LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w13 11/15 pp. 21-25
  • Obdi mir-Rgħajja ta’ Ġeħova

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Obdi mir-Rgħajja ta’ Ġeħova
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2013
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • IR-​RAGĦAJ MILL-​AĦJAR JIPPROVDI SOTTORGĦAJJA
  • IR-​RAGĦAJ MILL-​AĦJAR JITMAʼ U JIPPROTEĠI LIN-​NAGĦAĠ
  • KIF GĦANDNA NQISUHOM IN-​NUQQASIJIET TAL-​ANZJANI?
  • “MERĦLA WAĦDA, RAGĦAJ WIEĦED”
  • Rgħajja, Imitaw lill-Aqwa Rgħajja
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2013
  • “Irgħu l-Merħla t’Alla li Hemm fil-Ħarsien Tagħkom”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2011
  • Nissottomettu Ruħna bl-Umiltà Lejn Rgħajja Kollhom Imħabba
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2007
  • Nirgħu l-Merħla t’Alla bl-Imħabba
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1994
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2013
w13 11/15 pp. 21-25

Obdi mir-​Rgħajja taʼ Ġeħova

“Kunu ubbidjenti lejn dawk li qed imexxu fostkom u kunu sottomessi lejhom, għax huma qed jgħassulkom ruħkom.”—EBR. 13:17.

INT KIF TWIEĠEB?

  • L-​anzjani tal-​kongregazzjoni kif jirgħu lin-​nagħaġ t’Alla?

  • In-​nagħaġ għala għandhom jisimgħu mis-​sottorgħajja?

  • L-​imperfezzjoni tas-​sottorgħajja għala ma tagħtiniex raġuni biex ninjoraw il-​pariri Skritturali tagħhom?

1, 2. Ġeħova għala jqabbel lilu nnifsu maʼ ragħaj?

ĠEĦOVA jqabbel lilu nnifsu maʼ ragħaj. (Eżek. 34:11-​14) Dan hu sinifikanti għax jgħinna nifhmu x’tip taʼ persuna hu Ġeħova. Ragħaj li jħobb iħoss li hu responsabbli għall-​ħajjiet tan-​nagħaġ li jieħu ħsieb. Hu jmexxihom lejn mergħat u postijiet imsoqqijin (Salm 23:1, 2); jgħasses fuqhom binhar u billejl (Lq. 2:8); jipproteġihom mill-​annimali salvaġġi (1 Sam. 17:34, 35); iġorr il-​ħrief (Is. 40:11); ifittex lill-​imferrxin, u jieħu ħsieb sew in-​nagħaġ li jkunu mweġġgħin.—Eżek. 34:16.

2 Fl-​antik, il-​biċċa l-​kbira min-​nies t’Alla kienu rgħajja u bdiewa. Għalhekk, huma fehmu għala Ġeħova qabbel lilu nnifsu maʼ ragħaj. Kienu jafu li n-​nagħaġ jeħtieġu lil min jieħu ħsiebhom u jagħtihom l-​attenzjoni biex ikunu f’saħħithom u jibqgħu ħajjin. F’sens spiritwali, in-​nies jeħtieġu l-​istess affarijiet. (Mk. 6:34) In-​nies isofru meta ma jkollhomx ħarsien u tmexxija spiritwali tajba. Ma jkunux jafu x’inhu tajjeb u x’inhu ħażin, u ma jkollhom lil ħadd biex jipproteġihom. Ikunu bħal “nagħaġ mingħajr ragħaj.” (1 Slat. 22:17) Madankollu, Ġeħova bi mħabba jipprovdi għall-​ħtiġijiet tan-​nies tiegħu.

3. X’se niddiskutu f’dan l-​artiklu?

3 Aħna wkoll nifhmu kif Ġeħova hu bħal ragħaj. Ġeħova għadu qed jipprovdi għan-​nies tiegħu li huma bħal nagħaġ. Ejja naraw kif jidderieġi lin-​nagħaġ tiegħu u jissodisfa l-​ħtiġijiet tagħhom illum. Se nikkunsidraw ukoll kif in-​nagħaġ għandhom iwieġbu għall-​interess bi mħabba li jurihom Ġeħova.

IR-​RAGĦAJ MILL-​AĦJAR JIPPROVDI SOTTORGĦAJJA

4. Ġesù liema rwol għandu f’li jieħu ħsieb in-​nagħaġ taʼ Ġeħova?

4 Ġeħova ħatar lil Ġesù bħala l-​Kap tal-​kongregazzjoni Kristjana. (Efes. 1:22, 23) Bħala “r-​ragħaj mill-​aħjar,” Ġesù jirrifletti l-​interessi, l-​iskopijiet, u l-​kwalitajiet taʼ Missieru. Ġesù saħansitra ‘ta ruħu għan-​nagħaġ.’ (Ġw. 10:11, 15) X’għotja meraviljuża hi l-​fidwa taʼ Kristu għall-​umanità! (Mt. 20:28) Hu l-​iskop taʼ Ġeħova li “kulmin jeżerċita l-​fidi [f’Ġesù] ma jinqeridx imma jkollu l-​ħajja taʼ dejjem”!—Ġw. 3:16.

5, 6. (a) Ġesù lil min ħatar biex jieħu ħsieb in-​nagħaġ tiegħu, u n-​nagħaġ x’għandhom jagħmlu biex jibbenefikaw minn dan l-​arranġament? (b) X’għandha tkun ir-​raġuni prinċipali għala rridu nobdu lill-​anzjani tal-​kongregazzjoni?

5 In-​nagħaġ kif juru li Ġesù Kristu hu r-​Ragħaj tagħhom? Ġesù qal: “In-​nagħaġ tiegħi jisimgħu leħni, u jien nafhom, u huma jiġu warajja.” (Ġw. 10:27) Li jisimgħu leħen ir-​Ragħaj mill-​Aħjar ifisser li jsegwu l-​gwida tiegħu f’kollox. Dan jinkludi li jikkooperaw mas-​sottorgħajja spiritwali li ħatar. Ġesù indika li l-​appostli u d-​dixxipli tiegħu kellhom ikomplu x-​xogħol li kien beda hu. Huma kellhom ‘jgħallmu’ u ‘jitimgħu l-​ħrief taʼ Ġesù.’ (Mt. 28:20; aqra Ġwanni 21:15-​17.) Hekk kif xterdet l-​aħbar tajba u żdied l-​għadd tad-​dixxipli, Ġesù rranġa biex Kristjani maturi jirgħu lill-​kongregazzjonijiet.—Efes. 4:11, 12.

6 Meta indirizza lill-​indokraturi tal-​kongregazzjoni tal-​ewwel seklu f’Efesu, l-​appostlu Pawlu ħareġ il-​punt li l-​ispirtu qaddis kien ħatarhom indokraturi ‘biex jirgħu l-​kongregazzjoni t’Alla.’ (Atti 20:28) Illum, l-​istess ħaġa tgħodd għall-​indokraturi Kristjani, ladarba huma wkoll jinħatru fuq il-​bażi tal-​ħtiġijiet Skritturali mnebbħin mill-​ispirtu qaddis. B’hekk, il-​fatt li nobdu lill-​indokraturi Kristjani juri r-​rispett tagħna lejn Ġeħova u Ġesù, l-​aqwa żewġ Rgħajja. (Lq. 10:16) Żgur li din għandha tkun ir-​raġuni prinċipali għala nixtiequ nissottomettu ruħna lejn l-​anzjani. Imma hemm raġunijiet oħrajn għala għandna nsegwu d-​direzzjoni tagħhom.

7. L-​anzjani kif jgħinuk iżżomm relazzjoni tajba maʼ Ġeħova?

7 Meta jagħtu direzzjoni lil sħabhom fit-​twemmin, l-​anzjani jipprovdu inkuraġġiment u pariri bbażati fuq l-​Iskrittura nfisha jew fuq prinċipji Skritturali. L-​anzjani ma jridux jgħidu lil ħuthom kif għandhom jgħixu ħajjithom. (2 Kor. 1:24) Minflok, iridu jgħinuhom jieħdu deċiżjonijiet tagħhom stess ibbażati fuq prinċipji Bibliċi. Billi jagħmlu hekk, l-​anzjani jgħinu lill-​kongregazzjoni biex tkun magħquda u paċifika. (1 Kor. 14:33, 40) L-​anzjani qed “jgħassulkom ruħkom” fis-​sens li jixtiequ jgħinu lil kull membru tal-​kongregazzjoni ħalli jżomm relazzjoni tajba maʼ Ġeħova. B’hekk, huma jkunu ħfief biex joffru assistenza jekk jindunaw li ħu jew oħt waslet biex tieħu, jew diġà ħadet, “pass falz.” (Gal. 6:1, 2; Ġuda 22) Mhumiex dawn raġunijiet tajbin biex inkunu “ubbidjenti lejn dawk li qed imexxu”?—Aqra Ebrej 13:17.

8. L-​anzjani kif jipproteġu lill-​merħla t’Alla?

8 L-​appostlu Pawlu, li hu nnifsu kien ragħaj spiritwali, kiteb lil ħutu f’Kolossi: “Oqogħdu attenti li ma jkunx hemm xi ħadd li jaħtafkom taħt difrejh b’filosofija u qerq fieragħ skond it-​tradizzjoni tal-​bnedmin, skond l-​affarijiet elementari tad-​dinja u mhux skond Kristu.” (Kol. 2:8) Din it-​twissija tiġbdilna l-​attenzjoni lejn raġuni tajba oħra għala għandna noqogħdu attenti għall-​pariri Skritturali tal-​anzjani. Dawn jipproteġu lil ħuthom minn dawk li jkunu jridu jbegħduhom minn Ġeħova. L-​appostlu Pietru wissiena kontra “profeti foloz” u “għalliema foloz” li jipprovaw “iħajru lil erwieħ li m’humiex sodi” biex jagħmlu l-​ħażen. (2 Pt. 2:1, 14) Illum, l-​anzjani jridu jagħtu twissijiet simili meta jkun hemm bżonn. Peress li huma rġiel Kristjani maturi, għandhom l-​esperjenza fil-​ħajja. Iżjed minn hekk, qabel ma nħatru, urew li kellhom fehma ċara tal-​Iskrittura u li kienu kwalifikati biex jgħallmu tagħlim mimli saħħa. (1 Tim. 3:2; Titu 1:9) Bis-​saħħa tal-​maturità, tal-​bilanċ, u tal-​għerf ibbażat fuq il-​Bibbja, lill-​merħla jistgħu jagħtuha direzzjoni bis-​sengħa.

Bħalma ragħaj jipproteġi lill-​merħla tiegħu, l-​anzjani jipproteġu lin-​nagħaġ fdati f’idejhom (Ara paragrafu 8)

IR-​RAGĦAJ MILL-​AĦJAR JITMAʼ U JIPPROTEĠI LIN-​NAGĦAĠ

9. Illum, Ġesù kif jidderieġi u jitmaʼ lill-​kongregazzjoni Kristjana?

9 Permezz tal-​organizzazzjoni tiegħu, Ġeħova jipprovdi abbundanza taʼ ikel spiritwali lill-​fratellanza kollha madwar id-​dinja. Ħafna mill-​pariri Skritturali jiġu provduti permezz tal-​pubblikazzjonijiet tagħna. Barra minn hekk, kultant l-​organizzazzjoni tagħti gwida direttament lill-​anzjani tal-​kongregazzjoni, jew permezz taʼ xi ittri jew permezz taʼ istruzzjonijiet imwasslin minn indokraturi li jivvjaġġaw. B’dawn il-​modi, in-​nagħaġ jirċievu direzzjoni ċara.

10. Ir-​rgħajja spiritwali liema responsabbiltà għandhom rigward dawk li tbiegħdu mill-​merħla?

10 F’sens spiritwali, l-​indokraturi għandhom ir-​responsabbiltà li jipproteġu u jieħdu ħsieb is-​saħħa tal-​membri tal-​kongregazzjoni, speċjalment dawk li ferew lilhom infushom jew li mardu spiritwalment. (Aqra Ġakbu 5:14, 15.) Xi wħud minn dawn l-​individwi forsi tbiegħdu mill-​merħla u ma baqgħux jieħdu sehem f’attivitajiet Kristjani. F’dan il-​każ, żgur li anzjan li jħobb jagħmel kulma hu possibbli biex isib kull nagħġa mitlufa u jħeġġiġha tirritorna lejn il-​maqjel, jiġifieri, il-​kongregazzjoni! “Missieri li hu fis-​sema ma jridx li jinqered wieħed minn dawn iċ-​ċkejknin,” spjega Ġesù.—Mt. 18:12-​14.

KIF GĦANDNA NQISUHOM IN-​NUQQASIJIET TAL-​ANZJANI?

11. Xi wħud għala jistgħu jsibuha taʼ sfida biex isegwu t-​tmexxija tal-​anzjani?

11 Ġeħova u Ġesù huma Rgħajja perfetti. Imma s-​sottorgħajja umani li lilhom jafdaw biex jieħdu ħsieb il-​kongregazzjonijiet mhumiex. Din ir-​realtà tistaʼ tagħmilha taʼ sfida għal xi wħud biex isegwu t-​tmexxija tal-​anzjani. Dawn l-​individwi forsi jirraġunaw: ‘Huma bnedmin imperfetti bħalna. Għala għandna nagħtu widen għall-​pariri tagħhom?’ Huwa minnu li l-​anzjani huma imperfetti. Madankollu, għandna bżonn ikollna ħarsa xierqa lejn in-​nuqqasijiet u d-​dgħufijiet tagħhom.

12, 13. (a) Fl-​imgħoddi, qaddejja responsabbli t’Alla liema żbalji għamlu? (b) In-​nuqqasijiet taʼ rġiel responsabbli għala ġew dokumentati fil-​Bibbja?

12 L-​Iskrittura tirrikonoxxi bil-​miftuħ in-​nuqqasijiet taʼ dawk li ġew użati minn Ġeħova biex imexxu lin-​nies tiegħu fl-​imgħoddi. Pereżempju, David inħatar bħala sultan u mexxej taʼ Iżrael. Madankollu, hu waqaʼ għat-​tentazzjoni u sar ħati t’adulterju u taʼ qtil. (2 Sam. 12:7-​9) Ikkunsidra wkoll lill-​appostlu Pietru. Għalkemm ġie fdat b’responsabbiltà kbira fil-​kongregazzjoni Kristjana tal-​ewwel seklu, hu għamel żbalji serji. (Mt. 16:18, 19; Ġw. 13:38; 18:27; Gal. 2:11-​14) Bl-​eċċezzjoni taʼ Ġesù, ebda bniedem minn Adam u Eva ’l hawn ma kien perfett.

13 Ġeħova għala qabbad lill-​kittieba tal-​Bibbja jiktbu l-​iżbalji taʼ xi wħud mill-​qaddejja responsabbli tiegħu? Fost raġunijiet oħrajn, Alla għamel dan biex juri li jistaʼ juża rġiel imperfetti ħalli jmexxu lin-​nies tiegħu. Fil-​fatt, hu dejjem għamel hekk. Għaldaqstant, m’għandniex nużaw l-​imperfezzjonijiet taʼ dawk li jieħdu t-​tmexxija fostna bħala skuża biex ingergru kontrihom jew biex ninjoraw l-​awtorità tagħhom. Ġeħova jistenna minna li nirrispettaw lil dawn l-​aħwa u li nobduhom.—Aqra Eżodu 16:2, 8.

14, 15. X’nistgħu nitgħallmu mill-​mod kif Ġeħova ta istruzzjonijiet lill-​poplu tiegħu fl-​imgħoddi?

14 Huwa vitali li nobdu lil dawk li llum qed jieħdu t-​tmexxija fostna. Aħseb dwar kif Ġeħova ta istruzzjonijiet lill-​poplu tiegħu matul żminijiet kritiċi fl-​imgħoddi. Meta n-​nies taʼ Iżrael telqu mill-​Eġittu tal-​qedem, l-​ordnijiet t’Alla għalihom ġew permezz taʼ Mosè u Aron. Biex jibqgħu ħajjin wara l-​għaxar kastig, l-​Iżraelin kellhom jobdu l-​istruzzjonijiet ħalli jagħmlu ikla speċjali u jroxxu ftit mid-​demm taʼ nagħġa maqtula fuq il-​koxox u fuq il-​parti taʼ fuq id-​daħla tal-​bibien taʼ djarhom. Din id-​direzzjoni ma ġietx għandhom permezz taʼ xi leħen mis-​sema. Le, kellhom jagħtu widen lix-​xjuħ taʼ Iżrael, u dawn irċivew istruzzjonijiet speċifiċi minn Mosè. (Eżo. 12:1-​7, 21-​23, 29) F’dawk iċ-​ċirkustanzi, Mosè u x-​xjuħ intużaw minn Ġeħova biex jidderieġu lill-​poplu. Illum, Ġeħova juża lill-​anzjani Kristjani bl-​istess mod.

15 X’aktarx li int tistaʼ taħseb dwar għadd taʼ okkażjonijiet oħrajn fl-​istorja Biblika meta Ġeħova pprovda istruzzjonijiet li jsalvaw il-​ħajja permezz taʼ rappreżentanti umani jew anġeliċi. F’dawn il-​każi kollha, Alla għoġbu jiddelega xi awtorità. Il-​messaġġiera tkellmu f’ismu, u dawn qalu lin-​nies x’kellhom bżonn jagħmlu fi żminijiet perikolużi. Għandna kull raġun biex nistennew li Ġeħova se jagħmel l-​istess għall-​poplu tiegħu f’Armageddon. Naturalment, kwalunkwe anzjan li llum jiġi delegat bir-​responsabbiltà li jirrappreżenta lil Ġeħova jew lill-​organizzazzjoni Tiegħu jrid joqgħod attent ferm li qatt ma jabbuża mill-​awtorità fdata lilu.

“MERĦLA WAĦDA, RAGĦAJ WIEĦED”

16. Minn liema “kelma” għandna nisimgħu?

16 In-​nies taʼ Ġeħova huma “merħla waħda” taħt “ragħaj wieħed,” Ġesù Kristu. (Ġw. 10:16) Ġesù qal li kien se jkun mad-​dixxipli tiegħu “l-​jiem kollha sal-​konklużjoni tas-​sistema.” (Mt. 28:20) Bħala Sultan fis-​sema, hu għandu kontroll sħiħ fuq l-​iżviluppi kollha li se jwasslu għall-​esekuzzjoni tal-​ġudizzju kontra d-​dinja taʼ Satana. Sabiex nibqgħu magħqudin u fis-​sigurtà fil-​merħla t’Alla għandna bżonn nisimgħu minn ‘kelma minn warajna,’ li tgħidilna liema triq għandna naqbdu. Din il-​“kelma” tinkludi dak li jgħallimna Ġeħova fil-​Bibbja u dak li jgħidu Ġeħova u Ġesù permezz taʼ dawk li ħatru bħala sottorgħajja.—Aqra Isaija 30:21; Rivelazzjoni 3:22.

L-​anzjani jistinkaw biex jipproteġu lill-​familji b’ġenitur wieħed minn sħubija taʼ ħsara (Ara paragrafi 17, 18)

17, 18. (a) Liema periklu jhedded lill-​merħla, imma dwar xiex nistgħu nkunu fiduċjużi? (b) X’se jiġi diskuss fl-​artiklu li jmiss?

17 Dwar Satana jintqal li qed “iħuf bħal iljun jgħajjat, jipprova jiblaʼ lil xi ħadd.” (1 Pt. 5:8) Bħal annimal salvaġġ bil-​ġuħ, hu joqgħod għassa tal-​merħla u jistenna l-​ħin eżatt biex jattakka lil nagħġa li tkun dgħajfa jew li tkun tbiegħdet mill-​merħla. Minħabba f’hekk, għandna noqogħdu qrib ferm il-​bqija tal-​merħla u ‘r-​ragħaj u l-​indokratur taʼ ruħna.’ (1 Pt. 2:25) Dwar dawk li se jibqgħu ħajjin wara t-​tribulazzjoni l-​kbira, Rivelazzjoni 7:17 jgħid: “Il-​Ħaruf [Ġesù] . . . jirgħahom, u jiggwidahom lejn għejun taʼ l-​ilmijiet tal-​ħajja. U Alla jixxottalhom kull demgħa minn għajnejhom.” X’wegħda meraviljuża!

18 Issa li kkunsidrajna l-​irwol importanti ferm tal-​anzjani Kristjani bħala sottorgħajja spiritwali, nagħmlu tajjeb li nistaqsu, Dawn l-​irġiel maħturin kif jistgħu jkunu ċerti li jittrattaw lin-​nagħaġ taʼ Ġesù b’mod xieraq? It-​tweġiba se tiġi diskussa fl-​artiklu li jmiss.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja