BIJOGRAFIJA
Wirt Kristjan prezzjuż ippermettieli nimxi ’l quddiem
FIL-ħemda tal-lejl, konna fuq ix-xatt tax-Xmara Niger. Kienet xmara kbira b’ilmijiet li jgħaddu b’ħeffa, wiesgħa xi kilometru u nofs. Il-Gwerra Ċivili tan-Niġerja kienet fl-aqwa tagħha, allura li wieħed jaqsam in-Niger setaʼ jiswielu ħajtu. Xorta waħda, kellna nieħdu dan is-sogru, u iżjed minn darba. Kif sibt ruħi f’din is-sitwazzjoni? Ħalli ngħidilkom x’ġara qabel twelidt jien.
Fl-1913, missieri, John Mills, tgħammed fi New York City meta kellu 25 sena. Ħuna Russell ta t-taħdita tal-magħmudija. Ftit wara dan, missieri mar Trinidad, fejn iżżewweġ lil Constance Farmer, Studenta tal-Bibbja żeluża. Missieri għen lil ħabibu William R. Brown biex juri l-“Photo-Drama of Creation.” Huma għamlu dan sakemm il-Browns kienu assenjati fl-Afrika tal-Punent fl-1923. Missieri u ommi, li t-tnejn li huma kellhom it-tama għas-sema, komplew jaqdu lil Ġeħova fi Trinidad.
ĠENITURI LI ĦABBEWNA
Aħna konna disat itfal, u l-ewwel wieħed issemma Rutherford għall-president tal-Watch Tower Bible and Tract Society taʼ dak iż-żmien. Meta twelidt jien fit-30 taʼ Diċembru 1922, issemmejt għal Clayton J. Woodworth, editur taʼ The Golden Age (issa Stenbaħ!). Il-ġenituri tawna lkoll edukazzjoni bażika, imma huma enfasizzaw speċjalment il-miri spiritwali. Ommi kellha abbiltà straordinarja biex tirraġuna mill-Iskrittura b’mod li jikkonvinċik. Missieri kien iħobb jgħidilna l-istejjer tal-Bibbja, filwaqt li jirreċtalna taʼ xi karattru Bibliku. Dan kien jgħinna nimmaġinaw ir-rakkonti tal-Bibbja.
L-isforzi tagħhom ma kinux għalxejn. Tliet subien minn ħamsa attendew l-Iskola taʼ Gilegħad. Tliet ħuti bniet kienu pijunieri għal ħafna snin fi Trinidad u Tobago. Permezz tat-tagħlim u l-eżempju tajjeb tagħhom, il-ġenituri ħawlu lilna, uliedhom, “fid-dar taʼ Ġeħova.” L-inkuraġġiment tagħhom għenna nibqgħu hemm u niffjorixxu “fil-btieħi t’Alla tagħna.”—Salm 92:13.
Darna saret bażi għall-attività tal-ippritkar. Il-pijunieri kienu jinġabru għandna u spiss kienu jitkellmu dwar Ħuna George Young, missjunarju Kanadiż li kien żar Trinidad. Il-ġenituri kienu jitkellmu b’entużjażmu dwar il-Browns, li kienu jippritkaw magħhom. Dan kollu qanqalni biex nibda nagħti xhieda meta kelli għaxar snin.
ATTIVITAJIET TAL-BIDU
Dak iż-żmien, ir-rivisti tagħna kienu jolqtu fil-laħam il-ħaj u kixfu r-reliġjon falza, il-kummerċ rgħib, u l-politika maħmuġa. Bi tweġiba, fl-1936, il-kleru kkonvinċa lill-gvern biex jipprojbixxi l-pubblikazzjonijiet kollha tagħna. Aħna ħbejna l-letteratura imma komplejna nużawha sakemm spiċċat. Konna nagħmlu mixjiet taʼ informazzjoni u nsuqu r-roti filwaqt li nqassmu inviti u nġorru l-plakards. Flimkien mal-grupp tal-karozza bis-sawnd ippritkajna saħansitra fil-partijiet l-iktar imbegħdin taʼ Trinidad. Kien eċitanti! Dan l-ambjent spiritwali wassalni biex nitgħammed meta kelli 16-il sena.
Il-grupp taʼ Tunapuna ħdejn il-karozza bis-sawnd
Il-wirt spiritwali tal-familja tiegħi flimkien maʼ dawn l-esperjenzi tal-bidu nisslu xewqa fija biex inkun missjunarju. Din ix-xewqa kienet għadha hemm meta mort Aruba fl-1944 u ngħaqadt maʼ Ħuna Edmund W. Cummings. Konna ferħanin se ntiru meta ġbarna għaxar persuni għat-Tifkira fl-1945. Is-sena taʼ wara ġiet ifformata l-ewwel kongregazzjoni.
Maʼ Oris bdejt ingawdi l-ħajja b’mod differenti
M’għaddiex ħafna żmien meta tajt xhieda informali lil Oris Williams, kollega tax-xogħol. Oris ġabet ħafna argumenti b’saħħithom biex tiddefendi d-duttrini li ġiet mgħallma. Madankollu, permezz taʼ studju tal-Bibbja tgħallmet il-verità u tgħammdet fil-5 taʼ Jannar 1947. Maż-żmien, sirna nħobbu lil xulxin u żżewwiġna. F’Novembru 1950 saret pijuniera. Maʼ Oris bdejt ingawdi l-ħajja b’mod differenti.
SERVIZZ EĊITANTI FIN-NIĠERJA
Fl-1955 ġejna mistednin l-Iskola taʼ Gilegħad. B’hekk, tlaqna x-xogħol li kellna, begħna d-dar u xi affarijiet oħra, u tlaqna minn Aruba. Fid-29 taʼ Lulju 1956, iggradwajna mas-27 klassi u ntbgħatna n-Niġerja.
Mal-familja taʼ Betel f’Lagos, in-Niġerja, fl-1957
Meta nqisu minn xiex għaddejna, Oris qalet: “L-ispirtu taʼ Ġeħova jistaʼ jgħin persuna biex taġġusta għad-diffikultajiet tal-ħajja missjunarja. Kontra żewġi, jien qatt ma ridt inkun missjunarja. Ippreferejt ikolli dar u nrabbi t-tfal. Meta rrealizzajt kemm l-ippritkar kien urġenti, biddilt il-ħsieb. Sakemm iggradwajna minn Gilegħad kont lesta u determinata biex nipprietka bħala missjunarja. Hekk kif tlajna fuq il-vapur Queen Mary, Ħuna Worth Thornton, mill-uffiċċju taʼ Ħuna Knorr, xtaqilna l-vjaġġ it-tajjeb. Qalilna li konna se naqdu fil-Betel. ‘X’inhu?ʼ għedt diżappuntata. Imma malajr aġġustajt u sirt inħobb il-Betel, fejn kelli diversi inkarigi. L-iktar li kont inħobb kien ix-xogħol taʼ receptionist, għax laqqagħni mal-aħwa Niġerjani. Ħafna kienu jaslu mimlijin trab, għajjenin, bil-ġuħ, u bil-għatx. Kien il-pjaċir tiegħi li nieħu ħsieb il-bżonnijiet tagħhom. Dan kollu kien servizz sagru lil Ġeħova, u kien dan li ġabli sodisfazzjon u kuntentizza.” Iva, kull inkarigu ppermettielna nimxu ’l quddiem.
Fl-1961 kellna get-together tal-familja fi Trinidad, u Ħuna Brown irrakkonta ftit mill-esperjenzi eċitanti tiegħu fl-Afrika. Imbagħad għedtilhom dwar it-tkabbir tagħna fin-Niġerja. Ħuna Brown poġġa jdejh bil-ħlewwa fuq spallejja u qal lil missieri: “Johnny, ma rnexxilekx tmur l-Afrika, imma Woodworth iva!” Bi tweġiba, missieri qalli: “Kompli sejjer hekk, Worth!” Inkuraġġiment bħal dan mingħand dawn l-aħwa li qdew b’żelu lil Ġeħova għal snin twal kompla jżidli x-xewqa tiegħi biex inwettaq il-ministeru tiegħi bir-reqqa.
William “Bible” Brown u martu, Antonia, inkuraġġewna bil-kbir
Fl-1962 kelli l-privileġġ li nieħu iktar taħriġ fis-37 klassi taʼ Gilegħad, kors taʼ għaxar xhur. Ħuna Wilfred Gooch, li dak iż-żmien kien l-indokratur tal-fergħa fin-Niġerja, attenda t-38 klassi u ntbagħat l-Ingilterra. B’hekk, xogħlu ngħata lili. Waqt li segwejt l-eżempju taʼ Ħuna Brown, ivvjaġġajt ħafna u sirt naf u nħobb lill-aħwa għeżież Niġerjani. Għalkemm ma kellhomx l-affarijiet komuni għan-nies f’artijiet iktar żviluppati, il-ferħ u l-kuntentizza tagħhom urew biċ-ċar li ħajja bi skop ma tiddependix mill-flus jew l-affarijiet materjali. Meta tqis iċ-ċirkustanzi tagħhom, kien impressjonanti li fil-laqgħat tarahom nodfa, puliti, u juru rispett. Meta kollha kienu jiġu għall-konvenzjonijiet, ħafna kienu jaslu bit-trakkijiet u l-bolekajas.a Spiss dawn kien ikollhom xi motto interessanti miktub fuqhom. Wieħed minnhom kien: “Bil-qatra l-qatra timtela l-ġarra.”
Kemm hu minnu dak il-kliem! Kull naqra sforz individwali jgħodd; aħna żidna tagħna. Sal-1974, in-Niġerja saret l-ewwel pajjiż barra l-Istati Uniti li laħaq iċ-ċifra taʼ 100,000 pubblikatur. Ix-xogħol kiber immens!
Matul dan iż-żmien meta ħafna nies kienu deħlin fil-verità, kienet għaddejja l-Gwerra Ċivili tan-Niġerja mill-1967 sal-1970. Għal xhur sħaħ, ħutna fin-naħa tal-Biafra tax-Xmara Niger kienu maqtugħin mill-uffiċċju tal-fergħa. Ma stajniex inħalluhom mingħajr l-ikel spiritwali. Bħalma diġà għedt fil-bidu, billi tlabna u ttamajna f’Ġeħova qsamna x-xmara diversi drabi.
Niftakar ċar kemm-il darba qsamna x-Xmara Niger waqt li nissograw ħajjitna minn suldati jdejhom ħfief biex joqtlu, mill-mard, u minn perikli oħra. Kien diġà tal-biżaʼ li jirnexxilek tgħaddi mill-fruntieri tas-suldati tal-gvern suspettużi, imma kien agħar minn hekk li tgħaddi għan-naħa l-oħra tax-xmara mgħassa mir-ribelli. Darba minnhom billejl qsamt ix-xmara bil-kenura tal-passiġġieri minn Asaba għal Onitsha u mort ninkuraġġixxi lill-indokraturi f’Enugu. Vjaġġ ieħor saħħaħ lill-anzjani taʼ Aba fi żmien meta d-dwal ma tħallewx jinxtegħlu filgħaxijiet. F’Port Harcourt, il-laqgħa spiċċat ħesrem b’talba meta s-suldati tal-gvern irnexxielhom jidħlu mid-difiżi tal-Biafra barra l-belt.
Dawk il-laqgħat kienu importanti ħafna biex naċċertaw lil ħutna għeżież li Ġeħova kien qed jieħu ħsiebhom u biex nagħtuhom pariri bżonjużi ħafna dwar in-newtralità u l-unità. L-aħwa Niġerjani rnexxielhom jgħaddu minn dak it-taqlib tal-waħx. Huma wrew l-imħabba li tisboq il-mibegħda tribali u żammew l-unità Kristjana. Xi privileġġ li tkun maġenbhom fis-siegħa tal-prova!
Fl-1969, Ħuna Milton G. Henschel kien iċ-chairman tal-Assemblea Internazzjonali “Peace on Earth” f’Yankee Stadium, New York, u tgħallimt ħafna bħala l-assistent tiegħu. Dan it-taħriġ ġie fi żmien tajjeb għax fl-1970 kellna l-Assemblea Internazzjonali “Men of Goodwill” f’Lagos, in-Niġerja. Din l-assemblea ħabtet ftit wara li spiċċat il-gwerra ċivili u rnexxiet biss bil-barka taʼ Ġeħova. Kienet okkażjoni li laħqet rekord għax kienet bi 17-il lingwa u li għaliha attendew 121,128 persuna. Ħuna Knorr u Henschel u viżitaturi oħra li ġew mill-Istati Uniti u l-Ingilterra kienu xhieda taʼ waħda mill-ikbar magħmudijiet Kristjani minn Pentekoste ’l hawn—3,775 dixxiplu ġdid! Naħseb li l-iktar żmien f’ħajti li fih kelli x’nagħmel kien meta għent biex norganizza dan l-avveniment. In-numru taʼ pubblikaturi mhux biss kiber imma sploda.
L-Assemblea Internazzjonali “Men of Goodwill” ġibdet 121,128 persuna, bi 17-il lingwa differenti, inkluż l-Ibo
Matul it-30 sena u iktar fin-Niġerja ħadt gost naqdi kultant bħala l-indokratur li jivvjaġġa u l-indokratur li jżur il-fergħat fl-Afrika tal-Punent. Kemm apprezzaw il-missjunarji li rċivew attenzjoni u inkuraġġiment individwalment! Kien il-pjaċir tiegħi li naċċertahom li ma kinux minsijin. Dan ix-xogħol għallimni illi li turi interess personali fl-aħwa hu importanti għax jgħinhom ikomplu jaqdu lil Ġeħova u jżommu l-organizzazzjoni tiegħu b’saħħitha u magħquda.
Kien biss bl-għajnuna taʼ Ġeħova li stajna nkampaw mal-problemi li ġew fuqna minħabba l-gwerra ċivili u l-mard. Il-barka taʼ Ġeħova dejjem kienet evidenti. Oris ikkummentat:
“It-tnejn li aħna kellna l-malarja diversi drabi. Darba minnhom, Worth spiċċa l-isptar f’Lagos mitluf minn sensih. Qaluli li setaʼ ma jsalvax, imma b’ferħ salva! Meta ġie f’sensih, tkellem mal-infermier li kien qed jieħu ħsiebu dwar is-Saltna t’Alla. Iktar tard morna nżuruh ħalli nkabbru l-interess tiegħu fil-Bibbja. Hu aċċetta l-verità u xi żmien wara sar anzjan f’Aba. Jien ukoll kelli suċċess f’li ngħin lil ħafna, anke Musulmani ferventi, biex isiru qaddejja devoti taʼ Ġeħova. Aħna ħadna ħafna gost insiru nafu u nħobbu lin-Niġerjani, il-kultura, id-drawwiet, u l-lingwa tagħhom.”
Din kienet lezzjoni oħra: Biex nirnexxu fl-inkarigu tagħna f’pajjiż barrani kellna nitgħallmu nħobbu lil ħutna minkejja d-differenza fil-kultura tagħhom.
INKARIGI ĠODDA
Wara li qdejna fil-Betel, in-Niġerja, fl-1987 irċivejna inkarigu ġdid bħala missjunarji fuq il-gżira sabiħa taʼ St. Lucia fil-Karibew. Kien inkarigu sabiħ, imma ppreżentalna sfidi ġodda. B’kuntrarju għall-Afrika, fejn raġel jiżżewweġ ħafna nisa, hawn il-problema kienet li koppja jgħixu flimkien mingħajr ma jkunu miżżewġin legalment. Il-Kelma t’Alla, li hi b’saħħitha, qanqlet lil ħafna mill-istudenti tagħna tal-Bibbja biex jagħmlu l-bidliet meħtieġa.
Ħabbejt lil Oris b’għożża matul it-68 sena taʼ żwieġ tagħna
Hekk kif saħħitna bdiet tbatti, fl-2005, il-Ġemgħa li Tiggverna bi mħabba bagħtitna fil-kwartieri ġenerali fi Brooklyn. Kuljum għadni nirringrazzja lil Ġeħova għal Oris. Dak l-għadu, il-mewt, rebaħha fl-2015, u m’għandix kliem biex ngħid xi tfisser din it-telfa għalija. Kienet sieħba liema bħalha u mara li taf tħobb, imżejna b’ħafna kwalitajiet sbieħ. Ħabbejtha b’għożża matul it-68 sena li qattajna flimkien. Sibna li s-sigriet għall-kuntentizza fiż-żwieġ u fil-kongregazzjoni hu li nirrispettaw l-istat taʼ kap, naħfru fil-pront, nibqgħu umli, u nuru l-frott tal-ispirtu.
Meta konna diżappuntati jew skuraġġiti, striħajna fuq Ġeħova biex jgħinna nkomplu naqduh. Hekk kif komplejna naġġustaw, rajna li l-affarijiet baqgħu sejrin għall-aħjar—u l-kbir għadu ġej!—Is. 60:17; 2 Kor. 13:11.
Fi Trinidad u Tobago, Ġeħova bierek ix-xogħol tal-ġenituri tiegħi u oħrajn, u skont l-aħħar rapporti, 9,892 persuna ngħaqdu fil-qima vera. F’Aruba, ħafna aħwa ħadmu biex isaħħu l-kongregazzjoni tal-bidu li kont fiha jien. Din il-gżira issa għandha 14-il kongregazzjoni li mexjin ’il quddiem. Fin-Niġerja, il-pubblikaturi żdiedu għal folla b’saħħitha taʼ 381,398. U fuq il-gżira taʼ St. Lucia, 783 pubblikatur qed jappoġġjaw is-Saltna taʼ Ġeħova.
Jien issa għandi fuq id-90 sena. Dwar dawk imħawlin fid-dar taʼ Ġeħova, Salm 92:14 jgħid: “Huma jibqgħu sejrin tajjeb anki meta xagħarhom isir griż, jibqgħu mimlijin ħajja u jħaddru.” Kemm jien grat għall-ħajja li għext fis-servizz taʼ Ġeħova! Il-wirt Kristjan prezzjuż li rċivejt inkuraġġieni naqdi lil Ġeħova bis-sħiħ. Permezz tal-imħabba leali tiegħu, Ġeħova ppermettieli ‘niffjorixxi fil-btieħi tiegħu.’—Salm 92:13.