LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w15 7/1 pp. 6-7
  • Ansjetà dwar il-familja

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Ansjetà dwar il-familja
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2015
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • XI JFISSER VERAMENT LI JKOLLOK IL-​FIDI
  • Ansjetajiet kullimkien!
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2015
  • Ansjetà dwar il-periklu
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2015
  • Itfgħu l-​ansjetà kollha tagħkom fuq Ġeħova
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2016
  • Kif nistaʼ nkampa mal-ansjetà?
    Iż-Żgħażagħ Jistaqsu
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2015
w15 7/1 pp. 6-7

SUĠĠETT PRINĊIPALI | KIF TITTRATTA MAL-ANSJETÀ

Ansjetà Dwar Il-familja

“Ftit wara li miet missieri, ir-​raġel qalli li kellu mara oħra,” tgħid Janet. “Ftit wara, mingħajr ma reġaʼ semma xejn u bla ma qal li se jitlaq, battal il-​gwardarobba tiegħu u telaq lili u liż-​żewġt itfal tagħna.” Janet sabet impjieg, imma l-​paga ma kinitx biżżejjed biex iżżomm id-​dar li kellhom. U kellha tħabbat wiċċha maʼ iktar minn sempliċi problemi finanzjarji. “Il-​piż tal-​ansjetà tar-​responsabbiltajiet ġodda kollha li issa kelli nerfaʼ waħdi kien iktar milli stajt niflaħ,” tiftakar hi. “Ħassejtni ħatja li ma stajtx nipprovdi għal uliedi daqskemm jagħmlu ġenituri oħra. U anki issa ninkwieta dwar kif ħaddieħor iqis lili u lit-​tfal tiegħi. Jaħsbu huma jekk għamiltx kulma stajt biex insalva ż-​żwieġ tiegħi?”

Janet taħseb dwar il-problemi tal-familja li kellha tissaporti

Janet

It-​talb jgħin lil Janet tikkontrolla s-​sentimenti tagħha u żżomm relazzjoni tajba m’Alla. “Il-​lejl hu l-​iktar ħin diffiċli, meta f’dik il-​ħemda ma nkunx nistaʼ nieqaf ninkwieta. It-​talb u l-​qari tal-​Bibbja jgħinuni norqod. Silta favorita tiegħi hi Filippin 4:6, 7: ‘Tkunu ansjużi fuq xejn, imma f’kollox b’talb u b’suppliki flimkien maʼ radd il-​ħajr ħallu lil Alla jkun jaf x’teħtieġu; u l-​paċi t’Alla li tisboq kull ħsieb tgħasses lil qalbkom u l-​qawwa mentali tagħkom.’ Qattajt ħafna ljieli nitlob u ħassejt il-​paċi taʼ Ġeħova tfarraġni.”

Il-​kliem rassiguranti taʼ Ġesù dwar it-​talb fil-​Prietka taʼ fuq il-​Muntanja jgħodd għal kull tip t’ansjetà: “Missierkom jaf x’teħtieġu saħansitra qabel ma titolbuh.” (Mattew 6:8) U hekk għandna nagħmlu. It-​talb hu l-​mezz primarju biex ‘nersqu qrib lejn Alla.’ X’inhu r-​riżultat taʼ li tagħmel dan? ‘Hu jersaq qrib lejk.’—Ġakbu 4:8.

Iva, it-​talb jagħmel iżjed milli sempliċement jgħinna nħossuna aħjar għax inkunu esprimejna l-​ansjetà tagħna. Ġeħova, “Semmiegħ it-​talb,” jaġixxi wkoll għal dawk kollha li jfittxuh bil-​fidi. (Salm 65:2) Hu għalhekk li Ġesù għallem lis-​segwaċi tiegħu biex “jitolbu dejjem bla ma jaqtgħu qalbhom.” (Luqa 18:1) Għandna nibqgħu nitolbu lil Alla għall-​gwida u l-​għajnuna tiegħu, u nkunu fiduċjużi li hu se jippremja l-​fidi tagħna. Qatt m’għandna niddubitaw ix-​xewqa jew l-​abbiltà tiegħu li jaġixxi. Li ‘nitolbu bla waqfien’ b’dan il-​mod juri li għandna fidi ġenwina.—1 Tessalonikin 5:17.

XI JFISSER VERAMENT LI JKOLLOK IL-​FIDI

Imma x’inhi fir-​realtà l-​fidi? Il-​fidi tinvolvi li ‘nieħdu għarfien’ dwar Alla bħala persuna. (Ġwanni 17:3) Nagħmlu dan billi l-​ewwel nassorbu l-​ħsieb t’Alla mill-​Bibbja. Nitgħallmu li hu jara lil kull wieħed minna u li jrid jgħinna. Però, il-​fidi vera tinvolvi iżjed milli nkunu nafu xi ħaġa dwar Alla. Tfisser ukoll li jkollna għaqda taʼ ħbiberija bir-​rispett miegħu. Kif inhu minnu f’każ taʼ ħabib uman, ma jistax ikollna għaqda bħal din mil-​lum għall-​għada. Il-​fidi tagħna tkompli “tikber” maż-​żmien hekk kif nitgħallmu iżjed dwaru, waqt li ‘nagħmlu dak li jogħġob lilu,’ u nesperjenzaw l-​għajnuna attiva tiegħu. (2 Korintin 10:15; Ġwanni 8:29) Din hi t-​tip taʼ fidi li tgħin lil Janet tittratta mal-​ansjetajiet.

“Dak li vera bnieli l-​fidi hu li nara id Ġeħova f’kull pass li nieħu,” tgħid Janet. “Ħafna drabi ffaċċjajna inġustizzji li kienu jidhru impossibbli tittratta magħhom. B’ħafna talb, Ġeħova dejjem sabilna t-​triq li altrimenti qatt ma stajt insib waħdi. Meta nirringrazzjah niftakar f’kemm għamel għalija. Dejjem għenna eżatt meta kellna bżonnu, spiss eżatt fil-​ħin. U tani ħbieb veri li huma rġiel u nisa ġenwini. Dejjem lesti jgħinuni u huma eżempji tajbin għal uliedi.”a

Omm tqattaʼ l-ħin maʼ wliedha

“Jien naf għala f’​Malakija 2:16 Ġeħova jgħid: ‘Nobgħod id-​divorzju.’ Għal sieħeb innoċenti, dan hu l-​agħar tradiment. Għaddew is-​snin mindu telaq żewġi, imma kultant għadni nħossni vojta minn ġewwa. Meta jiġrili hekk, nipprova nagħmel xi ħaġa biex ngħin lil ħaddieħor, u dan dejjem jgħinni wkoll.” B’hekk, billi tapplika l-​prinċipju Bibliku li tevita li tiżola ruħha, Janet tnaqqas l-​ansjetà tagħha.b—Proverbji 18:1.

Alla hu “missier għat-tifel bla missier u mħallef għall-armla.”—Salm 68:5

“L-​ikbar faraġ li għandi,” tgħid Janet, “jiġi milli nkun naf li Alla hu ‘missier għat-​tifel bla missier u mħallef għall-​armla.’ Qatt mhu se jabbandunana kif għamel żewġi.” (Salm 68:5) Janet taf li Alla ma jgħaddiniex minn prova “b’affarijiet ħżiena.” Għall-​kuntrarju, hu jagħti l-​għerf “b’mod ġeneruż” lil kulħadd u jagħti “qawwa iktar min-​normal” biex jgħinna nittrattaw mal-​ansjetajiet tagħna.—Ġakbu 1:5, 13; 2 Korintin 4:7.

Imma xi ngħidu jekk aħna ansjużi għax ħajjitna tkun fil-​periklu?

a Ara l-​1 Korintin 10:13; Ebrej 4:16.

b Għal iżjed modi prattiċi biex tittratta mal-​ansjetà, ara s-​suġġett tal-​qoxra “Għandek kontroll fuq ħajtek?” fil-​ħarġa taʼ Stenbaħ! taʼ Lulju-Awwissu 2015, disponibbli onlajn fuq www.jw.org/mt.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja