Il-Bibbja Tgħidilna l-Istorja Kollha Dwar Ġesù?
Jistaʼ jkun li Ġesù ma mietx f’Golgota, kif tgħid li għamel il-Bibbja, imma baqaʼ ħaj? Huwa possibbli li żżewweġ lil Marija Maddalena u kellu t-tfal minnha? Jew forsi kien raġel mistiku u axxetiku li ċċaħħad mill-pjaċiri kollha tal-ħajja fuq l-art? Huwa possibbli li għallem duttrini li huma differenti minn dak li naqraw fil-Bibbja?
SPEKULAZZJONIJIET bħal dawn iffjorixxew fi snin reċenti; waħda mir-raġunijiet għal dan hi li films u novelli popolari mexxew ’il quddiem dawn l-ideat. Minbarra stejjer ivvintati, kien hemm ukoll ħafna kotba u artikli li ffokaw l-attenzjoni fuq kitbiet apokrifi mit-tieni u t-tielet seklu E.K. li jsostnu li jikxfu fatti dwar Ġesù li tħallew barra mill-Evanġelji. Jistgħu jkunu validi stqarrijiet bħal dawn? Nistgħu nkunu ċerti li l-Bibbja tgħidilna l-istorja vera kollha kemm hi dwar Ġesù?
Biex inwieġbu dawn il-mistoqsijiet, ikun taʼ għajnuna li nikkunsidraw tliet suġġetti bażiċi. L-ewwel, irridu nkunu nafu informazzjoni importanti dwar l-irġiel li kitbu r-rakkonti tal-Evanġelju u dwar meta kitbuhom; it-tieni, irridu nsiru nafu min stabbilixxa l-kanoni tal-Iskrittura u kif; u t-tielet, irridu nsiru nafu ftit informazzjoni dwar il-kitbiet apokrifi u kif inhuma differenti mill-kitbiet kanoniċi.a
L-Iskrittura Griega Kristjana Meta Nkitbet, u Minn Min?
Skont xi sorsi, l-Evanġelju taʼ Mattew inkiteb saħansitra lura fit-tmien sena wara l-mewt taʼ Kristu, jiġifieri, madwar is-sena 41 E.K. Ħafna studjużi jemmnu li nkiteb ftit taż-żmien wara, imma hemm qbil ġenerali li l-kotba kollha tal-Iskrittura Griega Kristjana nkitbu matul l-ewwel seklu E.K.
Dawk li raw b’għajnejhom il-ħajja, il-mewt, u l-irxoxt taʼ Ġesù kienu għadhom ħajjin dak iż-żmien, u setgħu jivverifikaw ir-rakkonti tal-Evanġelju. Setgħu wkoll jikxfu faċilment kwalunkwe ineżattezza. Il-professur F. F. Bruce josserva: “Wieħed mill-punti konvinċenti fl-ippritkar appostoliku oriġinali hu l-appell fiduċjuż għall-għarfien tas-semmiegħa; mhux biss qalu, ‘Aħna xhieda taʼ dawn l-affarijiet,’ imma wkoll, ‘Bħalma tafu intom stess’ (Atti 2:22).”
Min kienu l-kittieba tal-Iskrittura Griega Kristjana? Dawn inkludew ftit mit-12-il appostlu taʼ Ġesù. Dawn u kittieba Bibliċi oħrajn, bħal Ġakbu, Ġuda, u probabbilment Marku, kienu preżenti fil-jum taʼ Pentekoste fis-sena 33 E.K. meta ġiet ifformata l-kongregazzjoni Kristjana. Il-kittieba kollha, inkluż Pawlu, kienu ħaġa waħda mal-ġemgħa li tiggverna oriġinali tal-kongregazzjoni Kristjana tal-bidu, li kienet tikkonsisti mill-appostli u l-anzjani f’Ġerusalemm.—Atti 15:2, 6, 12-14, 22; Galatin 2:7-10.
Ġesù inkariga lis-segwaċi tiegħu biex ikomplu x-xogħol tal-ippritkar u tat-tagħlim li kien beda hu. (Mattew 28:19, 20) Saħansitra qal: “Min jismaʼ lilkom jismaʼ lili.” (Luqa 10:16) Iżjed minn hekk, hu wegħedhom li l-ispirtu qaddis, jew il-forza attiva, t’Alla kien se jagħtihom il-qawwa li kellhom bżonn biex jagħmlu dan ix-xogħol. Għalhekk, meta l-Kristjani tal-bidu kienu jirċievu kitbiet mingħand l-appostli jew minn dawk li kienu qed jaħdmu mill-qrib magħhom—irġiel li taw evidenza ċara li kienu mberkin bl-ispirtu qaddis t’Alla—naturalment aċċettaw dawn il-kotba bħala awtorevoli.
Xi kittieba Bibliċi xehdu għall-awtorità u l-ispirazzjoni divina tal-kittieba sħabhom. Pereżempju, l-appostlu Pietru rrefera għall-ittri taʼ Pawlu u għamilhom fuq l-istess livell mal-“bqija taʼ l-Iskrittura.” (2 Pietru 3:15, 16) Pawlu, min-naħa tiegħu, għaraf li l-appostli u profeti Kristjani oħrajn kienu ispirati minn Alla.—Efesin 3:5.
Għalhekk, hemm evidenza konkreta li l-kitbiet tal-Evanġelji huma taʼ min joqgħod fuqhom u huma awtentiċi. Mhumiex sempliċi leġġendi jew ħrejjef. Huma storja miktuba bir-reqqa, ibbażata fuq xhieda li raw b’għajnejhom, miktuba minn irġiel li kienu ispirati mill-ispirtu qaddis t’Alla.
Min Għażel il-Kanoni?
Xi awturi sostnew li l-kanoni tal-Iskrittura Griega Kristjana ntgħażel sekli wara minn knisja li kienet poter stabbilit taħt id-direzzjoni tal-Imperatur Kostantinu. Madankollu, il-fatti juru mod ieħor.
Pereżempju, innota xi jgħid il-Professur tal-Istorja tal-Knisja Oskar Skarsaune: “Liema kitbiet kellhom ikunu inklużi fit-Testment il-Ġdid, u liema le, qatt ma ġie deċiż minn xi kunsill tal-knisja jew minn persuna waħda . . . Il-kriterji kienu ċari u raġunevoli ħafna: Kitbiet mill-ewwel seklu E.K. li kienu meqjusin bħala li nkitbu mill-appostli jew minn dawk li ħadmu magħhom kienu meqjusin bħala li huma taʼ min joqgħod fuqhom. Kitbiet, ittri, jew ‘evanġelji’ oħrajn li nkitbu iktar tard ma kinux inklużi . . . Dan il-proċess tlesta essenzjalment żmien twil qabel Kostantinu u żmien twil qabel ma l-knisja tiegħu taʼ poter kienet ġiet stabbilita. Kienet il-knisja tal-martri, mhux il-knisja taʼ poter, li tatna t-Testment il-Ġdid.”
Ken Berding, professur assoċjat li jistudja l-Iskrittura Griega Kristjana, jagħti dan il-kumment dwar kif tfaċċa l-kanoni: “Il-knisja m’għażlitx il-kotba li ppreferiet biex ikunu parti mill-kanoni; huwa iktar xieraq li nitkellmu dwar il-knisja bħala li rrikonoxxiet il-kotba li l-Kristjani kienu dejjem ikkunsidraw bħala Kelma awtorevoli minn Alla.”
Madankollu, kienu biss dawk il-Kristjani umli tal-ewwel seklu li għażlu l-kanoni? Il-Bibbja tgħidilna li kien hemm xi ħaġa ħafna iktar importanti—u qawwija—li influwenzat din l-għażla.
Skont il-Bibbja, waħda mill-għotjiet mirakolużi tal-ispirtu li ngħataw fis-snin tal-bidu tal-kongregazzjoni Kristjana kienet “dixxerniment taʼ kliem imnebbaħ.” (1 Korintin 12:4, 10) Għalhekk, xi wħud minn dawk il-Kristjani ngħataw abbiltà sovrumana biex jiddistingwu bejn kliem li verament kien ispirat minn Alla u dak li ma kienx. B’hekk, il-Kristjani llum jistgħu jkunu fiduċjużi li l-Iskrittura inkluża fil-Bibbja kienet aċċettata bħala li hi ispirata.
Allura, evidentement il-kanoni kien stabbilit fi stadju bikri bil-gwida tal-ispirtu qaddis. Mit-tieni parti tat-tieni seklu E.K., xi kittieba kkummentaw dwar il-kanoniċità tal-kotba Bibliċi. Madankollu, dawn il-kittieba ma stabbilewx il-kanoni; sempliċement xehdu għal dak li Alla kien diġà aċċetta permezz tar-rappreżentanti tiegħu, li kienu gwidati mill-ispirtu tiegħu.
Manuskritti tal-qedem ukoll jagħtu evidenza konvinċenti biex jappoġġaw il-kanoni li huwa ġeneralment aċċettat illum. Hemm iktar minn 5,000 manuskritt tal-Iskrittura Griega bil-lingwa oriġinali, inkluż xi ftit mit-tieni u t-tielet seklu. Kienu dawn il-kitbiet, u mhux il-kitbiet apokrifi, li tqiesu bħala li huma awtorevoli matul l-ewwel sekli E.K., u għalhekk ġew ikkopjati u mqassmin maʼ kullimkien.
Madankollu, l-evidenza interna hija l-iktar prova importanti tal-kanoniċità. Il-kitbiet kanoniċi huma fi qbil mal-“mudell taʼ kliem mimli saħħa” li nsibu fil-kumplament tal-Bibbja. (2 Timotju 1:13) Dawn iħeġġu lill-qarrejja biex iħobbu, iqimu, u jaqdu lil Ġeħova, u jwissu kontra s-superstizzjoni, id-demoniżmu, u l-qima li tingħata lill-ħlejjaq. Huma eżatti storikament u fihom profezija vera. U jinkuraġġixxu lill-qarrejja biex iħobbu lil sħabhom il-bnedmin. Il-kotba tal-Iskrittura Griega Kristjana għandhom dawn il-karatteristiki distinti. Jistaʼ jingħad l-istess għall-kitbiet apokrifi?
Il-Kitbiet Apokrifi Kif Inhuma Differenti?
Il-kitbiet apokrifi huma differenti mhux ħażin mill-kitbiet kanoniċi. Dawn il-kotba apokrifi nkitbu minn madwar nofs it-tieni seklu, ħafna iktar tard mill-kitbiet kanoniċi. L-istampa li jagħtu taʼ Ġesù u l-Kristjanità mhijiex fi qbil mal-Iskrittura ispirata.
Pereżempju, l-Evanġelju apokrifu taʼ Tumas jgħid li Ġesù qal għadd taʼ stqarrijiet strambi, bħal pereżempju li qal li kien se jbiddel lil Marija f’raġel biex ikun possibbli għaliha li tidħol fis-Saltna tas-sema. Il-Bidu tal-Evanġelju taʼ Tumas jiddeskrivi liċ-ċkejken Ġesù bħala tifel kattiv li apposta ġiegħel lil tifel ieħor imut. L-Atti taʼ Pawlu u l-Atti taʼ Pietru, li huma apokrifi, jenfasizzaw astinenza għalkollox minn relazzjonijiet sesswali u saħansitra jpinġu lill-appostli bħala li qed iħeġġu lin-nisa biex jisseparaw minn żwieġhom. L-Evanġelju taʼ Ġuda jiddeskrivi lil Ġesù bħala li qed jidħaq bid-dixxipli tiegħu għax talbu lil Alla b’konnessjoni maʼ xi ikla. Ideat bħal dawn ma jaqblux maʼ dak li nsibu fil-kotba kanoniċi.—Marku 14:22; 1 Korintin 7:3-5; Galatin 3:28; Ebrej 7:26.
Ħafna mill-kitbiet apokrifi jirriflettu t-twemmin tal-Injostiċi, li kienu jemmnu li l-Ħallieq, Ġeħova, mhuwiex Alla tajjeb. Kienu jemmnu wkoll li l-irxoxt mhuwiex letterali, li kulma hu fiżiku hu mill-agħar, u li Satana kien is-sors taż-żwieġ u l-prokreazzjoni.
Jingħad li għadd mill-kotba apokrifi nkitbu minn karattri Bibliċi, imma dan mhuwiex minnu. Kien hemm xi konfoffa misterjuża li eskludiet dawn il-kotba mill-Bibbja? M. R. James, espert tal-apokrifa, qal: “Żgur li ħadd m’eskludiehom mit-Testment il-Ġdid: dan għamluh waħedhom.”
Il-Kittieba tal-Bibbja Wissew Dwar Apostasija li Kienet Riesqa
Fil-kitbiet kanoniċi nsibu diversi twissijiet dwar apostasija imminenti li kellha tikkorrompi lill-kongregazzjoni Kristjana. Fil-fatt, din l-apostasija kienet diġà bdiet fl-ewwel seklu, imma l-appostli ma ħallewhiex tinfirex. (Atti 20:30; 2 Tessalonikin 2:3, 6, 7; 1 Timotju 4:1-3; 2 Pietru 2:1; 1 Ġwanni 2:18, 19; 4:1-3) Twissijiet bħal dawn tefgħu dawl fuq kitbiet li bdew jinbtu wara l-mewt tal-appostli, kitbiet li marru kontra t-tagħlim taʼ Ġesù.
Huwa minnu li dokumenti bħal dawn forsi jidhru antiki u taʼ min jirrispettahom f’għajnejn xi studjużi u storjografi. Imma kkunsidra: Xi ngħidu kieku xi studjużi kellhom jiġbru mazz kitbiet dubjużi stampati llum, forsi billi jiħduhom minn rivisti mimlijin seksik u mill-pubblikazzjonijiet taʼ kulti reliġjużi fanatiċi, u mbagħad jissiġillaw il-karti f’sejf? Kienu dawn il-kitbiet isiru veri u taʼ min joqgħod fuqhom biż-żmien? Wara 1,700 sena, kienu l-gideb u l-ħmerijiet f’dawk il-karti se jsiru veri sempliċement għax id-dokumenti kienu antiki ħafna?
Dażgur li le! L-istess jistaʼ jingħad dwar stqarrijiet li Ġesù żżewweġ lil Marija Maddalena u stqarrijiet strambi oħrajn mill-kotba apokrifi. Għala għandek tafda sorsi mhux taʼ min joqgħod fuqhom bħal dawn, speċjalment meta hemm disponibbli dawk li tistaʼ tafdahom? Dak kollu li Alla jridna nkunu nafu dwar Ibnu jinsab preċiż hemmhekk fil-Bibbja—kitba li nistgħu nafdawha.
[Nota taʼ taħt]
a Il-kelma “kanoni” tirreferi għall-ġabra tal-kotba Bibliċi li jagħtu prova konvinċenti li huma ispirati minn Alla. Hemm 66 ktieb li ġeneralment huma magħrufin bħala kanoniċi u li huma parti integrali u indispensabbli mill-Kelma t’Alla.
[Dijagramma/Stampi f’paġna 26]
(Għall-formazzjoni sħiħa tat-test, ara pubblikazzjoni)
IL-ĦAJJA TAʼ ĠESÙ IL-KITBA TAL-PARTI IL-KITBA
GRIEGA TAL-BIBBJA TAX-XOGĦLIJIET APOKRIFI
2 Q.E.K. 33 E.K. 41 98 130 300
[Sors]
Kenneth Garrett/National Geographic Image Collection
[Stampa f’paġna 28]
L-appostlu Pawlu wettaq xi mirakli, saħansitra rxoxt, u b’hekk ta evidenza qawwija li l-ispirtu t’Alla kien qed jappoġġa lilu u l-kitbiet tiegħu