Ikkultiva Stennijiet Raġunevoli, u Kun Ferħan
“REĠAʼ ma rnexxilix!” Kemm-il darba għedt xi ħaġa simili minħabba li ma stajtx twettaq dak li kont ippjanajt li tagħmel? Omm Kristjana żagħżugħa għandha mnejn tesprimi ruħha b’dan il-mod għax tħossha għajjiena ħafna u stressata minħabba l-attenzjoni li trid tagħti b’mod kontinwu lit-tarbija ġdida tagħha u tħossha frustrata li ma tistax tagħti iktar attenzjoni lill-interessi spiritwali daqskemm tixtieq. Kristjan ieħor forsi jħossu limitat minħabba t-trobbija tiegħu u jaħseb li qatt ma jagħmel biżżejjed fil-kongregazzjoni. Xhud imdaħħla fiż-żmien għandha mnejn tħossha skuraġġita għax ma tistax tieħu sehem bis-sħiħ fl-attivitajiet Kristjani li kienet tgawdi meta kellha iktar enerġija u ma kinitx limitata fiżikament. “Kultant taħdita li tinkuraġġixxi x-xogħol taʼ pijunier hija biżżejjed biex ninfaqaʼ nibki,” tgħid Christiane, li minħabba s-sitwazzjoni fil-familja tagħha ma tistax tagħmel daqs kemm tixtieq fis-servizz taʼ Ġeħova.
X’nistgħu nagħmlu meta nħossuna hekk? Xi Kristjani kif irnexxielhom jikkultivaw ħarsa realistika lejn iċ-ċirkustanzi tagħhom? X’inhuma l-benefiċċji taʼ li jkollok stennijiet bilanċjati?
Kun Raġunevoli
L-appostlu Pawlu jgħidilna kif nistgħu nibqgħu ferħanin meta jgħid: “Ifirħu dejjem fil-Mulej. Nerġaʼ ngħidilkom, Ifirħu! Ħa jkun jaf kulħadd kemm intom raġunevoli.” (Flp. 4:4, 5) Sabiex nesperjenzaw il-ferħ u s-sodisfazzjon fis-servizz tagħna lil Alla, għandna bżonn nikkultivaw stennijiet raġunevoli skond l-abbiltajiet u ċ-ċirkustanzi tagħna. Jekk inħabirku biex nilħqu miri li m’humiex raġunevoli akkost taʼ kollox, inkunu qed noħolqu tensjoni żejda għalina nfusna. Min-naħa l-oħra, għandna noqogħdu attenti li ma nurux tant ħniena magħna nfusna li nibdew nużaw dawk li mill-ħarsa tagħna huma limitazzjonijiet bħala skuża biex innaqqsu iktar milli hemm bżonn il-ministeru Kristjan tagħna.
Huma x’inhuma ċ-ċirkustanzi tagħna, Ġeħova jrid li nagħtuh l-aħjar tagħna—servizz b’ruħna u b’qalbna kollha. (Kol. 3:23, 24) Jekk lil Ġeħova nagħtuh inqas mill-aħjar li nistgħu nagħtu, ma nkunux qed ngħixu fi qbil mad-dedikazzjoni tagħna lejh. (Rum. 12:1) Barra minn hekk, inkunu qed inċaħħdu lilna nfusna minn sodisfazzjon profond, ferħ ġenwin, u barkiet għonja oħrajn li jiġu minn servizz li nagħtu b’ruħna kollha.—Prov. 10:22.
Il-kelma li fil-Bibbja tiġi tradotta bħala “raġunevoli” ġġorr il-ħsieb taʼ li turi konsiderazzjoni. It-tifsira letterali tagħha hija “li ċċedi.” (Ġak. 3:17) Il-kelma tagħti l-ħsieb ukoll taʼ li ma tkunx strett iżżejjed. Għalhekk, mela, jekk aħna raġunevoli, se nkunu nistgħu nħarsu lejn iċ-ċirkustanzi tagħna b’mod bilanċjat. Huwa dan diffiċli? Għal xi wħud iva, avolja huma stess kapaċi juru konsiderazzjoni lil oħrajn. Per eżempju, jekk xi ħabib tal-qalb ikun jidher għajjien ħafna minħabba li jkun qed ilaħħaq maʼ ħafna affarijiet, ma nipprovawx aħna ngħinuh jara kemm ikun għaqli li jagħmel xi aġġustamenti f’ħajtu? Bl-istess mod, irridu nitgħallmu nagħrfu s-sinjali li juruna li qed nagħmlu iktar milli nifilħu.—Prov. 11:17.
Jekk inkunu ġejna mrobbijin minn ġenituri li jkunu jippretendu żżejjed minna jistaʼ jkun iktar taʼ sfida li jkollna ħarsa raġunevoli lejn il-limitazzjonijiet tagħna. Xi wħud fit-tfulija tagħhom ħassew li dejjem kellhom jagħmlu iktar jew imorru aħjar sabiex ikunu jistgħu jiġu maħbubin mill-ġenituri tagħhom. Jekk dan hu minnu fil-każ tagħna, għandu mnejn li għandna ħarsa żbaljata tal-mod kif iqisna Ġeħova. Hu jħobbna għax is-servizz tagħna lejh nagħtuh b’qalbna kollha. Il-Kelma t’Alla tassigurana li Ġeħova “jaf kif aħna magħġuna, jiftakar li aħna trab.” (Salm 103:14) Hu jaf x’inhuma l-limitazzjonijiet tagħna u jħobbna meta naqduh b’żelu minkejja dawn il-limitazzjonijiet. Jekk niftakru li Alla m’huwiex bħal xi mgħallem tax-xogħol li hu esiġenti, se niġu megħjunin biex ma nistennewx iżżejjed minna nfusna billi nirrikonoxxu l-limitazzjonijiet tagħna.—Mik. 6:8.
Xorta waħda, xi wħud isibuha diffiċli jikkultivaw attitudni bilanċjata bħal din. Jekk dan hu minnu fil-każ tiegħek, għala ma tfittixx l-għajnuna taʼ xi Kristjan taʼ l-esperjenza li jafek sew? (Prov. 27:9) Per eżempju, tixtieq int taqdi bħala pijunier regulari? Din hija mira mill-aqwa! Qed issibha diffiċli biex tilħaqha din il-mira? Forsi għandek bżonn l-għajnuna biex tissimplifika ħajtek. Jew xi ħabib Kristjan li tafdah għandu mnejn jiddiskuti miegħek dwar jekk il-mira li taqdi bħala pijunier regulari hijiex prattika issa minħabba l-ħafna responsabbiltajiet li għandek tal-familja. Hu għandu mnejn jgħinek tara jekk l-attivitajiet li tixtieq iżżid tistax tagħmilhom jew liema aġġustamenti tistaʼ tagħmel sabiex tkun tistaʼ tagħmel iktar. Ir-raġel ukoll huwa f’pożizzjoni tajba biex jgħin lil martu tara x’tistaʼ tagħmel skond iċ-ċirkustanzi tagħha. Per eżempju, hu jistaʼ jissuġġerixxi li tistrieħ ftit qabel ma tibda xahar ġdid taʼ iktar attività. Dan jistaʼ jagħtiha iktar enerġija u jgħinha biex tibqaʼ ferħana fil-ministeru.
Fittex l-Affarijiet li Tistaʼ Tagħmel
Età avanzata u saħħa batuta għandhom mnejn jillimitaw dak li tistaʼ tagħmel fis-servizz taʼ Ġeħova. Jekk int ġenitur, forsi tħoss li ftit li xejn qed tibbenefika mill-istudju persunali jew mil-laqgħat Kristjani minħabba li ħafna mill-ħin u l-enerġija tiegħek tiddedikahom lit-tfal żgħar tiegħek. Madankollu, jistaʼ jkun li l-fatt li kultant toqgħod tikkonċentra fuq il-limitazzjonijiet tiegħek qed iżommok lura milli tara x’tistaʼ tagħmel?
Eluf taʼ snin ilu, wieħed Levita esprima xewqa li kienet impossibbli għalih li jwettaqha. Hu kellu l-privileġġ jaqdi fit-tempju għal ġimagħtejn fis-sena. Madankollu, hu esprima x-xewqa taʼ min ifaħħarha li jgħix għal dejjem ħdejn l-artal. (Salm 84:2-4 [84:1-3, NW]) X’għen lil dan ir-raġel leali jkun kuntent? Hu rrealizza li anki ġurnata waħda fil-btieħi tat-tempju kien privileġġ uniku. (Salm 84:5, 6, 11 [84:4, 5, 10, NW]) Bl-istess mod, minflok ma noqogħdu naħsbu dwar il-limitazzjonijiet tagħna, għandna nipprovaw naraw x’nistgħu nagħmlu u nkunu grati għal dan.
Ħu per eżempju lil Nerlande, oħt Kristjana fil-Kanada. Hi qiegħda f’siġġu tar-roti u kienet tħossha tassew limitata f’dak li setgħet tagħmel fil-ministeru. Madankollu, hi bidlet l-attitudni tagħha u bdiet ċentru tal-ħwienet li kien fil-viċin bħala t-territorju persunali tagħha biex tippriedka. Hi tgħid: “Noqgħod fis-siġġu tar-roti tiegħi ħdejn xi bank fiċ-ċentru tal-ħwienet. Nieħu gost nagħti xiehda lin-nies li jiġu u jpoġġu bil-qiegħda biex jistrieħu ftit.” Dan it-tip taʼ ministeru imprezzabbli jġibilha sodisfazzjon kbir lil Nerlande.
Jekk Hemm Bżonn Agħmel Aġġustamenti
Dgħajsa bil-qlugħ tistaʼ tkun għaddejja b’veloċità kbira bir-riħ jonfoħ fil-qlugħ tagħha. Madankollu, meta l-baħri li jkollu t-tmun f’idejh jiltaqaʼ maʼ maltempata, hu bilfors ikollu jirranġa l-qlugħ. Hu ma jistax jikkontrolla l-maltempata, imma billi jagħmel xi aġġustamenti jistaʼ jibqaʼ jikkontrolla d-dgħajsa tiegħu. B’mod simili, ħafna drabi ma nkunux nistgħu nikkontrollaw iċ-ċirkustanzi diffiċli li niltaqgħu magħhom fil-ħajja. Imma jekk naġġustaw il-mod kif nużaw ir-riżorsi fiżiċi, mentali, u emozzjonali tagħna jistaʼ jkollna kontroll fuq ħajjitna kemm jistaʼ jkun. Meta nqisu ċ-ċirkustanzi ġodda tagħna, se niġu megħjunin nibqgħu sodisfatti u ferħanin fis-servizz t’Alla.—Prov. 11:2.
Ikkunsidra xi eżempji. Jekk ftit għandna enerġija, għandu mnejn insibuha t’għajnuna li fil-għodu nevitaw attivitajiet li jgħejjuna ħalli fil-għaxija jkollna s-saħħa biex nattendu l-laqgħat Kristjani. Dan se jippermettilna nieħdu vantaġġ sħiħ mis-sħubija tagħna mal-Kristjani sħabna. Jew jekk omm ma tistax tieħu sehem fil-ministeru minn dar għal dar minħabba li t-tarbija tagħha tkun ma tiflaħx, hi tistaʼ ssibha t’għajnuna li tistieden lil xi oħt Kristjana d-dar tagħha sabiex flimkien ikunu jistgħu jagħtu xiehda bit-telefon waqt li t-tarbija tkun rieqda.
Xi ngħidu jekk iċ-ċirkustanzi tiegħek ma jippermettulekx tistudja minn qabel dak kollu li jkun se jiġi diskuss fil-laqgħat tal-kongregazzjoni? Int tistaʼ tiddetermina kemm tistaʼ tipprepara u agħmel dan bl-aħjar mod li tistaʼ. Billi naġġustaw il-miri li għandna bħalissa, nistgħu nibqgħu attivi u ferħanin.
Biex naġġustaw il-miri tagħna jirrikjedi determinazzjoni u sforz. Serge u Agnès, koppja minn Franza, kellhom jagħmlu bidla kbira fil-pjanijiet tagħhom. “Meta sirna nafu li Agnès kienet qed tistenna tarbija, il-ħolma li nsiru missjunarji għosfrot,” jgħid Serge. Issa li huwa missier taʼ żewġt ibniet kollhom enerġija, Serge jispjega kif huma għamlu mira ġdida bħala koppja. Hu jgħid: “Peress li ma stajniex naqdu f’pajjiż ieħor, iddeċidejna li nkunu ‘missjunarji’ f’pajjiżna stess. Bdejna naqdu fi grupp taʼ lingwa barranija.” Ibbenefikaw huma talli għamlu din il-mira ġdida? Serge jgħid: “Inħossuna li nistgħu nkunu utli f’din il-kongregazzjoni.”
Odile, oħt Kristjana fi Franza li għandha ’l fuq minn 70 sena u ssofri minn artrite fi rkopptejha, ma tistax toqgħod bil-wieqfa għal ħafna ħin. Hi ħassitha skuraġġita minħabba li l-kundizzjoni fiżika tagħha żammitha lura milli jkollha sehem fil-ministeru minn dar għal dar. Madankollu, ma qatgħetx qalbha. Għamlet aġġustamenti fl-attivitajiet tagħha billi bdiet tagħti xiehda bit-telefon. Hi tgħid: “Huwa eħfef u iktar pjaċevoli milli ħsibt!” Dan il-metodu taʼ l-ippridkar reġaʼ taha l-motivazzjoni għall-ministeru.
Stennijiet Raġunevoli Jġibu Barkiet
Jekk nikkultivaw ħarsa raġunevoli lejn dak li nistgħu nagħmlu se nnaqqsu ħafna frustrazzjonijiet. Meta nagħmlu miri bilanċjati se nħossu li wettaqna xi ħaġa minkejja l-limitazzjonijiet tagħna. B’hekk, se nifirħu minħabba dak li nkunu wettaqna, anki jekk dan ikun ftit.—Gal. 6:4.
Hekk kif nilħqu bilanċ f’dak li nistennew minna nfusna, se nuru iktar konsiderazzjoni mal-Kristjani sħabna. Meta nkunu konxji tal-limitazzjonijiet tagħhom, dejjem se napprezzaw dak li jagħmlu għalina. Billi nuru apprezzament għall-għajnuna li joffrulna, aħna nkunu qed nikkontribwixxu għal spirtu taʼ kooperazzjoni u nibdew nifhmu iktar lil xulxin. (1 Pt. 3:8) Ftakar li bħala Missier kollu mħabba, Ġeħova qatt ma jitlob minna iktar milli nistgħu nagħtu. U meta jkollna stennijiet bilanċjati u nagħmlu miri li jistgħu jintlaħqu, l-attivitajiet spiritwali tagħna se jġibulna iktar ferħ u sodisfazzjon!
[Kumment f’paġna 29]
Sabiex nesperjenzaw il-ferħ u s-sodisfazzjon fis-servizz tagħna lil Alla, għandna bżonn nikkultivaw stennijiet raġunevoli skond l-abbiltajiet u ċ-ċirkustanzi tagħna
[Stampa f’paġna 30]
Nerlande ssib il-ferħ billi tagħmel dak li tistaʼ fil-ministeru
[Stampa f’paġna 31]
Tgħallem “aġġusta l-qlugħ”
[Sors]
© Wave Royalty Free/age fotostock
[Stampa f’paġna 32]
Serge u Agnès ibbenefikaw talli għamlu miri ġodda