LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w08 7/15 pp. 3-7
  • Il-Ministeru Minn Dar Għal Dar—Għala Importanti Issa?

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Il-Ministeru Minn Dar Għal Dar—Għala Importanti Issa?
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2008
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Il-​Metodu li Użaw l-​Appostli
  • Armata taʼ Ġradijiet fi Żmienna
  • L-​Immarkar tan-​Nies għas-​Salvazzjoni
  • Ġrajjiet Kruċjali Quddiemna
  • Għallem Pubblikament u Minn Dar Għal Dar
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1991
  • L-Għoti taʼ Xiehda minn Dar għal Dar
    Il-Ministeru tas-Saltna—2006
  • Negħlbu l-Isfidi tal-Ministeru Minn Dar Għal Dar
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2008
  • “Morru u agħmlu dixxipli min-nies tal-ġnus kollha”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2016
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2008
w08 7/15 pp. 3-7

Il-​Ministeru Minn Dar Għal Dar—Għala Importanti Issa?

“Kuljum fit-​tempju u minn dar għal dar baqgħu jgħallmu u jxandru bla heda l-​aħbar tajba dwar il-​Kristu, Ġesù.”—ATTI 5:42.

1, 2. (a) Liema metodu taʼ ppridkar huma magħrufin għalih ix-​Xhieda taʼ Ġeħova? (b) X’se nikkunsidraw f’dan l-​artiklu?

HIJA dehra familjari fi kważi kull nazzjon fuq l-​art. Żewġ individwi lebsin pulit javviċinaw dar u jipprovaw jaqsmu messaġġ qasir mill-​Bibbja rigward is-​Saltna t’Alla maʼ l-​inkwilin. Jekk juri interess fil-​messaġġ, għandhom mnejn jippreżentaw xi letteratura bbażata fuq il-​Bibbja u joffru studju tal-​Bibbja fid-​dar bla ħlas. Imbagħad jgħaddu għad-​dar li jmiss. Jekk int tieħu sehem f’dan ix-​xogħol, x’aktarx issib li n-​nies spiss jagħrfuk bħala wieħed mix-​Xhieda taʼ Ġeħova saħansitra qabel ma tibda titkellem. Tabilħaqq, aħna sirna magħrufin minħabba l-​ministeru tagħna minn dar għal dar.

2 Aħna nużaw diversi metodi biex inwettqu dan l-​inkarigu li Ġesù ta biex nippridkaw u nagħmlu dixxipli. (Mt. 28:19, 20) Aħna nagħtu xiehda fis-​swieq, fit-​toroq, u f’postijiet pubbliċi oħrajn. (Atti 17:17) Nikkuntattjaw lil ħafna bit-​telefon u bl-​ittri. Naqsmu veritajiet tal-​Bibbja maʼ dawk li niltaqgħu magħhom matul l-​attivitajiet tagħna taʼ kuljum. Għandna wkoll Web site uffiċjali, li tipprovdi aċċess għal informazzjoni bbażata fuq il-​Bibbja f’iktar minn 300 lingwa.a Dawn il-​metodi kollha jagħtu riżultati tajbin. Però, fil-​biċċa l-​kbira mill-​pajjiżi, il-​mod prinċipali kif naqsmu l-​aħbar tajba hu billi nippridkaw minn dar għal dar. X’inhi l-​bażi għal dan il-​metodu taʼ ppridkar? Kif beda jintuża daqshekk mill-​poplu t’Alla fi żminijiet moderni? U għala huwa importanti issa?

Il-​Metodu li Użaw l-​Appostli

3. Ġesù liema istruzzjonijiet rigward l-​ippridkar tahom lill-​appostli, u dan x’jindika dwar kif kellhom jippridkaw?

3 Il-​metodu taʼ ppridkar minn dar għal dar għandu l-​bażi tiegħu fl-​Iskrittura. Meta Ġesù bagħat lill-​appostli biex jippridkaw, hu tahom din l-​istruzzjoni: “F’kull belt jew raħal li tidħlu, fittxu lil min jistħoqqlu.” Kif kellhom ifittxu lil min kien jistħoqqlu? Ġesù qalilhom biex imorru fid-​djar tan-​nies, billi qal: “Meta tidħlu f’xi dar, sellmu lil tad-​dar; u jekk id-​dar jistħoqqilha, ħa tiġi fuqha l-​paċi li tixtiqulha.” Kellhom huma jżuru lin-​nies mingħajr ma jiġu mistidnin? Innota xi jkompli jgħid Ġesù: “Kulfejn xi ħadd ma jilqagħkomx jew ma jismax kliemkom, intom u ħerġin minn dik id-​dar jew minn dik il-​belt farfru t-​trab minn maʼ saqajkom.” (Mt. 10:11-14) Dawn l-​istruzzjonijiet jagħmluha ċara li hekk kif l-​appostli “daru t-​territorju, minn raħal għal raħal, ixandru l-​aħbar tajba,” kellhom jieħdu l-​inizjattiva biex iżuru lin-​nies fi djarhom.—Lq. 9:6.

4. L-​ippridkar minn dar għal dar fejn jissemma speċifikament fil-​Bibbja?

4 Il-​Bibbja ssemmi speċifikament li l-​appostli ppridkaw minn dar għal dar. Per eżempju, Atti 5:42 jgħid hekk dwarhom: “Kuljum fit-​tempju u minn dar għal dar baqgħu jgħallmu u jxandru bla heda l-​aħbar tajba dwar il-​Kristu, Ġesù.” Xi 20 sena wara, l-​appostlu Pawlu fakkar lill-​irġiel ixjeħ fil-​kongregazzjoni t’Efesu: “Ma żammejtx lura milli ngħidilkom kulma kien taʼ benefiċċju u milli ngħallimkom pubblikament u minn dar għal dar.” Mar Pawlu jżur lil dawn l-​anzjani qabel ma saru Kristjani? Milli jidher iva, għax għallimhom, fost affarijiet oħrajn, “dwar l-​indiema lejn Alla u l-​fidi fil-​Mulej tagħna Ġesù.” (Atti 20:20, 21) Rigward Atti 20:20, il-​ktieb Word Pictures in the New Testament taʼ Robertson jgħid: “Huwa taʼ min jinnota li dan l-​aqwa predikatur ippriedka minn dar għal dar.”

Armata taʼ Ġradijiet fi Żmienna

5. Ix-​xogħol taʼ l-​ippridkar kif inhu deskritt fil-​profezija taʼ Ġoel?

5 L-​għoti taʼ xiehda li sar fl-​ewwel seklu kien biss dehra bil-​quddiem taʼ xogħol akbar li kellu jsir fi żmienna. Il-​profeta Ġoel xebbah l-​attività taʼ l-​ippridkar taʼ Kristjani midlukin maʼ kastig qerried taʼ insetti, li kienu jinkludu l-​ġradijiet. (Ġoel 1:4) Billi javanzaw bħal armata, il-​ġradijiet jegħlbu ostakli, jidħlu fi djar, u jeqirdu dak kollu li jiġi quddiemhom. (Aqra Ġoel 2:2, 7-9.) X’deskrizzjoni ċara tal-​perseveranza u d-​diliġenza tal-​poplu t’Alla f’li jwettaq ix-​xogħol tax-​xandir fi żminijiet moderni! L-​iktar metodu importanti użat mill-​Kristjani midlukin u sħabhom in-​“nagħaġ oħrajn” biex iwettqu din l-​istampa profetika hu l-​ministeru minn dar għal dar. (Ġw. 10:16) Aħna, bħala x-​Xhieda taʼ Ġeħova, kif adottajna dan il-​metodu li użaw l-​appostli fl-​ippridkar?

6. Fl-​1922, liema inkuraġġiment ngħata rigward l-​għoti taʼ xiehda minn dar għal dar, imma xi wħud kif wieġbu?

6 Mill-​1919 ’il quddiem ġiet enfasizzata r-​responsabbiltà li għandu kull Kristjan, dik li jkollu sehem personalment fl-​għoti taʼ xiehda. Per eżempju, artiklu bit-​titlu “Service Essential” (Is-Servizz Hu Essenzjali) fil-​Watch Tower tal-​15 t’Awissu, 1922, fakkar lill-​Kristjani midlukin dwar l-​importanza taʼ li “b’mod attiv iwasslu l-​messaġġ stampat lin-​nies u jitkellmu magħhom fi djarhom, billi jagħtu xiehda li s-​saltna tas-​sema hija qrib.” Preżentazzjonijiet dettaljati kienu provduti fil-​Bulletin (issa l-​Ministeru tas-​Saltna). Xorta waħda, l-​għadd taʼ dawk li fil-​fatt kienu jippridkaw minn dar għal dar kien żgħir għall-​ewwel. Xi wħud żammew lura. Huma qajmu diversi oġġezzjonijiet, imma l-​problema bażika kienet li xi wħud ħassew li l-​ippridkar minn dar għal dar kien se jnaqqsilhom id-​dinjità tagħhom. Hekk kif saret iktar enfasi fuq is-​servizz taʼ l-​għalqa, maż-​żmien ħafna minn dawn l-​uħud ma baqgħux jissieħbu maʼ l-​organizzazzjoni taʼ Ġeħova.

7. Fis-​snin 50, liema bżonn sar evidenti?

7 Fis-​snin taʼ wara, kienu ħafna dawk li ngħaqdu fix-​xogħol taʼ l-​ippridkar. Madankollu, sar evidenti li kien hemm bżonn taʼ iktar taħriġ persunali fil-​ministeru minn dar għal dar. Bħala eżempju kkunsidra s-​sitwazzjoni fl-​Istati Uniti. Matul il-​bidu tas-​snin 50, 28 fil-​mija mix-​Xhieda f’dan il-​pajjiż kienu jillimitaw l-​attività taʼ l-​ippridkar tagħhom għal li jqassmu l-​volantini jew joqogħdu bil-​wieqfa fit-​toroq bir-​rivisti f’idejhom. Iktar minn 40 fil-​mija ma kinux regulari fix-​xogħol taʼ l-​ippridkar, billi kienu jħallu xhur sħaħ jgħaddu mingħajr ma jieħdu sehem fl-​għoti taʼ xiehda. X’setaʼ jsir biex il-​Kristjani dedikati kollha jiġu megħjunin jippridkaw minn dar għal dar?

8, 9. Liema programm taʼ taħriġ inbeda fl-​1953, u b’liema riżultati?

8 F’konvenzjoni internazzjonali li saret fil-​belt taʼ New York fl-​1953, il-​ministeru minn dar għal dar ngħata attenzjoni speċjali. Ħuna Nathan H. Knorr iddikjara li x-​xogħol prinċipali taʼ l-​indokraturi Kristjani kollha għandu jkun li jgħinu lil kull Xhud ikun ministru regulari minn dar għal dar. Hu qal: “Kulħadd għandu jkun kapaċi jippriedka l-​aħbar tajba minn dar għal dar.” Inbeda programm taʼ taħriġ globali biex tintlaħaq din il-​mira. Dawk li kienu għadhom mhux qed jippridkaw minn dar għal dar ngħataw taħriġ dwar kif javviċinaw lin-​nies fi djarhom, jirraġunaw magħhom mill-​Bibbja, u jwieġbu l-​mistoqsijiet tagħhom.

9 Ir-​riżultati taʼ dan il-​programm taʼ taħriġ kienu taʼ l-​għaġeb. Fi żmien għaxar snin, l-​għadd taʼ pubblikaturi madwar id-​dinja żdied b’100 fil-​mija, l-​għadd taʼ żjajjar lura b’126 fil-​mija, u l-​għadd taʼ studji tal-​Bibbja b’150 fil-​mija. Illum, kważi sebaʼ miljun pubblikatur tas-​Saltna qed jippridkaw l-​aħbar tajba madwar id-​dinja. Dan it-​tkabbir rimarkevoli huwa evidenza waħda tal-​barka taʼ Ġeħova fuq l-​isforzi tal-​poplu tiegħu fil-​ministeru minn dar għal dar.—Is. 60:22.

L-​Immarkar tan-​Nies għas-​Salvazzjoni

10, 11. (a) Eżekjel liema viżjoni ngħata, bħalma hu mniżżel f’Eżekjel kapitlu 9? (b) Din il-​viżjoni kif qed titwettaq illum?

10 L-​importanza tal-​ministeru minn dar għal dar tistaʼ tidher minn viżjoni li ngħatat lill-​profeta Eżekjel. F’din il-​viżjoni, Eżekjel jara sitt irġiel bl-​armi f’idejhom flimkien maʼ raġel ieħor liebes l-​għażel b’kaxxa tal-​kitba taʼ segretarju fuq ġenbu. Lil dan is-​sebaʼ raġel jintqallu biex ‘jgħaddi minn nofs il-​belt’ u ‘jagħmel marka fuq ġbin dawk li jsibhom jitniehdu u jitbikkew minħabba l-​qżiżijiet kollha li jsiru fiha.’ Wara dan ix-​xogħol taʼ mmarkar, is-​sitt irġiel bl-​armi tal-​qtil jiġu kmandati biex joqtlu lil dawk kollha li m’għandhomx il-​marka.—Aqra Eżekjel 9:1-6.

11 Aħna nifhmu li fit-​twettiq taʼ din il-​profezija, ir-​raġel “liebes l-​għażel” jirrappreżenta lill-​fdal tal-​Kristjani midlukin bl-​ispirtu. Permezz tax-​xogħol taʼ l-​ippridkar u taʼ li jagħmlu dixxipli, il-​klassi tal-​midlukin tagħmel marka simbolika fuq dawk li jsiru parti min-​“nagħaġ oħrajn” taʼ Kristu. (Ġw. 10:16) X’inhi din il-​marka? Hija l-​evidenza, bħallikieku murija fuq ġbinhom mikxuf, li dawn in-​nagħaġ huma dixxipli dedikati u mgħammdin taʼ Ġesù Kristu u li libsu l-​personalità l-​ġdida bħal taʼ Kristu. (Efes. 4:20-24) Dawn l-​uħud bħal nagħaġ saru merħla waħda mal-​Kristjani midlukin u jgħinuhom fix-​xogħol vitali tagħhom taʼ li jimmarkaw saħansitra lil oħrajn.—Riv. 22:17.

12. Il-​viżjoni t’Eżekjel dwar l-​immarkar fuq il-​ġbin kif tenfasizza l-​importanza tat-​tfittxija kontinwa tagħna għal uħud bħal nagħaġ?

12 Il-​viżjoni t’Eżekjel tenfasizza raġuni waħda għala t-​tfittxija kontinwa tagħna għan-​nies li qed ‘jitniehdu u jitbikkew’ hija tant urġenti. Hemm il-​ħajjiet involuti. Dalwaqt, il-​forzi esekuzzjonali taʼ Ġeħova fis-​sema, rappreżentati mis-​sitt irġiel bl-​armi, se jeqirdu lil dawk li m’għandhomx il-​marka simbolika. Rigward dan il-​ġudizzju li riesaq, l-​appostlu Pawlu kiteb li l-​Mulej Ġesù, flimkien maʼ “l-​anġli setgħana tiegħu,” se jġib “vendetta fuq dawk li ma jafux lil Alla u dawk li ma jobdux l-​aħbar tajba dwar il-​Mulej tagħna Ġesù.” (2 Tess. 1:7, 8) Innota li n-​nies se jiġu ġudikati skond kif iwieġbu għall-​aħbar tajba. Għalhekk, il-​proklamazzjoni tal-​messaġġ t’Alla trid tkompli bla waqfien sa l-​aħħar. (Riv. 14:6, 7) Dan ipoġġi responsabbiltà kbira fuq il-​qaddejja dedikati kollha taʼ Ġeħova.—Aqra Eżekjel 3:17-19.

13. (a) Liema responsabbiltà ħass li kellu l-​appostlu Pawlu, u għala? (b) Liema responsabbiltà tħoss li għandek lejn in-​nies fit-​territorju tiegħek?

13 L-​appostlu Pawlu ħass responsabbiltà persunali biex jaqsam l-​aħbar tajba m’oħrajn. Hu kiteb: “Jien midjun kemm lejn il-​Griegi u kemm lejn il-​Barbari, kemm lejn l-​għorrief u kemm lejn il-​boloh; għalhekk, jien ħerqan li nxandar l-​aħbar tajba lilkom ukoll li qegħdin Ruma.” (Rum. 1:14, 15) Minħabba l-​gratitudni tiegħu għall-​maħfra li ntweriet miegħu, Pawlu ħassu mqanqal biex jipprova jgħin lil oħrajn jibbenefikaw mill-​qalb tajba mhix mistħoqqa t’Alla bħalma hu kien ibbenefika minnha. (1 Tim. 1:12-16) Kien bħallikieku kellu d-​dejn maʼ kull persuna li ltaqaʼ magħha, dejn li setaʼ jitħallas biss billi jaqsam l-​aħbar tajba maʼ dik il-​persuna. Tħoss int li għandek l-​istess dejn man-​nies fit-​territorju tiegħek?—Aqra Atti 20:26, 27.

14. X’inhi l-​iktar raġuni importanti għala nippridkaw fil-​pubbliku u minn dar għal dar?

14 Għalkemm il-​preservazzjoni tal-​ħajja umana hija importanti, hemm raġuni ħafna akbar għala għandna nippridkaw minn dar għal dar. Fil-​profezija mniżżla f’Malakija 1:11, Ġeħova jiddikjara: ‘Minn tlugħ ix-​xemx sa nżulha kbir hu Ismi fost il-​ġnus, u jsir lil Ismi sagrifiċċju u offerta safja, għax kbir hu Ismi fost il-​ġnus.’ Bi twettiq taʼ din il-​profezija, il-​qaddejja dedikati taʼ Ġeħova qed ixandru ismu pubblikament madwar id-​dinja hekk kif iwettqu l-​ministeru tagħhom bl-​umiltà. (Salm 109:30; Mt. 24:14) L-​iktar raġuni importanti għala nippridkaw fil-​pubbliku u minn dar għal dar hi li noffru “sagrifiċċju taʼ tifħir” lil Ġeħova.—Ebr. 13:15.

Ġrajjiet Kruċjali Quddiemna

15. (a) L-​Iżraelin kif intensifikaw l-​attività tagħhom hekk kif immarċjaw madwar Ġeriko fis-​sebaʼ jum? (b) Dan x’jindika dwar ix-​xogħol taʼ l-​ippridkar?

15 Liema żviluppi għad iridu jseħħu fix-​xogħol taʼ l-​ippridkar? L-​assedju taʼ Ġeriko, dokumentat fil-​ktieb taʼ Ġożwè, jagħti tixbiha. Ftakar li eżatt qabel ma Alla qered lil Ġeriko, l-​Iżraelin intqalilhom biex jimmarċjaw madwar il-​belt darba kuljum għal sitt ijiem. Madankollu, fis-​sebaʼ jum kellu jkun hemm żjieda sinifikanti fl-​attività tagħhom. Ġeħova qal lil Ġożwè: “Idduru mal-​belt sebaʼ darbiet, u l-​qassisin idoqqu t-​trombi. Mbagħad malli jdoqq il-​kornu, . . . il-​poplu kollu jgħajjat għajta kbira, u jiġġarrfu l-​ħitan tal-​belt.” (Ġoż. 6:2-5) Jistaʼ jkun li se jkun hemm tkabbir simili fl-​attività taʼ l-​ippridkar tagħna. Bla dubju, sakemm tiġi biex tinqered din is-​sistema dinjija, se nkunu rajna l-​akbar xiehda għall-​isem t’Alla u għas-​Saltna fl-​istorja tad-​dinja.

16, 17. (a) X’se jitwettaq qabel tispiċċa t-​“tribulazzjoni l-​kbira”? (b) X’se nikkunsidraw fl-​artiklu li jmiss?

16 Jistaʼ jasal iż-​żmien meta l-​messaġġ li niddikjaraw ikun bħal “għajta kbira” tal-​gwerra. Fil-​ktieb tar-​Rivelazzjoni, messaġġi qawwijin taʼ ġudizzju huma deskritti bħala “silġ oħxon b’kull silġa tiżen madwar talent.”b U Rivelazzjoni 16:21 jgħid: “Il-​kastig kien kbir b’mod mhux tas-​soltu.” Għadna ma nafux liema rwol se jkollu l-​ministeru minn dar għal dar fl-​ipproklamar taʼ dawn il-​messaġġi importanti taʼ ġudizzju. Imma nistgħu nkunu ċerti li qabel ma tintemm it-​“tribulazzjoni l-​kbira,” l-​isem taʼ Ġeħova se jkun sar magħruf bħal qatt qabel fl-​istorja tal-​bniedem.—Riv. 7:14; Eżek. 38:23.

17 Hekk kif nistennew il-​ġrajjiet kruċjali li jinsabu quddiemna, jalla nkomplu niddikjaraw l-​aħbar tajba tas-​Saltna biż-​żelu. Waqt li nwettqu dan l-​inkarigu, liema sfidi niffaċċjaw fil-​ministeru minn dar għal dar, u kif nistgħu negħlbuhom? Se nikkunsidraw dawn il-​mistoqsijiet fl-​artiklu li jmiss.

[Noti taʼ taħt]

a L-indirizz tal-​Web site uffiċjali hu www.watchtower.org.

b Jekk qed issir referenza għat-​talent Grieg, kull silġa kienet tiżen madwar 20 kilogramma.

Int Kif Twieġeb?

• X’inhi l-​bażi Skritturali għall-​ippridkar minn dar għal dar?

• Il-​ministeru minn dar għal dar kif ngħata enfasi fi żminijiet moderni?

• Il-​qaddejja dedikati taʼ Ġeħova għala għandhom responsabbiltà biex jippridkaw?

• Liema ġrajjiet kruċjali jinsabu quddiemna?

[Stampi f’paġna 4]

Bħall-​appostlu Pawlu, tħoss int responsabbiltà biex tippriedka lil oħrajn?

[Stampa f’paġna 5]

Ħuna Knorr, 1953

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja