Qim lil Ġeħova, is-Sultan tal-eternità
“Lis-Sultan taʼ l-eternità . . . jkunu l-unur u l-glorja għal dejjem.”—1 TIM. 1:17.
1, 2. (a) Min hu “s-Sultan taʼ l-eternità,” u dan it-titlu għala hu xieraq? (Ara l-ewwel stampa.) (b) Aħna għala rridu li Ġeħova jaħkem fuqna?
IS-SULTAN SOBHUZA II tas-Sważiland ħakem għal kważi 61 sena. Għalkemm hu impressjonanti li raġel ħakem għal dan iż-żmien kollu, hemm sultan ieħor li ma jgħixx biss għal żmien qasir, kif jagħmlu l-bnedmin. Difatti, il-Bibbja tirreferi għalih bħala “s-Sultan taʼ l-eternità.” (1 Tim. 1:17) Salmista jidentifika lil dan is-Sovran b’ismu, billi jgħid: “Ġeħova hu Sultan għal żmien indefinit, iva, għal dejjem.”—Salm 10:16.
2 It-tul taʼ żmien li Alla ilu Sultan jagħmel il-ħakma tiegħu differenti minn dik taʼ kwalunkwe bniedem. Madankollu, dak li jiġbidna lejn Ġeħova hu l-mod kif jaħkem. Sultan li ħakem fuq Iżrael tal-qedem għal 40 sena faħħar lil Alla b’dan il-kliem: “Ġeħova ħanin u grazzjuż, bil-mod biex jirrabja u għani fil-qalb tajba bl-imħabba. Ġeħova stabbilixxa fis-sod it-tron tiegħu fis-smewwiet; u saltnatu tiddomina fuq kollox.” (Salm 103:8, 19) Ġeħova mhux biss hu s-Sultan tagħna imma wkoll hu Missierna—Missierna kollu mħabba tas-sema. Dan iqajjem żewġ mistoqsijiet: Ġeħova b’liema mod aġixxa bħala Missier? Ġeħova kif eżerċita l-ħakma tiegħu mir-ribelljoni fil-Ġnien tal-Għeden ’l hawn? It-tweġibiet għal dawn il-mistoqsijiet se jqanqluna nersqu eqreb lejn Ġeħova u nqimuh b’qalbna kollha.
IS-SULTAN TAL-ETERNITÀ JOĦLOQ FAMILJA UNIVERSALI
3. Min kien l-ewwel membru tal-familja universali taʼ Ġeħova, u min iktar inħalaq bħala “wlied” Alla?
3 Min jaf kemm ħa pjaċir Ġeħova meta ħalaq lill-Iben uniġenitu tiegħu! Alla ma ttrattax lill-ewwel imwieled tiegħu bħala sudditu mhux importanti. Minflok, ħabbu bħala Iben u stiednu biex jieħu sehem fil-ferħ taʼ li joħloq sudditi perfetti oħrajn. (Kol. 1:15-17) Dawn saru jinkludu mirjadi t’anġli. L-anġli jaqdu lil Alla bil-ferħ bħala ‘ministri li qed jagħmlu r-rieda tiegħu,’ u hu jonorahom billi jsejħilhom ‘uliedu.’ Huma parti mill-familja universali taʼ Ġeħova.—Salm 103:20-22; Ġob 38:7.
4. Il-familja universali t’Alla kif saret tinkludi lill-bnedmin?
4 Wara li ħalaq is-smewwiet u l-art fiżiċi, Ġeħova kabbar il-familja universali tiegħu. Wara li pprepara l-art bħala dar sabiħa, hu ħalaq lill-ewwel raġel, Adam, fix-xbieha Tiegħu stess. (Ġen. 1:26-28) Bħala Ħallieq, Ġeħova setaʼ bi dritt jistenna li Adam ikun ubbidjenti. Bħala Missier, Ġeħova istruwixxa bi mħabba u b’qalb tajba. Dawn id-direttivi b’ebda mod ma llimitaw bla bżonn il-libertà tal-bniedem.—Aqra Ġenesi 2:15-17.
5. Alla liema arranġament għamel biex jimla l-art bit-tfal umani tiegħu?
5 Kuntrarju għal bosta slaten umani, Ġeħova jieħu pjaċir jiddelega r-responsabbiltà lis-sudditi tiegħu, u b’hekk jittrattahom bħala membri fdati tal-familja tiegħu. Pereżempju, lil Adam tah l-awtorità fuq ħlejjaq ħajjin oħrajn, u saħansitra inkarigah bix-xogħol pjaċevoli u taʼ sfida li jagħti l-ismijiet lill-annimali. (Ġen. 1:26; 2:19, 20) Alla ma ħalaqx lil miljuni taʼ bnedmin perfetti individwali biex jimla l-art. Minflok, għażel li lil Adam joħloqlu sieħba perfetta li taqbel għal miegħu—Eva. (Ġen. 2:21, 22) Imbagħad ta opportunità lil din il-koppja biex jimlew l-art bit-tfal tagħhom. B’kundizzjonijiet ideali, il-bnedmin setgħu b’mod progressiv jestendu l-Ġnien tal-Għeden sakemm ikopri l-globu kollu. Magħqudin mal-anġli fis-sema, setgħu jqimu għal dejjem lil Ġeħova bħala parti mill-familja universali tiegħu. Xi prospett meraviljuż! U x’turija mill-isbaħ tal-imħabba taʼ Ġeħova bħala Missier!
ULIED RIBELLUŻI JIĊĦDU LIL ALLA BĦALA S-SULTAN TAGĦHOM
6. (a) Ir-ribelljoni fil-familja t’Alla kif bdiet? (b) Ir-ribelljoni għala ma kinitx tfisser li Ġeħova kien tilef il-kontroll?
6 B’sogħba, Adam u Eva ma ridux li Ġeħova jkun is-Sovran tagħhom. Minflok, għażlu li jsegwu lil Satana, iben spirtu ribelluż t’Alla. (Ġen. 3:1-6) Il-ħajja mbiegħda mill-ħakma t’Alla ġabet uġigħ, sofferenza, u mewt għalihom u għal nisilhom. (Ġen. 3:16-19; Rum. 5:12) Alla ma kellux iktar sudditi ubbidjenti fuq l-art. Kien ifisser dan li tilef il-kontroll, li kien ċeda s-sovranità għal fuq l-art u l-abitanti tagħha? Assolutament li le! Hu eżerċita l-awtorità tiegħu billi keċċa lir-raġel u lill-mara ’l barra mill-ġnien tal-Għeden, u biex ma jħallihomx jirritornaw, inkariga lil xi kerubini biex jgħassu d-daħla. (Ġen. 3:23, 24) Fl-istess ħin, Alla wera mħabbtu bħala Missier billi kkonferma li l-iskop tiegħu li jkollu familja universali t’anġli u bnedmin leali kien se jitwettaq. Hu wiegħed li wieħed mid-dixxendenti taʼ Adam kellu jtemm lil Satana u jneħħi l-ħsara li saret bid-dnub taʼ Adam.—Aqra Ġenesi 3:15.
7, 8. (a) Il-kundizzjonijiet kemm kienu saru ħżiena sa żmien Noè? (b) Ġeħova x’għamel biex inaddaf l-art u jipproteġi lill-familja umana?
7 Fis-sekli taʼ wara, xi bnedmin għażlu li jkunu leali lejn Ġeħova. Fosthom kien hemm Abel u Enok. Madankollu, il-maġġoranza tal-bnedmin ċaħdu lil Ġeħova bħala l-Missier u s-Sultan tagħhom. Sa żmien Noè, l-art kienet “imtliet bil-vjolenza.” (Ġen. 6:11) Kien ifisser dan li Ġeħova ma kellux iktar kontroll fuq l-art? Il-Bibbja x’tgħid?
8 Ikkunsidra r-rakkont taʼ Noè. Ġeħova tah pjanijiet u istruzzjonijiet dettaljati biex jibni arka enormi li kellha ssalva lil Noè u lill-familja tiegħu. Ukoll, Alla wera mħabba kbira lejn il-familja umana kollha tiegħu meta inkariga lil Noè biex ikun “predikatur tal-ġustizzja.” (2 Pt. 2:5) Bla dubju, il-messaġġ taʼ Noè kien jinkludi sejħa għall-indiema u twissijiet taʼ qerda imminenti, imma waqaʼ fuq widnejn torox. Għal għaxriet taʼ snin, Noè u l-familja tiegħu għexu f’dinja vjolenti u immorali għall-aħħar. Ġeħova, bħala Missier li jimpurtah, ipproteġa u bierek lil dawk it-tmien erwieħ leali. Meta bagħat Dilluvju globali, Ġeħova neħħa l-bnedmin ribellużi u l-anġli mill-agħar u wera b’mod ċar li kien għadu jikkontrolla.—Ġen. 7:17-24.
Ġeħova dejjem kien u għadu s-Sultan tal-univers (Ara paragrafi 6, 8, 10, 12, 17)
IL-ĦAKMA TAʼ ĠEĦOVA WARA D-DILLUVJU
9. Ġeħova liema opportunità taha lill-umanità wara d-Dilluvju?
9 Hekk kif Noè u l-familja tiegħu għamlu l-ewwel passi fuq l-art imnaddfa u daħħlu fi mnifsejhom l-arja friska, qlubhom ċertament li mtlew bi gratitudni lejn Ġeħova għall-ħarsien u l-protezzjoni tiegħu. Immedjatament, Noè bena artal u offra xi sagrifiċċji biex iqim lil Ġeħova. Alla bierek lil Noè u lill-familja tiegħu u tahom istruzzjonijiet biex ‘inisslu u joktru u jimlew l-art.’ (Ġen. 8:20–9:1) Għal darb’oħra, l-umanità kellha l-opportunità li tingħaqad biex tqim lil Ġeħova u timla l-art.
10. (a) Wara d-Dilluvju, in-nies fejn u kif bdew jirribellaw kontra Ġeħova? (b) Ġeħova liema azzjoni ħa biex ikun ċert li ssir ir-rieda tiegħu?
10 Madankollu, id-Dilluvju ma qeridx l-imperfezzjoni, u l-bnedmin xorta waħda kellhom ikampaw mal-influwenza inviżibbli taʼ Satana u l-anġli ribellużi. In-nies malajr reġgħu bdew jirribellaw kontra l-ħakma kollha mħabba taʼ Ġeħova. Pereżempju, Nimrod, li bużnannuh kien Noè, oppona bil-kbir il-ħakma taʼ Ġeħova. Nimrod jiġi deskritt bħala “li kien kaċċatur setgħan kontra Ġeħova.” Bena bliet kbar, bħal Babel, u ħatar lilu nnifsu bħala sultan “fl-art tas-Sinar.” (Ġen. 10:8-12) Is-Sultan tal-eternità liema azzjoni kien se jieħu kontra dan is-sultan ribelluż u l-isforzi tiegħu biex ifixkel l-iskop t’Alla li ‘jimla l-art’? Alla ħawwad il-lingwa tan-nies, u b’hekk is-sudditi frustrati taʼ Nimrod kellhom jixterdu “fuq il-wiċċ kollu taʼ l-art.” Kull fejn marru ħadu magħhom ir-reliġjon falza u l-mod taʼ ħakma umana tagħhom.—Ġen. 11:1-9.
11. Ġeħova kif wera li kien leali lejn ħabibu Abraham?
11 Avolja ħafna wħud qiemu l-allat foloz wara d-Dilluvju, xi rġiel leali baqgħu jonoraw lil Ġeħova. Wieħed minn dawn kien Abraham, li b’ubbidjenza telaq mill-kumditajiet taʼ Ur, fejn kien jgħix, u għammar fit-tined għal snin sħaħ. (Ġen. 11:31; Ebr. 11:8, 9) Abraham ma fadax fil-protezzjoni li setaʼ jagħtih xi sultan uman jew xi sur taʼ belt. Imma kien Ġeħova li pproteġa lil Abraham u lill-familja tiegħu. Rigward il-protezzjoni taʼ Ġeħova bħala Missier, is-salmista ddikjara: “[Alla] ma ħalla lil ebda bniedem jimbroljahom, imma minħabba fihom hu widdeb lis-slaten.” (Salm 105:13, 14) Il-lealtà taʼ Ġeħova lejn ħabibu Abraham qanqlitu jwiegħdu: “Slaten għad joħorġu minnek.”—Ġen. 17:6; Ġak. 2:23.
12. Ġeħova kif wera s-sovranità tiegħu fuq l-Eġittu, u dan kif effettwa lill-poplu magħżul tiegħu?
12 Alla wiegħed lil Iżakk, bin Abraham, u lil Ġakobb, bin Iżakk, li kien se jberikhom u li d-dixxendenti tagħhom kienu se jsiru slaten. (Ġen. 26:3-5; 35:11) Madankollu, qabel ma saru slaten, id-dixxendenti taʼ Ġakobb saru lsiera fl-Eġittu. Kien ifisser dan li Ġeħova ma kienx se jwettaq il-wegħda tiegħu jew li kien ċeda s-sovranità tiegħu għal fuq l-art? Xejn affattu! Fiż-żmien xieraq tiegħu, Ġeħova wera l-qawwa divina tiegħu u s-sovranità tiegħu fuq il-Fargħun stinat. L-ilsiera Iżraelin poġġew il-fidi tagħhom f’Ġeħova, li ħelishom b’mod grandjuż billi għaddiehom mill-Baħar l-Aħmar. Ovvjament, Ġeħova kien għadu s-Sovran Universali, u bħala Missier li jimpurtah minn uliedu, uża l-qawwa kbira tiegħu biex jipproteġi lill-poplu tiegħu.—Aqra Eżodu 14:13, 14.
ĠEĦOVA JSIR SULTAN GĦAL IŻRAEL
13, 14. (a) L-Iżraelin x’qalu dwar il-ħakma taʼ Ġeħova permezz taʼ għanja? (b) Alla x’wiegħdu lil David?
13 Immedjatament wara l-ħelsien mirakoluż tagħhom mill-Eġittu, l-Iżraelin kantaw għanja taʼ rebħa biex ifaħħru lil Ġeħova. Din l-għanja, dokumentata f’Eżodu kapitlu 15, tinkludi din id-dikjarazzjoni fil-vers 18: “Ġeħova se jaħkem bħala sultan għal żmien indefinit, iva, għal dejjem.” Tabilħaqq, Ġeħova sar Sultan fuq il-ġens il-ġdid. (Dt. 33:5) Madankollu, in-nies ma kinux kuntenti li jkollhom lil Ġeħova bħala l-Ħakkiem inviżibbli tagħhom. Xi 400 sena wara li telqu mill-Eġittu, huma talbu lil Alla biex jagħtihom sultan uman, bħalma kellhom il-ġirien pagani tagħhom. (1 Sam. 8:5) Minkejja dan, Ġeħova kien għadu Sultan, fatt li deher matul ir-renju taʼ David, it-tieni sultan uman taʼ Iżrael.
14 David ħa l-arka sagra tal-patt lejn Ġerusalemm. Matul din l-okkażjoni ferriħija, il-Leviti kantaw għanja taʼ tifħir li kien fiha stqarrija importanti, dokumentata fl-1 Kronaki 16:31: “Ħa jgħidu fost il-ġnus, ‘Ġeħova sar sultan!’” Wieħed għandu mnejn jaħseb, ‘Ladarba Ġeħova hu s-Sultan tal-eternità, kif jistaʼ jkun li sar Sultan dak iż-żmien?’ Ġeħova jsir Sultan meta juża l-awtorità tiegħu jew jinkariga lil xi ħadd biex jirrappreżentah. Li nifhmu kif Ġeħova jsir Sultan hu importanti ferm. Qabel ma miet David, Ġeħova wiegħdu li l-ħakma tiegħu kienet se tkompli għal żmien indefinit: “Jien inqajjem nislek warajk, li joħroġ mill-ġewwieni tiegħek; u tabilħaqq nistabbilixxi fis-sod is-saltna tiegħu.” (2 Sam. 7:12, 13) Din il-wegħda seħħet meta n-‘nisel,’ jew l-iben, taʼ David deher iktar minn 1,000 sena wara. Min kien, u meta sar Sultan?
ĠEĦOVA JAĦTAR SULTAN ĠDID
15, 16. Ġesù meta ġie midluk bħala s-Sultan futur, u waqt li kien fuq l-art, x’arranġamenti għamel għall-ħakma tiegħu?
15 Fis-sena 29 EK, Ġwanni l-Għammied beda jipprietka li kienet “qorbot is-saltna tas-smewwiet.” (Mt. 3:2) Meta Ġesù tgħammed minn Ġwanni, Ġeħova dilek lil Ġesù bħala l-Messija mwiegħed u s-Sultan futur tas-Saltna t’Alla. Ġeħova esprima affezzjoni bħal taʼ missier lejn Ġesù bil-kliem: “Dan hu Ibni, il-maħbub, li lilu jien approvajt.”—Mt. 3:17.
16 Matul il-ministeru tiegħu, Ġesù gglorifika lil Missieru. (Ġw. 17:4) Dan għamlu billi pprietka dwar is-Saltna t’Alla. (Lq. 4:43) Hu saħansitra għallem lis-segwaċi tiegħu biex jitolbu ħalli tiġi din is-Saltna. (Mt. 6:10) Bħala dak li kellu jkun Sultan, Ġesù setaʼ jgħid lil dawk li kienu jopponuh: “Is-saltna t’Alla qiegħda f’nofskom.” (Lq. 17:21) Iktar tard, fil-lejla qabel ma miet, Ġesù kkonkluda ‘patt għal saltna’ mas-segwaċi tiegħu. B’hekk, hu ta lil xi wħud mid-dixxipli leali tiegħu l-prospett li jissieħbu miegħu bħala slaten fis-Saltna t’Alla.—Aqra Luqa 22:28-30.
17. Ġesù b’liema mod limitat beda jeżerċita l-ħakma tiegħu fl-ewwel seklu, imma għal xiex kellu jistenna?
17 Ġesù meta kellu jibda jaħkem bħala Sultan tas-Saltna t’Alla? Ma setax jagħmel dan mill-ewwel. L-għada stess, waranofsinhar, Ġesù nqatel u s-segwaċi tiegħu xterdu. (Ġw. 16:32) Madankollu, bħalma għamel fl-imgħoddi, Ġeħova baqaʼ jikkontrolla. Fit-tielet jum, irxoxta lil Ibnu, u dakinhar taʼ Pentekoste tas-sena 33 EK, Ġesù stabbilixxa saltna spiritwali fuq il-kongregazzjoni Kristjana taʼ ħutu l-midlukin. (Kol. 1:13) Xorta waħda, Ġesù, bħala n-‘nisel’ imwiegħed, kellu jistenna biex jikseb kontroll sħiħ tal-art bħala sultan. Ġeħova qal lil Ibnu: “Oqgħod bil-qiegħda fuq il-lemin tiegħi sakemm inqiegħed l-għedewwa tiegħek bħala banketta għal saqajk.”—Salm 110:1.
QIM LIS-SULTAN TAL-ETERNITÀ
18, 19. X’niġu mqanqlin biex nagħmlu, u x’se nitgħallmu fl-artiklu li jmiss?
18 Għal millennji sħaħ, il-ħakma taʼ Ġeħova ġiet sfidata fis-sema u fuq l-art. Ġeħova qatt ma ċeda s-sovranità tiegħu; hu baqaʼ jikkontrolla. Bħala Missier kollu mħabba, hu ħa ħsieb sudditi leali bħal Noè, Abraham, u David u pproteġiehom. Ma jqanqalniex dan biex inkunu sottomessi lejn is-Sultan tagħna u biex nersqu eqreb lejh?
19 Imma issa forsi nistaqsu: Ġeħova kif sar Sultan fi żmienna? Kif nistgħu nuru li aħna sudditi leali tas-Saltna taʼ Ġeħova u nsiru wlied perfetti fil-familja universali tiegħu? Xi jfisser meta nitolbu biex tiġi s-Saltna t’Alla? Dawn il-mistoqsijiet se jitwieġbu fl-artiklu li jmiss.