LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w11 10/1 pp. 18-22
  • Kiseb il-Faraġ Mingħand Alla Tiegħu

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Kiseb il-Faraġ Mingħand Alla Tiegħu
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2011
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • L-​Affarijiet Jinbidlu bla Mistenni
  • Maħkum bl-​Iskuraġġiment u l-​Biżaʼ
  • “Biżżejjed!”
  • Ġeħova Ħa Ħsieb lill-​Profeta Tiegħu
  • Kif Ġeħova Farraġ u Saħħaħ lill-​Profeta Tiegħu
  • Kiseb il-Faraġ Mingħand Alla Tiegħu
    Imita l-Fidi Tagħhom
  • Se Tkun Int Leali Bħal Elija?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1997
  • Ġieli tħossok waħdek u beżgħan?
    Għallem lil Uliedek
  • Ġeħova jsaħħaħ lil Elija
    Lezzjonijiet li tista’ titgħallem mill-Bibbja
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2011
w11 10/1 pp. 18-22

Imita l-​Fidi Tagħhom

Kiseb il-​Faraġ Mingħand Alla Tiegħu

ELIJA ġera fix-​xita hekk kif beda jdallam. Kien għad fadallu biċċa triq ġmielha qabel ma jasal Ġeżragħel, u ma kienx xi żagħżugħ. Madanakollu, hu baqaʼ jiġri bla ma jegħja, għax “id Ġeħova” kienet fuqu. Ġeħova kien qed jimlieh b’iktar enerġija milli qatt kien ħass qabel. Biss biss, kien għadu kif għadda ż-​żwiemel li kienu qed jiġbdu l-​karru rjali tas-​Sultan Aħab!—1 Slaten 18:46.

Issa s-​Sultan Aħab kien ’il bogħod warajh, u Elija kellu vjaġġ twil quddiemu. Ġib quddiem għajnejk lil Elija jpetpet għajnejh biex itajjar il-​qtar tax-​xita hekk kif ġera u qagħad jaħseb dwar dak li ġara f’dik il-​ġurnata, l-​iktar waħda eċċitanti taʼ ħajtu. Mingħajr ebda dubju, kienet rebħa glorjuża għal Alla t’Elija, Ġeħova, u għall-​qima vera. ’Il bogħod warajh issa, mitluf fid-​dalma tal-​maltemp, kien hemm il-​Muntanja Karmel maħkuma mir-​riħ, fejn Ġeħova kien uża lil Elija biex jegħleb il-​qima taʼ Bagħal b’mod qawwi u mirakoluż. Mijiet taʼ profeti taʼ Bagħal intwerew li kienu imbroljuni mill-​agħar u b’mod ġust ġew maqtulin. Imbagħad Elija talab lil Ġeħova biex itemm in-​nixfa li kienet laqtet il-​pajjiż għal tliet snin u nofs. Ix-​xita niżlet bil-​qliel!a—1 Slaten 18:18-​45.

Hekk kif Elija ġera fix-​xita dawk it-​30 kilometru lejn Ġeżragħel, setaʼ ħaseb li issa, ladarba nqerdu l-​profeti taʼ Bagħal, kien se jkun hemm bidliet kbar. Aħab kien se jkollu jinbidel! Wara dak li kien ra b’għajnejh stess, żgur li ma kellu l-​ebda għażla ħlief li jabbanduna l-​qima taʼ Bagħal, irażżan lir-​reġina tiegħu, Ġeżabel, u jwaqqaf il-​persekuzzjoni tal-​qaddejja taʼ Ġeħova.

Meta l-​affarijiet jidhru li sejrin favurina, ikun naturali li tikbrilna t-​tama. Nistgħu nimmaġinaw li ċ-​ċirkustanzi tagħna fil-​ħajja se jkomplu jitjiebu, forsi anke naħsbu li l-​agħar problemi tagħna fl-​aħħar għaddew. Ma niskantawx jekk Elija ħaseb hekk għax kien “raġel b’sentimenti bħal tagħna.” (Ġakbu 5:17) Imma, fir-​realtà l-​problemi t’Elija kienu għadhom jibdew. Infatti, f’temp taʼ ftit sigħat Elija tant kien se jkun beżgħan, tant kien se jkun qalbu maqtugħa, li kien se jixtieq imut. X’ġara? U Ġeħova kif għen lill-​profeta tiegħu jerġaʼ jkattar il-​fidi u l-​kuraġġ tiegħu? Ejja naraw.

L-​Affarijiet Jinbidlu bla Mistenni

Meta Aħab wasal fil-​palazz tiegħu f’Ġeżragħel, wera hu li kien inbidel u sar bniedem iktar spiritwali? Naqraw: “Aħab qal lil Ġeżabel b’kulma għamel Elija u kif dan qatel lill-​profeti kollha bis-​sejf.” (1 Slaten 19:1) Innota li r-​rakkont taʼ Aħab dwar dak li kien ġara ħalla barra l-​Alla t’Elija, Ġeħova. Peress li kien jaħsibha bħall-​bnedmin, Aħab ħares lejn il-​ġrajjiet mirakolużi tal-​ġurnata minn ħarsa umana biss—dak li “għamel Elija.” Jidher ċar li ma tgħallimx jirrispetta lil Alla Ġeħova. U l-​vendikattiva Ġeżabel kif irreaġixxiet?

Kienet inkorlata! Mitlufa f’dagħdigħa, bagħtet dan il-​messaġġ lil Elija: “Jalla jagħmlu hekk l-​allat, u iktar minn hekk, jekk s’għada bħalissa ma nkunx għamilt minn ruħek bħalma sar minn ruħ kull wieħed minnhom!” (1 Slaten 19:2) Din kienet l-​agħar tip taʼ theddida tal-​mewt. Nistgħu ngħidu li Ġeżabel kienet qed taħlef li hi nfisha kellha tmut jekk ma tkunx qatlet lil Elija sal-​għada biex tpatti għall-​profeti tagħha li kienu jaduraw lil Bagħal. Immaġina lil Elija jiġi mqajjem mir-​raqda f’xi dar sempliċi f’Ġeżragħel f’dik il-​lejla taʼ maltemp biex jismaʼ l-​messaġġier tar-​reġina jwassal dak il-​kliem orribbli. Kif ġie effettwat?

Maħkum bl-​Iskuraġġiment u l-​Biżaʼ

Jekk Elija emmen li l-​ġlieda kontra l-​qima taʼ Bagħal kienet kważi spiċċat, malajr tilef kull tama. Ġeżabel ma bidlitx fehmitha. Għadd kbir minn dawk li b’lealtà ħadmu flimkien m’Elija diġà kienu nqatlu bl-​ordni tagħha, u issa deher li hu kien imiss. Il-​Bibbja tgħidilna: “Beda jibżaʼ.” Tgħid Elija ġab quddiem għajnejh il-​mewt terribbli li Ġeżabel kellha lesta għalih? Jekk qagħad jhewden fuq dawn il-​ħsibijiet, mhux taʼ b’xejn li qataʼ qalbu. Ġara x’ġara, Elija “ħarab biex isalva ruħu.”—1 Slaten 18:4; 19:3.

Elija ma kienx l-​uniku raġel taʼ fidi li qatt ġie maħkum bil-​biżaʼ. Ħafna żmien wara, l-​appostlu Pietru kellu l-​istess problema. Pereżempju, meta Ġesù għen lil Pietru jingħaqad Miegħu f’li jimxi fuq l-​ilma, l-​appostlu beda ‘jara r-​riefnu.’ Imbagħad tilef il-​kuraġġ u beda jegħreq. (Mattew 14:30) B’hekk, l-​eżempji taʼ Pietru u Elija jgħallmuna lezzjoni taʼ valur. Jekk irridu nibqgħu nkunu kuraġġużi, m’għandniex inħallu moħħna jhewden fuq il-​perikli li jbeżżgħuna. Għandna nibqgħu ffokati fuq is-​Sors tat-​tama u s-​saħħa tagħna.

“Biżżejjed!”

Minħabba li beżaʼ, Elija ħarab lejn il-​Lbiċ, xi 150 kilometru lejn Bir-​xeba, belt ħdejn il-​fruntiera tan-​Nofsinhar taʼ Ġuda. Hemmhekk ħalla warajh il-​qaddej tiegħu u rħielha għal ġox-​xagħri waħdu. Ir-​rakkont jgħid li “vvjaġġa għal jum,” allura nistgħu nimmaġinawh jitlaq maż-​żerniq, milli jidher mingħajr ma ħa l-​ebda provvista miegħu. Dipress u sforzat ikompli sejjer għax imbeżżaʼ, hu ssara biex jimxi fl-​ambjent aħrax u salvaġġ taħt ix-​xemx tisreġ. Hekk kif ix-​xemx tgħammex bdiet nieżla bil-​mod il-​mod u saret bħal ballun aħmar li għab fl-​orizzont, saħħet Elija ċediet u ma felaħx ikompli. Għajjien mejjet, intefaʼ bilqiegħda taħt siġra tal-​ġummar—l-​iktar ħaġa li setgħet tagħtih kenn f’dik l-​art bla ħajja.—1 Slaten 19:4.

Iddisprat għall-​aħħar, Elija talab li jmut. Qal: “M’iniex aħjar minn missirijieti.” Hu kien jaf li missirijietu kienu biss trab u għadam fil-​qabar, mhux kapaċi li jkunu t’għajnuna għal ħadd. (Ekkleżjasti 9:10) Bl-​istess mod, Elija ħassu mhu tajjeb għal xejn. Mhux taʼ b’xejn li għajjat: “Biżżejjed!” X’jiswa li jibqaʼ jgħix?

Għandna niskantaw jekk nitgħallmu li raġel t’Alla setaʼ jsir daqstant qalbu sewda? Mhux bilfors. Għadd taʼ rġiel u nisa leali msemmijin f’rakkonti Bibliċi huma deskritti bħala li tant ħassewhom imdejqin li xtaqu jmutu—fosthom Rebekka, Ġakobb, Mosè, u Ġob.—Ġenesi 25:22; 37:35; Numri 11:13-​15; Ġob 14:13.

Illum ngħixu fi “żminijiet kritiċi li diffiċli biex issib tarfhom,” għalhekk ma nissorprendux ruħna li ħafna nies, saħansitra qaddejja leali t’Alla, ikunu qalbhom sewda xi kultant. (2 Timotju 3:1) Jekk qatt issib lilek innifsek f’sitwazzjoni kerha bħal din, segwi l-​eżempju t’Elija f’dan ir-​rigward: Iftaħ qalbek m’Alla. Wara kollox, Ġeħova huwa “l-​Alla taʼ kull faraġ.” (2 Korintin 1:3) Farrġu lil Elija?

Ġeħova Ħa Ħsieb lill-​Profeta Tiegħu

Kif taħseb li ħassu Ġeħova hekk kif ħares ’l isfel mis-​sema u ra lill-​profeta maħbub tiegħu mitluq taħt dik is-​siġra fix-​xagħri jitlob biex tieħdu l-​mewt? M’għandniex għalfejn naqtgħu. Wara li Elija marret għajnu bih, Ġeħova bagħatlu anġlu. L-​anġlu b’ġentilezza qajmu billi messu u qal: “Qum u kul!” Elija hekk għamel għax l-​anġlu b’qalb tajba kien lestielu ikla sempliċi taʼ ftira sħuna friska u ilma. Irringrazzjah lill-​anġlu? Kulma jgħid ir-​rakkont hu li l-​profeta kiel u xorob u reġaʼ mtedd. Tgħid kien qalbu maqtugħa wisq biex jitkellem? Ġara x’ġara, l-​anġlu qajmu għal darb’oħra, forsi mas-​sebħ. Hu reġaʼ ħeġġeġ lil Elija, “Qum u kul,” u żied jgħid dan il-​kliem taʼ min jinnotah, “għax il-​vjaġġ huwa wisq għalik.”—1 Slaten 19:5-​7.

Grazzi għad-​dehen mogħti minn Alla, l-​anġlu kien jaf ’il fejn kien sejjer Elija. Kien jaf ukoll li Elija ma kienx se jiflaħ għall-​vjaġġ bil-​ħila tiegħu biss. Kemm hu taʼ faraġ li naqdu lil Alla li jaf il-​miri u l-​limitazzjonijiet tagħna aħjar milli nafuhom aħna! (Salm 103:13, 14) Elija kif ibbenefika minn dik l-​ikla?

Naqraw: “Qam u kiel u xorob, u bis-​saħħa taʼ dak in-​nutriment baqaʼ sejjer erbgħin jum u erbgħin lejl sal-​muntanja taʼ l-​Alla l-​veru, il-​Ħoreb.” (1 Slaten 19:8) Bħal Mosè xi sitt sekli qablu u bħal Ġesù kważi għaxar sekli warajh, Elija sam għal 40 jum u 40 lejl. (Eżodu 34:28; Luqa 4:1, 2) Dik l-​ikla waħda ma neħħitlux il-​problemi kollha, imma sostnietu b’mod mirakoluż. Immaġina lil dan ix-​xwejjaħ jissielet biex jivvjaġġa fix-​xagħri ġurnata wara l-​oħra, ġimgħa wara ġimgħa, għal kważi xahar u nofs mingħajr ma jkollu triq jew mogħdija xi jsegwi!

Ġeħova jsostni l-​qaddejja tiegħu llum ukoll, mhux b’ikel fiżiku mirakoluż, imma b’mod ħafna iktar vitali. Hu jipprovdi għall-​qaddejja tiegħu f’sens spiritwali. (Mattew 4:4) Li nitgħallmu dwar Alla mill-​Kelma tiegħu u mill-​pubblikazzjonijiet li bir-​reqqa huma bbażati fuq il-​Bibbja jsostnina spiritwalment. Jekk nieħdu nutriment spiritwali bħal dan, veru li forsi l-​problemi kollha tagħna ma jitilqux, imma nistgħu niġu megħjunin nissaportu dak li kieku ma nifilħux għalih. Ukoll iwassal għall-​“ħajja taʼ dejjem.”—Ġwanni 17:3.

Elija mexa għal kważi 320 kilometru sakemm fl-​aħħar wasal sal-​Muntanja Ħoreb, fejn ħafna żmien qabel Alla Ġeħova permezz taʼ anġlu kien deher lil Mosè fl-​għollieqa taqbad u fejn Ġeħova iktar tard kien għamel il-​patt tal-​Liġi m’Iżrael. Elija sab kenn f’għar.

Kif Ġeħova Farraġ u Saħħaħ lill-​Profeta Tiegħu

Fil-​Ħoreb, il-​“kelma” taʼ Ġeħova—milli jidher imwassla minn anġlu—poġġiet din il-​mistoqsija sempliċi: “X’int tagħmel hawn, Elija?” X’aktarx qal din il-​mistoqsija b’ġentilezza, għax Elija ħadha bħala stedina biex jiftaħ qalbu. U fetaħha qalbu! Qal: “Għert ħafna minħabba Ġeħova l-​Alla taʼ l-​armati; għax ulied Israel telqu l-​patt tiegħek, l-​artali tiegħek ġarrfuhom, u lill-​profeti tiegħek qatluhom bis-​sejf, u b’hekk jien biss baqaʼ; u qed jipprovaw jiħduli ħajti.” (1 Slaten 19:9, 10) Kliem Elija jikxef minn tal-​inqas tliet raġunijiet għad-​dwejjaq tiegħu.

L-​ewwel, Elija ħass li xogħlu kien sar għalxejn. Minkejja s-​snin li fihom ‘għer ħafna’ f’li jaqdi lil Ġeħova, f’li jpoġġi l-​isem sagru t’Alla u l-​qima tiegħu qabel kull ħaġ’oħra, Elija ra li l-​kundizzjonijiet donnhom kienu sejrin biss għall-​agħar. In-​nies kienu għadhom bla fidi u ribellużi, filwaqt li l-​qima falza kienet qed tinfirex kullimkien. It-​tieni, Elija ħassu waħdu. Hu qal: “Jien biss baqaʼ,” bħallikieku kien l-​aħħar bniedem fil-​ġens li kien għadu jaqdi lil Ġeħova. It-​tielet, Elija kien beżgħan. Ħafna mill-​profeti sħabu kienu diġà nqatlu, u kien ċert li hu kien imiss. Setaʼ ma kienx faċli għal Elija biex jammetti kif kien qed iħossu, imma ma ħalliex il-​kburija jew il-​mistħija żżommu lura. Billi fetaħ qalbu m’Alla permezz tat-​talb, hu ta eżempju mill-​aħjar lin-​nies leali kollha.—Salm 62:8.

Ġeħova kif ittratta mal-​beżgħat u t-​tħassib t’Elija? L-​anġlu qal lil Elija biex jieqaf fid-​daħla tal-​għar. Hu obda, avolja ma kienx jaf x’kien ġej. F’daqqa waħda qam riħ b’saħħtu! X’aktarx li għamel ħoss kbir għax tant kien qawwi li feraq il-​muntanji u qasam il-​blat. Immaġina lil Elija jgħatti għajnejh waqt li ggranfa mal-​ilbies raħli u oħxon magħmul mix-​xagħar hekk kif ir-​riħ tajru madwaru. Imbagħad kellu jissielet biex iżomm il-​bilanċ għax l-​art infisha bdiet titriegħed—terremot heżżeż ir-​reġjun! Bilkemm kien irkupra meta nar kbir għadda minn ħdejh u ġiegħlu jersaq lura fl-​għar biex jipproteġi ruħu mis-​sħana tikwi.—1 Slaten 19:11, 12.

F’kull każ, ir-​rakkont ifakkarna li Ġeħova ma kienx f’dawn it-​turijiet spettakolari tal-​qawwa tan-​natura. Elija kien jaf li Ġeħova ma kienx xi alla tan-​natura li ma jeżistix, bħal Bagħal, li kien meqjum mill-​aduraturi mogħmijin bħala r-​“Rikkieb tas-​Sħab,” jew dak li jġib ix-​xita. Ġeħova hu s-​Sors veru tal-​qawwa tal-​għaġeb kollha li tinsab fin-​natura, imma hu wkoll bil-​wisq akbar minn kwalunkwe ħaġa li għamel. Saħansitra s-​smewwiet fiżiċi ma jistgħux jesgħuh! (1 Slaten 8:27) Iżda, dan kollu kif għen lil Elija? Ftakar x’kien il-​biżaʼ tiegħu. B’Alla bħal Ġeħova fuq in-​naħa tiegħu, b’dik il-​qawwa tremenda li Għandu, Elija ma kellu għalfejn jibżaʼ xejn affattu minn Aħab u Ġeżabel!—Salm 118:6.

Wara li telaq in-​nar, waqgħet ħemda u Elija semaʼ “leħen kalm u baxx.” Dan stieden lil Elija jerġaʼ jesprimi ruħu, u hekk għamel billi għat-​tieni darba fetaħ qalbu.b Forsi dan għenu jserraħ iktar moħħu. Iżda, mingħajr ebda dubju, Elija sab saħansitra iktar faraġ f’dak li issa qallu “l-​leħen kalm u baxx.” Ġeħova żgura lil Elija li hu kien apprezzat u xogħlu kien taʼ siwi. Kif? Alla rrivela ħafna mill-​iskop futur tiegħu dwar il-​gwerra kontra l-​qima taʼ Bagħal f’Iżrael. Jidher ċar li xogħol Elija ma kienx fieragħ għax l-​iskop t’Alla kien miexi ’l quddiem bla ma ħadd jistaʼ jwaqqfu. Barra minn hekk, Elija xorta kellu jkun parti minn dan l-​iskop għax Ġeħova bagħtu lura b’xi istruzzjonijiet speċifiċi.—1 Slaten 19:12-​17.

Imma xi ngħidu dwar is-​sentimenti taʼ solitudni li kellu Elija? Ġeħova għamel żewġ affarijiet dwar dan. L-​ewwel, qal lil Elija biex jidlek lil Eliżew bħala l-​profeta li eventwalment kien se jieħu postu. Dan ir-​raġel iżgħar kien se jsir is-​sieħeb u l-​ajjutant t’Elija għal numru taʼ snin. Kemm kien prattiku dan il-​faraġ! It-​tieni, Ġeħova kixef din l-​aħbar eċċitanti: “Jien ħallejt sebat elef ruħ f’Israel, kull irkoppa li ma niżlitx quddiem Bagħal, u kull fomm li ma bisux.” (1 Slaten 19:18) Le, Elija ma kienx waħdu. Żgur li għamillu l-​qalb li jismaʼ b’dawk l-​eluf taʼ wħud leali li rrifjutaw li jqimu lil Bagħal. Huma kellhom bżonn li Elija jibqaʼ fis-​servizz leali tiegħu u jibqaʼ jagħtihom eżempju taʼ lealtà li ma titħarrikx lejn Ġeħova f’dawk iż-​żminijiet diffiċli. Elija żgur li ntmesset qalbu meta semaʼ dak il-​kliem permezz tal-​messaġġier taʼ Ġeħova, il-​“leħen kalm u baxx” taʼ Alla tiegħu.

Bħal Elija, aħna għandna mnejn nibqgħu mistagħġbin bil-​forzi naturali immensi li jidhru fil-​ħolqien, u bir-​raġun. Il-​ħolqien juri b’mod ħaj il-​qawwa tal-​Ħallieq. (Rumani 1:20) Ġeħova għadu jħobb juża l-​qawwa bla limitu tiegħu biex jgħin lill-​qaddejja leali tiegħu. (2 Kronaki 16:9) Madanakollu, Alla jitkellem b’iktar dettall magħna permezz tal-​paġni tal-​Kelma tiegħu, il-​Bibbja. (Isaija 30:21) F’ċertu sens, il-​Bibbja qisha dak il-​“leħen kalm u baxx,” li permezz tiegħu Ġeħova jiggwidana llum, jikkoreġina, jinkuraġġina, u jiżgurana minn imħabbtu.

Aċċetta Elija l-​faraġ li tah Ġeħova fuq il-​Muntanja Ħoreb? Mingħajr dubju! Malajr reġaʼ taha għax-​xogħol u reġaʼ kien il-​profeta qalbieni u leali li ħa waqfa kontra l-​ħażen tal-​qima falza. Jekk aħna bl-​istess mod inniżżlu f’qalbna l-​kliem imnebbaħ t’Alla, “il-​faraġ mill-​Iskrittura,” aħna se nkunu nistgħu nimitaw il-​fidi t’Elija.—Rumani 15:4.

[Noti taʼ taħt]

a Mis-​serje t’artikli “Imita l-​Fidi Tagħhom” ara l-​artiklu “Hu Ddefenda l-​Qima Pura” fil-​ħarġa tat-​Torri tal-​Għassa tal-​1 taʼ Jannar, 2008, u l-​artiklu bl-​Ingliż “He Watched, and He Waited” fit-​Torri tal-​Għassa tal-​1 t’April, 2008.

b Is-​sors taʼ dan il-​“leħen kalm u baxx” setaʼ kien l-​istess spirtu li ntuża biex iwassal “il-​kelma taʼ Ġeħova” li nsibu fl-​1 Slaten 19:9. F’vers 15, dan l-​ispirtu jissemma sempliċement bħala “Ġeħova.” Aħna nistgħu niġu mfakkrin fl-​anġlu li uża Ġeħova biex jiggwida lil Iżrael fix-​xagħri u li dwaru Ġeħova qal: “Jaġixxi f’ismi.” (Eżodu 23:21) Ovvjament, ma nistgħux inkunu dommatiċi dwar dan il-​punt imma taʼ min jinnota li fl-​eżistenza tiegħu qabel ma sar bniedem, Ġesù qeda bħala “l-​Kelma,” il-​Kelliemi speċjali għall-​qaddejja taʼ Ġeħova.—Ġwanni 1:1.

[Stampa f’paġna 19]

Ġeħova bierek lil Elija bil-​kbir, kemm fiż-​żminijiet tajbin u kemm fil-​ħżiena

[Stampa f’paġna 20]

Meta kien qalbu sewda, Elija fetaħ qalbu maʼ Ġeħova

[Stampa f’paġna 21]

Ġeħova uża l-​qawwa tremenda tiegħu biex ifarraġ u jinkuraġġixxi lil Elija

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja