LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w14 6/15 pp. 17-21
  • “Ħobb lill-proxxmu tiegħek bħalek innifsek”

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • “Ħobb lill-proxxmu tiegħek bħalek innifsek”
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2014
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • XI JFISSER LI NĦOBBU LILL-​PROXXMU TAGĦNA?
  • KIF NISTGĦU NURU LI NĦOBBU LILL-​PROXXMU TAGĦNA
  • L-​AQWA MOD KIF NURU L-​IMĦABBA
  • KIF PAWLU DDESKRIVA L-​IMĦABBA
  • IBQAʼ ĦOBB LILL-​PROXXMU TIEGĦEK BĦALEK INNIFSEK
  • Xi Jfisser li Nħobbu lill-Proxxmu
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2006
  • ‘Tħobb lill-proxxmu tiegħek bħalek innifsek’?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2015
  • Kemm Hija Kbira u Mifruxa Mħabbtek?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2001
  • “In-Nies Kollha Qatt Se Jħobbu Lil Xulxin?”
    Il-Ministeru tas-Saltna—1997
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2014
w14 6/15 pp. 17-21
Is-Samaritan it-tajjeb qed jieħu lil raġel ferut f’lukanda

“Ħobb lill-​proxxmu tiegħek bħalek innifsek”

“It-​tieni [kmandament] hu dan, ‘Ħobb lill-​proxxmu tiegħek bħalek innifsek.’”—MT. 22:39.

INT KIF TWIEĠEB?

  • Min hu tassew il-​proxxmu tagħna?

  • Għala għandna nħobbu lill-​proxxmu tagħna, u kif nistgħu nagħmlu dan?

  • X’inhuma xi aspetti tal-​imħabba msemmijin fl-​1 Korintin 13:4-​8?

1, 2. (a) Ġesù x’qal li kien it-​tieni l-​akbar kmandament? (b) Liema mistoqsijiet se nikkunsidraw?

BIEX jittestja lil Ġesù, Fariżew darba staqsieh: “Għalliem, liema hu l-​akbar kmandament fil-​Liġi?” Bħalma rajna fl-​artiklu taʼ qabel, Ġesù wieġeb li “l-​akbar u l-​ewwel kmandament” hu: “Ħobb lil Ġeħova Alla tiegħek b’qalbek kollha u b’ruħek kollha u b’moħħok kollu.” Ġesù żied jgħid: “It-​tieni jixbhu u hu dan, ‘Ħobb lill-​proxxmu tiegħek bħalek innifsek.’”—Mt. 22:34-​39.

2 Ġesù qal li għandna nħobbu lill-​proxxmu tagħna bħalna nfusna. B’hekk, nagħmlu tajjeb li nistaqsu: Min hu tassew il-​proxxmu tagħna? U kif nistgħu nuru mħabba lejh?

XI JFISSER LI NĦOBBU LILL-​PROXXMU TAGĦNA?

3, 4. (a) Ġesù liema tixbiha uża biex juri xi jfisser li nħobbu lill-​proxxmu tagħna? (b) Ir-​raġel Samaritan kif għen lir-​raġel li kien ġie misruq, imsawwat, u tħalla nofsu mejjet? (Ara l-​ewwel stampa.)

3 Meta raġel staqsa lil Ġesù: “Min tassew hu l-​proxxmu tiegħi?” Ġesù wieġbu billi uża t-​tixbiha tas-​Samaritan u spjega xi jfisser li tħobb lil oħrajn. (Aqra Luqa 10:29-​37.) Raġel Lhudi kien ġie misruq, imsawwat, u tħalla nofsu mejjet. Qassis Iżraeli u Levita, li suppost qiesu lil dan ir-​raġel bħala l-​proxxmu tagħhom, rawh imma m’għenuhx. Minflok, kien wieħed Samaritan li għenu. F’dak iż-​żmien, il-​biċċa l-​kbira tal-​Lhud u s-​Samaritani kienu jobogħdu lil xulxin.—Ġw. 4:9.

4 Ir-​raġel Samaritan ferraʼ ż-​żejt u l-​inbid fuq il-​ġrieħi tar-​raġel ferut biex jgħinu jfiq. Iż-​żewġ dinari li ħalla maʼ tal-​lukanda biex jieħu ħsieb ir-​raġel kienu jammontaw għal madwar jumejn paga. (Mt. 20:2) Allura huwa faċli naraw min kien tassew il-​proxxmu tar-​raġel ferut. It-​tixbiha taʼ Ġesù żgur li tgħallimna kif nagħdru u nħobbu lill-​proxxmu tagħna.

Ix-Xhieda taʼ Ġeħova qed jipprovdu għajnuna fi żmien taʼ diżastru

Il-​qaddejja taʼ Ġeħova juru mħabba lejn il-​proxxmu tagħhom bla dewmien (Ara paragrafu 5)

5. Ix-​Xhieda taʼ Ġeħova kif urew l-​imħabba lejn il-​proxxmu tagħhom wara l-​Uragan Sandy?

5 Spiss hu diffiċli biex issib nies li juru mogħdrija bħas-​Samaritan it-​tajjeb. Dan hu minnu speċjalment f’dawn “l-​aħħar jiem” kritiċi fejn bosta nies m’għandhomx imħabba naturali, huma feroċi, u mingħajr imħabba għat-​tajjeb. (2 Tim. 3:1-​3) Pereżempju, għandhom mnejn jiżviluppaw sitwazzjonijiet kritiċi matul diżastru naturali. Ikkunsidra x’ġara meta l-​Uragan Sandy laqat il-​belt taʼ New York f’Ottubru tal-​2012. F’parti tal-​belt li ġiet milquta sew, ħallelin serqu lil xi residenti li kienu diġà qed ibatu minħabba li ma kellhomx elettriku, mezz biex isaħħnu, u bżonnijiet oħrajn. Imma x-​Xhieda taʼ Ġeħova kienu differenti. Huma għamlu arranġamenti biex jgħinu lil ħuthom u lil oħrajn f’dak il-​post għax Kristjani veri jħobbu lill-​proxxmu tagħhom. X’inhuma xi modi oħrajn kif nuru li nħobbu lill-​proxxmu tagħna?

KIF NISTGĦU NURU LI NĦOBBU LILL-​PROXXMU TAGĦNA

6. Liema għajnuna mill-​Bibbja nistgħu noffru lill-​proxxmu tagħna?

6 Offri lin-​nies għajnuna mill-​Bibbja. Fix-​xogħol tagħna tal-​ippritkar, lill-​proxxmu tagħna nagħtuh “faraġ mill-​Iskrittura.” (Rum. 15:4) Nuruh imħabba meta nużaw il-​Bibbja biex ngħidulu dwar l-​aħbar tajba tas-​Saltna t’Alla. (Mt. 24:14) Xi privileġġ għandna li nxandru l-​messaġġ tas-​Saltna li ġej mingħand “l-​Alla li jagħti t-​tama”!—Rum. 15:13.

7. X’inhi r-​Regola tad-​Deheb, u x’jiġri meta nsegwuha?

7 Segwi r-​Regola tad-​Deheb. Ġesù spjega x’inhi r-​Regola tad-​Deheb meta qal: “Għalhekk, kulma tridu li l-​bnedmin jagħmlulkom, intom tridu tagħmluh lilhom ukoll; fil-​fatt, dan ifissru l-​Liġi u l-​Profeti.” (Mt. 7:12) “Il-​Liġi” tirreferi għall-​kotba minn Ġenesi sa Dewteronomju, u “l-​Profeti” jirreferu għall-​kotba profetiċi tal-​Iskrittura Ebrajka. Ġeħova ta lill-​poplu tiegħu “l-​Liġi” u “l-​Profeti” għax kien iħobbhom u riedhom iħobbu lil xulxin. Anki llum, Ġeħova jistenna minna li nħobbu lill-​proxxmu tagħna. F’​Isaija, Ġeħova qal: “Ħarsu l-​ġustizzja, u agħmlu dak li hu sewwa . . . Hieni l-​bniedem mortali li jagħmel dan.” (Is. 56:1, 2) Jekk nuru mħabba lejn il-​proxxmu tagħna u nsegwu r-​Regola tad-​Deheb, se niġu mberkin.

8. Għala għandna nħobbu lill-​għedewwa tagħna, u x’jistaʼ jiġri jekk nagħmlu hekk?

8 Ħobb lill-​għedewwa tiegħek. “Smajtu li ntqal, ‘Ħobb lill-​proxxmu tiegħek u obgħod lill-​għadu tiegħek,’” qal Ġesù. “Madankollu, jien ngħidilkom: Komplu ħobbu lill-​għedewwa tagħkom u itolbu għal dawk li qed jippersegwitawkom; sabiex turu li intom ulied Missierkom li hu fis-​smewwiet.” (Mt. 5:43-​45) L-​appostlu Pawlu ta parir simili meta kiteb: “Jekk l-​għadu tiegħek hu bil-​ġuħ, itimgħu; jekk hu bil-​għatx, agħtih jixrob.” (Rum. 12:20; Prov. 25:21) Skont il-​Liġi Mosajka, individwu kellu jgħin lill-​għadu tiegħu u saħansitra l-​annimali tal-​għadu tiegħu. (Eżo. 23:5) Billi japplikaw dan il-​parir, dawk li qabel kienu għedewwa jistgħu jsiru ħbieb tal-​qalb. Peress li l-​Kristjani juru mħabba, ħafna mill-​għedewwa tagħna rattbu qalbhom. Jekk nuru mħabba lejn l-​għedewwa tagħna—saħansitra lejn persekuturi ħorox—kemm inkunu ferħanin jekk xi wħud minnhom iħaddnu l-​Kristjanità vera!

9. Ġesù x’qal dwar li nagħmlu paċi maʼ ħutna?

9 ‘Fittex li tkun fil-​paċi man-​nies kollha.ʼ (Ebr. 12:14) Naturalment, dan jinkludi lil ħutna, għax Ġesù qal: “Jekk waqt li tkun qed iġġib l-​għotja tiegħek lejn l-​artal tiftakar li ħuk għandu xi ħaġa kontrik, itlaq l-​għotja tiegħek hemmhekk quddiem l-​artal, u mur l-​ewwel agħmel paċi maʼ ħuk, u mbagħad, meta tkun ġejt lura, offri l-​għotja tiegħek.” (Mt. 5:23, 24) Alla jberikna meta nuru mħabba lejn ħutna u mingħajr telf taʼ żmien nipprovaw nagħmlu paċi magħhom.

10. Għala m’għandniex niġġudikaw lil oħrajn?

10 Tiġġudikax lil oħrajn. “Tibqgħux tiġġudikaw biex ma tiġux ġudikati,” qal Ġesù, “għax bl-​istess ġudizzju li tiġġudikaw, tiġu ġudikati; u bil-​kejl li tkejlu, ikejlulkom. Għala, mela, tħares lejn it-​tibna f’għajn ħuk, imma ma tqisx it-​travu li għandek f’għajnek? Jew kif tistaʼ tgħid lil ħuk, ‘Ħallini nneħħilek it-​tibna minn għajnek’; meta, ara, int għandek travu f’għajnek? Ipokrita! L-​ewwel neħħi t-​travu minn għajnek, u mbagħad tara ċar kif tneħħi t-​tibna minn għajn ħuk.” (Mt. 7:1-​5) Minn dan nitgħallmu li m’għandniex nikkritikaw lil oħrajn meta jiżbaljaw għax aħna stess nagħmlu ħafna żbalji.

L-​AQWA MOD KIF NURU L-​IMĦABBA

11, 12. X’inhu mod importanti kif nuru mħabba lejn il-​proxxmu tagħna?

11 Hemm ħafna modi kif nuru mħabba lejn il-​proxxmu tagħna. Imma Ġesù għallimna li l-​aqwa mod kif nagħmlu hekk hu billi nippritkaw l-​aħbar tajba tas-​Saltna. (Lq. 8:1) Ġesù inkariga lis-​segwaċi tiegħu biex ‘jagħmlu dixxipli min-​nies tal-​ġnus kollha.’ (Mt. 28:19, 20) Billi nieħdu sehem f’li nwettqu dan l-​inkarigu, aħna nipprovaw ngħinu lill-​proxxmu tagħna biex joħroġ mit-​triq wiesgħa u spazjuża li twassal għall-​qerda u jaqbad it-​triq imħarbta li twassal għall-​ħajja. (Mt. 7:13, 14) Ġeħova żgur li jbierek sforzi bħal dawn.

12 Ġesù għen lil ħafna nies jifhmu li kellhom bżonn lil Ġeħova. (Mt. 5:3) Aħna nimitaw lil Ġesù meta ngħidu lin-​nies dwar “l-​aħbar tajba t’Alla.” (Rum. 1:1) Ngħallmuhom li s-​sagrifiċċju taʼ Ġesù jagħmilha possibbli li jkollhom l-​approvazzjoni u l-​ħbiberija taʼ Ġeħova. (2 Kor. 5:18, 19) Li nippritkaw l-​aħbar tajba hu mod verament importanti kif nuru mħabba lejn il-​proxxmu tagħna.

13. Int kif tħossok meta tgħallem lin-​nies dwar Ġeħova?

13 Permezz taʼ żjajjar lura u studji tal-​Bibbja effettivi, aħna għandna s-​sodisfazzjon li ngħinu lin-​nies iġibu ħajjithom fi qbil mal-​livelli ġusti t’Alla. Dan għandu mnejn jirrikjedi bidla mhux ħażin fil-​ħajja tal-​istudent tal-​Bibbja. (1 Kor. 6:9-​11) Tabilħaqq, kemm iġibilna ferħ meta naraw kif Alla jgħin lil dawk li għandhom “attitudni xierqa lejn il-​ħajja taʼ dejjem” biex jagħmlu l-​bidliet meħtieġa u jkollhom relazzjoni mill-​qrib miegħu. (Atti 13:48) Meta jistudjaw il-​Bibbja, nies li kienu bla tama jsiru ferħanin. Minflok ma jibqgħu ansjużi, huma jibdew jafdaw f’Ġeħova. Huwa unur li nuru mħabba lejn il-​proxxmu tagħna permezz taʼ dan ix-​xogħol speċjali.

KIF PAWLU DDESKRIVA L-​IMĦABBA

14. Pawlu kif iddeskriva l-​imħabba fl-​1 Korintin 13:4-​8?

14 Jekk inħobbu lill-​proxxmu tagħna bil-​mod kif qal Pawlu, se nogħġbu lil Ġeħova, ikollna inqas problemi, u nkunu ferħanin. (Aqra l-​1 Korintin 13:4-​8.) Ejja nirrivedu fil-​qosor dak li qal Pawlu dwar l-​imħabba u naraw modi oħrajn kif nistgħu nħobbu lill-​proxxmu tagħna bħalna nfusna.

15. (a) Għala għandna nkunu paċenzjużi u qalbna tajba? (b) Għala m’għandniex inkunu għajjurin jew kburin?

15 “L-​imħabba tistabar fit-​tul u qalbha tajba.” Sewwasew bħalma Alla wera paċenzja u qalb tajba mal-​bnedmin imperfetti, hemm bżonn li aħna wkoll inkunu paċenzjużi u qalbna tajba meta oħrajn jiżbaljaw jew jagħmlu xi ħaġa bla ħsieb, jew saħansitra ma jurux rispett. “L-​imħabba ma tgħirx,” u għalhekk l-​imħabba vera mhux se tħallina nixxennqu għall-​affarijiet taʼ xi ħadd jew għall-​privileġġi tiegħu fil-​kongregazzjoni. Iktar minn hekk, jekk inħobbu, la se nitkabbru u lanqas se niftaħru bina nfusna. Wara kollox, il-​Bibbja tgħidilna li Ġeħova jobgħod lil dawk li għandhom “għajnejn suppervi u qalb arroganti.”—Prov. 21:4.

16, 17. Kif nistgħu naġixxu fi qbil mal-​1 Korintin 13:5, 6?

16 L-​imħabba mhux se tħallina nġibu ruħna b’mod indeċenti mal-​proxxmu tagħna. La se nigdbulu, la se nisirquh, u lanqas se nagħmlu xi ħaġa oħra li tmur kontra l-​liġijiet u l-​prinċipji taʼ Ġeħova. L-​imħabba se tgħinna wkoll nuru tħassib għal oħrajn minflok ma nfittxu biss l-​interessi persunali tagħna.—Flp. 2:4.

17 L-​imħabba vera “ma tiġix provokata” faċilment u “ma żżommx kont tal-​ħsara,” bħallikieku nieħdu nota taʼ kull darba li individwu jirfsilna l-​kallu. (1 Tess. 5:15) Jekk inżommu f’qalbna, nistgħu tant nitbaqbqu li nispiċċaw inweġġgħu lilna nfusna u lil oħrajn. (Lev. 19:18) Minflok, għandna naħfru u ninsew. L-​imħabba “ma tithenniex bl-​inġustizzja.” Jekk xi ħadd li jobgħodna jiġi trattat b’mod inġust, ma niħdux pjaċir narawh ibati.—Aqra Proverbji 24:17, 18.

18. X’nitgħallmu dwar l-​imħabba mill-​1 Korintin 13:7, 8?

18 Ikkunsidra kif Pawlu kompla jfisser l-​imħabba. Hu qal li l-​imħabba “kollox tiflaħ.” Jekk xi ħadd joffendina imma jitlobna maħfra, l-​imħabba tqanqalna naħfrulu. Pawlu qal ukoll li l-​imħabba “kollox temmen.” Aħna nemmnu dak li naqraw fil-​Bibbja u grati li niġu mgħallmin mill-​organizzazzjoni taʼ Ġeħova. L-​imħabba “kollox tittama.” Għandna t-​tama għax nafdaw f’dak kollu li Ġeħova wegħedna. U għax inħobbu lin-​nies, se nagħmlu l-​almu tagħna biex ngħidulhom dwar it-​tama li għandna. (1 Pt. 3:15) Meta niffaċċjaw sitwazzjonijiet diffiċli ħafna, aħna nitolbu u nittamaw li jgħaddi kollox b’wiċċ il-​ġid. Anki jekk xi ħadd jidneb kontrina jew jippersegwitana, aħna nissaportu. Bħalma qal Pawlu, l-​imħabba “kollox tissaporti.” Qal ukoll: “L-​imħabba ma tbatti qatt.” Dawk li jobdu lil Ġeħova se jħobbu lill-​proxxmu tagħhom għal dejjem.

IBQAʼ ĦOBB LILL-​PROXXMU TIEGĦEK BĦALEK INNIFSEK

19, 20. Liema skritturi jgħallmuna li għandna nibqgħu nħobbu lill-​proxxmu tagħna?

19 Jekk napplikaw il-​parir tal-​Bibbja, dejjem se nħobbu lill-​proxxmu tagħna bħalna nfusna. (Mt. 22:39) Kemm Alla kif ukoll Ġesù jistennew li nagħmlu dan. Għandna nħobbu lin-​nies kollha, hi x’inhi l-​kultura u n-​nazzjonalità tagħhom. Kull meta jkun diffiċli li nuru mħabba mal-​proxxmu tagħna, ejja nitolbu lil Alla biex jagħtina l-​ispirtu qaddis tiegħu. Nafu li dan se jogħġob lil Ġeħova, u hu se jgħinna.—Rum. 8:26, 27.

20 Il-​kmand biex inħobbu lill-​proxxmu tagħna bħalna nfusna hu msejjaħ “il-​liġi nobbli.” (Ġak. 2:8) Wara li rrefera għal xi kmandamenti tal-​Liġi Mosajka, Pawlu qal: “Kwalunkwe kmandament ieħor, jinġabar f’dan il-​kliem, jiġifieri, ‘Ħobb lill-​proxxmu tiegħek bħalek innifsek.’ L-​imħabba ma tagħmilx ħsara lill-​proxxmu; għalhekk, l-​imħabba hi t-​twettiq tal-​liġi.” (Rum. 13:8-​10) B’hekk, jeħtieġ li nibqgħu nuru mħabba lejn il-​proxxmu tagħna.

21, 22. Għala għandna nħobbu lil Alla u l-​proxxmu tagħna?

21 Hekk kif nimmeditaw fuq għala għandna nuru mħabba lejn il-​proxxmu tagħna, nagħmlu tajjeb li nirriflettu fuq l-​istqarrija taʼ Ġesù li Missieru “jtellaʼ x-​xemx tiegħu fuq il-​ħżiena u fuq it-​tajbin u jniżżel ix-​xita fuq in-​nies sewwa u fuq dawk li m’humiex.” (Mt. 5:43-​45) Jeħtieġ li nħobbu lill-​proxxmu tagħna, kemm jekk hu bniedem sewwa u kemm jekk mhuwiex. Bħalma rajna qabel, mod importanti kif nuru mħabba bħal din hu billi naqsmu l-​messaġġ tas-​Saltna miegħu. U jekk dak li jkun japplika dak li jitgħallem mill-​Bibbja, jistaʼ jesperjenza l-​ferħ taʼ li jkun il-​ħabib t’Alla.

22 Għandna bosta raġunijiet biex inħobbu lil Ġeħova b’qalbna, b’ruħna, u b’moħħna kollu. Hemm ukoll ħafna modi kif nuru li nħobbu lill-​proxxmu tagħna. Billi nuru mħabba lejn Alla u l-​proxxmu tagħna, inkunu qed nuru rispett għal dak li qal Ġesù dwar dawn il-​kwistjonijiet vitali. Fuq kollox, inkunu qed nogħġbu lil Missierna kollu mħabba, Ġeħova.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja