LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w14 4/1 pp. 14-15
  • Thomas Emlyn—Midgħi jew difensur tal-verità?

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Thomas Emlyn—Midgħi jew difensur tal-verità?
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2014
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • MIN KIEN?
  • GĦALA KIEN MIXLI LI DAGĦA?
  • GĦALA ĊAĦAD IT-​TRINITÀ?
  • X’NISTGĦU NITGĦALLMU?
  • William Whiston
    Stenbaħ!—2014
  • Hija b’Mod Ċar Tagħlim tal-Bibbja?
    Għandek Int Temmen fit-Trinità?
  • Min Hu “l-Uniku Alla Veru”?
    Stenbaħ!—2005
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2014
w14 4/1 pp. 14-15
[Stampa f’paġna 14]

Thomas Emlyn—Midgħi jew difensur tal-​verità?

MIN kien Thomas Emlyn, u x’qanqlu jiddefendi l-​verità? X’nistgħu nitgħallmu minnu li jistaʼ jgħinna llum?

Biex inwieġbu dawn il-​mistoqsijiet, irridu mmorru lura lejn l-​aħħar tas-​seklu 17 u l-​bidu tas-​seklu 18 fl-​Ingilterra u l-​Irlanda. Iċ-​Church of England dak iż-​żmien kellha awtorità mhux ħażin. Diversi gruppi u individwi Protestanti ma kinux jaqblu mal-​knisja.

MIN KIEN?

Kien f’dan l-​ambjent li twieled Thomas Emlyn fis-​27 taʼ Mejju 1663, fi Stamford, Lincolnshire, l-​Ingilterra. Taʼ 19-​il sena ta l-​ewwel prietka tiegħu. Iktar tard kien qassis għal kontessa li kienet tgħix Londra; u jerġaʼ iktar tard, mar jgħix Belfast, l-​Irlanda.

F’Belfast eventwalment beda jqaddes fi knisja taʼ parroċċa. Maż-​żmien, Emlyn qeda bħala qassis f’diversi postijiet, fosthom Dublin.

GĦALA KIEN MIXLI LI DAGĦA?

Dak iż-​żmien, Emlyn kien qed jistudja l-​Bibbja bir-​reqqa. L-​istudji tiegħu ġegħluh jiddubita t-​Trinità, għalkemm oriġinalment kien jemmen fiha. Waqt li kien qed jistudja l-​Evanġelji, hu kkonvinċa ruħu li dawn appoġġaw il-​fehma aħjar tiegħu.

Emlyn ma qalx dak li sab mill-​ewwel. Madankollu, uħud li kienu jattendu l-​knisja fejn kien iqaddes f’Dublin innotaw li ma kienx jirreferi għat-​Trinità fil-​prietki tiegħu. Peress li kien jaf li dak li sab ma kienx se jintlaqaʼ tajjeb minn oħrajn, hu kiteb: “M’għandix tama li nkompli fl-​inkarigu li għandi ladarba nkun tajt l-​opinjoni tiegħi.” F’Ġunju tal-​1702, żewġ kollegi kkonfrontawh dwar il-​fatt li ma kienx isemmi t-​Trinità fil-​prietki tiegħu. Emlyn stqarr li ma kienx għadu jemmen fiha u offra li jirriżenja.

Il-​pubblikazzjoni taʼ Thomas Emlyn, “An Humble Inquiry Into the Scripture-​Account of Jesus Christ”

Il-​pubblikazzjoni taʼ Emlyn li ppreżentat provi Skritturali għala Ġesù ma jistax ikun Alla s-​Suprem

Fi ftit jiem, hu telaq minn Dublin, l-​Irlanda, għall-​Ingilterra. Però, irritorna Dublin wara għaxar ġimgħat biex jissetilja xi affarijiet, bit-​tir li jmur jgħix Londra għalkollox. Waqt li kien hemm, bl-​iskop li jiddefendi l-​opinjonijiet tiegħu, hu ppubblika An Humble Inquiry Into the Scripture-​Account of Jesus Christ. F’din il-​pubblikazzjoni ta provi ċari Skritturali għala Ġesù ma setax ikun Alla s-​Suprem. Dan irrabja lill-​membri tal-​kongregazzjoni li kien fiha qabel Emlyn f’Dublin. Sar ilment formali.

Emlyn ġie arrestat u ttellaʼ l-​qorti f’Dublin fl-​14 taʼ Ġunju 1703. Fi True Narrative of the Proceedings, Emlyn jgħid li hu ġie mixli ‘għall-​kitba u l-​pubblikazzjoni taʼ ktieb, li jgħid, li jien kont dgħajt u insistejt b’malizzja, eċċ. li Ġesù Kristu ma kienx ugwali maʼ Alla l-​Missier.’ Il-​ġuri kien farsa. Sebaʼ isqfijiet taċ-​Church of Ireland kienu bilqiegħda fuq il-​bank mal-​imħallfin. Emlyn ma tħalliex jiddefendi ruħu. Richard Levins, avukat magħruf qal lil Emlyn li hu kien se jiġi kkaċċjat “bħal lupu.” Fi tmiem il-​ġuri, Richard Pyne, il-​Prim Imħallef tal-​Irlanda, qal lill-​ġurija li jekk ma tasalx għall-​verdett mistenni, “l-​isqfijiet kienu hemm preżenti,” forsi biex juri li l-​ġurija kienet se tiġi kkastigata kif jixraq.

‘Jien lest insofri għal dak li nemmen li hu l-​verità dwar Alla u l-​glorja tiegħu.’—Thomas Emlyn

Meta Emlyn instab ħati, l-​avukat ġenerali ssuġġerielu jirtira dak li qal. Emlyn irrifjuta. Ġie mmultat u kkundannat sena l-​ħabs. Minħabba li ma setax iħallas il-​multa, hu baqaʼ sentejn il-​ħabs sakemm ħabib ikkonvinċa lill-​awtoritajiet inaqqsu l-​multa. Emlyn inħeles fil-​21 taʼ Lulju 1705. L-​umiljazzjoni li sofra wasslitu biex jiddikjara, kif ikkwotat qabel: ‘Jien lest insofri għal dak li nemmen li hu l-​verità dwar Alla u l-​glorja tiegħu.’

Emlyn mar jgħix Londra, fejn eventwalment assoċja maʼ William Whiston, studjuż ieħor tal-​Bibbja li kien ġie mwarrab mis-​soċjetà minħabba li ppubblika dak li hu ħass li kien il-​verità tal-​Bibbja. Whiston irrispetta lil Emlyn u sejjaħlu ‘l-​ewwel wieħed li bla biżaʼ stqarr u żamm il-​fidi tal-​kristjanità antika.’

GĦALA ĊAĦAD IT-​TRINITÀ?

Bħal William Whiston u studjuż rispettat ieħor, Isaac Newton, Emlyn sab li l-​Bibbja ma tappoġġax id-​duttrina tat-​Trinità kif tidher fil-​Kredu Atanasjan. Hu spjega: “Wara ħafna ħsieb fil-​fond, u studju tal-​Iskrittura mqaddsa, . . . sibt raġuni tajba . . . biex inbiddel fehmti dwar it-​Trinità.” Hu kkonkluda li “Alla u Missier Ġesù Kristu hu waħdu l-​Esseri Suprem.”

X’wassal lil Emlyn għal dik il-​konklużjoni? Hu sab ħafna skritturi li juru d-​differenzi bejn Ġesù u Missieru. Dawn huma biss ftit eżempji (il-​kummenti taʼ Emlyn dwar l-​iskritturi jidhru bil-​korsiv):

  • Ġwanni 17:3: “Kristu qatt ma jintqal li hu . . . Alla . . . , bħallikieku hu l-​uniku Alla.” Il-​Missier biss jissejjaħ “l-​uniku Alla veru.”

  • Ġwanni 5:30: “L-​Iben ma jagħmilx ir-​rieda tiegħu, imma r-​rieda tal-​Missier.”

  • Ġwanni 5:26: “Ħajtu tingħatalu mill-​Missier.”

  • Efesin 1:3: “Filwaqt li Ġesù Kristu għandu l-​pożizzjoni tal-​Iben t’Alla, qatt ma nsibu lill-​Missier fil-​pożizzjoni tal-​Missier t’Alla, għalkemm spiss jissejjaħ Missier il-​Mulej tagħna Ġesù.”

Wara li Emlyn ikkunsidra l-​evidenza kollha kkonkluda li m’hemmx silta waħda fl-​Iskrittura Mqaddsa li tistaʼ tintuża biex tagħti prova li l-​Missier, l-​Iben, u l-​Ispirtu s-​Santu huma l-​istess individwu.

X’NISTGĦU NITGĦALLMU?

Ħafna llum iżommu lura milli jiddefendu dak li tgħallem l-​Iskrittura. Imma Emlyn kien lest li jaqbeż għall-​verità Biblika. Hu qajjem il-​mistoqsija, “Jekk bniedem ma jemminx l-​iktar veritajiet importanti li jinsabu ċar u tond fl-​Iskrittura mqaddsa, għala għandu jaqraha u jfittixhom?” Emlyn ma kienx se jikkomprometti l-​verità.

L-​eżempju li taw Emlyn u oħrajn jistaʼ jqanqalna nikkunsidraw jekk aħniex lesti niddefendu l-​verità meta nitwaqqgħu għaċ-​ċajt minħabba t-​twemmin tagħna. Aħna wkoll nistgħu nistaqsu lilna nfusna, ‘X’inhu l-​iktar importanti—l-​unur u l-​barka tan-​nies taʼ madwarna jew li niddefendu l-​verità tal-​Kelma t’Alla?’

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja