-dgħjufijiet tagħhom.
Pawlu stqarr għala Alla ma neħħiex ix-xewka tiegħu fil-laħam: “Sabiex ma nitgħolliex iżżejjed.” (2 Kor. 12:7) Ix-“xewka” taʼ Pawlu fakkritu fil-limitazzjonijiet tiegħu u għenitu jibqaʼ umli. Dan huwa simili għal dak li għallem Ġesù: “Kulmin jitgħolla jiġi umiljat, u kulmin jumilja ruħu jitgħolla.” (Mt. 23:12) Il-provi jistgħu jgħallmu lill-qaddejja t’Alla l-umiltà u jgħinuhom jagħrfu li biex jissaportu lealment għandhom bżonn jistrieħu fuq Ġeħova. B’hekk, bħall-appostlu, jistgħu ‘jiftaħru b’Ġeħova.’—1 Kor. 1:31.
Dgħjufijiet Moħbijin
Xi wħud għandhom mnejn ikollhom dgħjufijiet li ma jafux bihom jew li ma jkunux iridu jirrikonoxxu. Per eżempju, individwu forsi jkun kunfidenti żżejjed, billi jistrieħ fuqu nnifsu. (1 Kor. 10:12) Dgħjufija komuni oħra fil-bnedmin imperfetti hija x-xewqa għall-prominenza.
Ġowab, li sar ġeneral fl-armata tas-Sultan David, kien kuraġġuż, deċiż, u prattiku. Madankollu, Ġowab kien ħati taʼ kondotta ħażina serja li wriet attitudni prużuntuża u ambizzjuża. Hu qatel żewġ ġenerali taʼ l-armata b’mod brutali. L-ewwel għamel vendetta billi qatel lil Abner. Iktar tard, bl-iskuża li se jsellem lill-kuġin tiegħu Għamaxa, Ġowab qabad id-daqna t’Għamaxa b’idu l-leminija bħallikieku kien se jbusu, u mbagħad b’idu x-xellugija nifdu b’sejf. (2 Sam. 17:25; 20:8-10) Għamaxa kien ħa post Ġowab bħala ġeneral taʼ l-armata, u għalhekk Ġowab uża din l-opportunità biex jeħles mir-rival tiegħu, probabbilment bit-tama li jerġaʼ jsir ġeneral. Tistaʼ tara li Ġowab ma kkontrollax it-tendenzi tiegħu, inkluż l-ambizzjoni egoistika tiegħu. Hu aġixxa bla ħniena mingħajr ebda ħjiel taʼ rimors. Meta s-Sultan David qorob lejn tmiem ħajtu, hu qal lil ibnu Salamun biex jagħmel ċert li Ġowab ipatti għall-ħażen tiegħu.—1 Slat. 2:5, 6, 29-35.
Żgur li m’għandniex inċedu għax-xewqat ħżiena tagħna; aħna nistgħu nikkontrollaw id-dgħjufijiet tagħna. L-ewwel, irridu nagħrfuhom u nirrikonoxxuhom. Imbagħad inkunu nistgħu nieħdu azzjoni biex negħlbuhom. Nistgħu nitolbu lil Ġeħova regolarment, billi nitolbu għall-għajnuna tiegħu biex negħlbu dawn id-dgħjufijiet, u nistudjaw b’mod diliġenti l-Kelma tiegħu, billi nfittxu kif niġġieldu dawn l-inklinazzjonijiet. (Ebr. 4:12) Għandna mnejn ikollna bżonn naħdmu fuq in-nuqqasijiet tagħna kontinwament u ma naqtgħux qalbna. Il-battalja forsi tibqaʼ għaddejja sakemm aħna imperfetti. Pawlu rrikonoxxa dan fil-każ tiegħu, billi kiteb: “Ma nipprattikax dak li nixtieq; imma nagħmel dak li nobgħod.” Però, bħalma taf, Pawlu ma ċediex għad-dgħjufijiet tiegħu, bħallikieku assolutament ma setax jikkontrolla l-azzjonijiet tiegħu. Għall-kuntrarju, hu baqaʼ jissielet kontra d-dgħjufijiet tiegħu, billi straħ fuq l-għajnuna t’Alla permezz taʼ Ġesù Kristu. (Rum. 7:15-25) Fi skrittura oħra, Pawlu qal: “Insawwat lil ġismi u njassru, sabiex, wara li nkun ippridkajt lil oħrajn, jien stess ma niġix diżapprovat b’xi mod.”—1 Kor. 9:27.
Il-bnedmin għandhom it-tendenza li jiġġustifikaw lilhom infushom. Nistgħu naħdmu kontra dan billi nikkultivaw il-ħarsa taʼ Ġeħova u nagħmlu kif wissa Pawlu lill-Kristjani: “Stmerru dak li hu ħażin, żommu sod maʼ dak li hu tajjeb.” (Rum. 12:9) Fil-battalja tagħna biex negħlbu d-dgħjufijiet tagħna se jkollna bżonn l-onestà, il-perseveranza, u d-dixxiplina fuqna nfusna. David talab lil Ġeħova: “Għarbilni, iflili moħħi u qalbi.” (Salm 26:2) Hu kien jaf li Alla jistaʼ jeżamina b’eżattezza l-iktar inklinazzjonijiet profondi tagħna u jagħtina l-għajnuna meta jkollna bżonnha. Jekk inwieġbu għall-gwida li Ġeħova jipprovdi permezz tal-Kelma u l-ispirtu qaddis tiegħu, aħna nistgħu nagħmlu progress sabiex eventwalment niksbu rebħa fuq in-nuqqasijiet tagħna.
Xi wħud jistgħu jkunu inkwetati minħabba kwistjonijiet li huma jħossu li ma jistgħux jittrattawhom waħedhom. L-anzjani tal-kongregazzjoni żgur li jistgħu joffru għajnuna kollha mħabba u inkuraġġiment. (Is. 32:1, 2) Imma huwa għaqli li jkollna stennijiet realistiċi. Xi problemi ma jistgħux jitranġaw għalkollox f’din is-sistema dinjija. Minkejja dan, ħafna tgħallmu jkampaw, u dan għenhom jgħixu ħajjiet sodisfaċenti.
Ċerti mill-Appoġġ taʼ Ġeħova
Kwalunkwe problema li niffaċċjaw f’dawn iż-żminijiet diffiċli, aħna nistgħu nkunu ċerti li Ġeħova se jiggwidana u jieħu ħsiebna. Il-Bibbja tħeġġiġna: “Umiljaw ruħkom taħt l-id setgħana t’Alla, sabiex jeżaltakom fiż-żmien xieraq; waqt li titfgħu l-ansjetà kollha tagħkom fuqu, għax hu jimpurtah minnkom.”—1 Pt. 5:6, 7.
Meta Kathy, li ilha taqdi f’Betel għal ħafna snin, irrealizzat li żewġha kellu l-marda taʼ l-Alzheimer, ma ħassithiex kapaċi tkampa maʼ l-isfidi li kien hemm quddiemha. It-talb bil-ħrara lil Ġeħova għall-għerf u s-saħħa emozzjonali sar bżonn taʼ kuljum. Hekk kif il-kundizzjoni taʼ żewġha bdiet tmur għall-agħar, aħwa kollhom imħabba ħadu l-ħin biex jitgħallmu dwar kif jittrattaw mal-marda u aħwa nisa li kien jimpurtahom taw appoġġ emozzjonali. Dawn il-Kristjani kienu parti mill-appoġġ li jsaħħaħ li Ġeħova ta, u Kathy setgħet tieħu ħsieb żewġha sakemm miet xi 11-il sena wara. Hi tgħid: “Bid-dmugħ u l-ħrara rringrazzjat lil Ġeħova għall-għajnuna kollha tiegħu li għenitni nkampa. Ma kontx naf li kien possibbli li nibqaʼ għaddejja għal żmien daqstant twil minkejja li kont għajjiena mejta!”
Għajnuna biex Negħlbu Dgħjufijiet Moħbijin
Meta individwi jħossuhom li ma jiswew għal xejn, għandhom mnejn iħossu li Ġeħova mhux se jismaʼ l-għajta tagħhom għall-għajnuna fiż-żmien tagħhom taʼ diqa. Għalhekk, huwa partikolarment tajjeb li nirriflettu fuq dak li qal David meta ħass rimors għad-dnub serju tiegħu maʼ Batseba: “Qalb maqsuma u sogħbiena ma twarrabhiex, o Alla.” (Salm 51:19 [51:17, NW]) David kien niedem sinċerament, u kien jaf li setaʼ javviċina lil Alla u jkun ċert mill-ħniena tiegħu. Ġesù jimpurtah bħalma jimpurtah Ġeħova. Mattew, il-kittieb taʼ l-Evanġelju, applika l-kliem taʼ Isaija għal Ġesù: “Qasba mxaqqa ma jiksirhiex, u ftila tnemnem ma jitfihiex.” (Mt. 12:20; Is. 42:3) Waqt li kien fuq l-art, Ġesù wera mogħdrija għall-imsejknin u l-magħkusin. Hu ma tefiex, biex ngħidu hekk, l-aħħar xrara taʼ ħajja taʼ xi ħadd li hu bħal ftila taʼ musbieħ taż-żejt li kważi se tintefa. Minflok, hu ħa ħsieb b’tenerezza lil dawk li kienu qed ibatu biex iġedded fihom il-fjamma tal-ħajja. Hekk kien meta għex fost il-bnedmin. Temmen int li Ġesù għadu l-istess u li jistaʼ jagħder id-dgħjufijiet tiegħek? Innota li Ebrej 4:15 jindika li hu l-Wieħed li jistaʼ “jagħder id-dgħjufijiet tagħna.”
Meta kiteb dwar “ix-xewka [tiegħu] fil-laħam,” Pawlu osserva li l-qawwa tal-Kristu kienet “bħal tinda” fuqu. (2 Kor. 12:7-9) Hu ħass il-protezzjoni t’Alla permezz taʼ Kristu, sewwasew bħalma persuna f’tinda tħossha protetta mit-temp. Bħal Pawlu, aħna m’għandniex għalfejn inċedu għad-dgħjufijiet u l-problemi tagħna. Sabiex nibqgħu b’saħħitna spiritwalment, nistgħu nużaw il-provvedimenti kollha li Ġeħova jagħtina permezz tal-kongregazzjoni tiegħu fuq l-art. Nistgħu nagħmlu l-almu tagħna, u mbagħad induru lejn Ġeħova b’assiguranza sħiħa li hu se jiggwida l-passi tagħna. Meta nesperjenzaw kif il-qawwa t’Alla tpatti għad-dgħjufijiet tagħna, inkunu nistgħu ngħidu bħalma qal Pawlu: “Meta nkun dgħajjef, inkun setgħan.”—2 Kor. 12:10.
[Stampa f’paġna 3]
Pawlu talab kontinwament lil Ġeħova biex jiggwidah ħalli jkun jistaʼ jwettaq il-ministeru tiegħu
[Stampa f’paġna 5]
Is-Sultan David fada lil Ġowab bl-armata
[Stampa f’paġna 5]
Ġowab aġixxa biex jelimina r-rival Għamaxa
[Stampa f’paġna 6]
L-anzjani jagħtu gwida Skritturali kollha mħabba li tistaʼ tgħinna nkampaw mal-problemi tagħna