L-Istudju Persunali—Huwa Tassew Importanti
1 Liema affarijiet huma tassew importanti għalina? Għandna nkunu konċernati ferm f’li nibnu relazzjoni mill-qrib maʼ Ġeħova u nżommuha. L-istudju persunali għandu rwol kbir biex jgħinna niżviluppaw intimità bħal din. Illum, ftit huma dawk li għandhom ċirkustanzi li jippermettulhom iqattgħu perijodi twal taʼ ħin jimmeditaw u jagħmlu studju persunali. Però, jekk ma naqrawx il-Kelma t’Alla regolarment, nistgħu niddgħajfu sal-punt li ma jkollniex saħħa biex nirreżistu l-ispirtu tad-dinja u x-xewqat tal-laħam li toffri.
2 Ikkultiva Xenqa għall-Kelma: Meta tgħallimna dwar l-iskopijiet t’Alla għall-ewwel darba, probabbilment konna ħerqanin biex niksbu iktar għarfien. Però, wara perijodu taʼ żmien, il-ġuħ tagħna għan-nutriment spiritwali jistaʼ jkun li beda jonqos. Jistaʼ jkun li għandna bżonn ‘nifformaw xenqa’ għall-ikel spiritwali. (1 Pt. 2:2) Kif nistgħu nifformaw xenqa bħal din?
3 Ir-riħa tfuħ taʼ l-ikel favorit tqabbadna l-ġuħ minħabba li niftakru kemm hu tajjeb. Perijodi qosra taʼ studju persunali jistgħu jeffettwawna bl-istess mod spiritwalment. Jekk ingawdu ftit gidmiet taʼ ikel spiritwali nistgħu nkabbru l-aptit tagħna għal veritajiet iktar profondi. Is-sodisfazzjon li jiġi mit-tagħlim jistaʼ jinkuraġġina biex inħaffru iktar fil-fond fil-Kelma taʼ Ġeħova.
4 Żviluppa Rutina li Hija l-Iktar Effettiva Għalik: Xi wħud iwarrbu serata sħiħa apposta biex jagħmlu studju persunali, waqt li l-oħrajn jippreferu perijodi taʼ studju iqsar u iktar frekwenti. Jekk tara li int tikkonċentra aħjar fis-sigħat bikrin taʼ fil-għodu, tistaʼ tiddeċiedi li tagħmel ftit studju qabel il-kolazzjon. Jekk tkun iktar imqajjem fil-għaxija, tistaʼ tagħżel li tistudja qabel tmur torqod. Hu x’inhu l-aħjar għalik, l-importanti hu li tkun regulari u żżomm mar-rutina li hi l-iktar adattata għall-bżonnijiet tiegħek.
5 Meta niġu inkuraġġiti biex nagħmlu iktar studju persunali, forsi malajr ngħidu li diġà għandna skeda mimlija daqs bajda. Però, ilkoll kemm aħna rridu nkunu onesti meta neżaminaw kif inqattgħu l-ħin tagħna. Inqattgħu ħafna sigħat kuljum naraw il-programmi fuq it-televixin? Lesti aħna li nissagrifikaw xi ftit interessi persunali? Jekk nagħmlu eżami realistiku taʼ kif nużaw il-ħin tagħna probabbilment se nindunaw li hemm perijodi matul il-jum li nistgħu nużawhom b’mod li jkun iktar vantaġġuż għal studju persunali.—Efes. 5:15, 16.
6 L-istudju tal-Kelma t’Alla jixraqlu l-attenzjoni sħiħa tagħna. Jekk nipprovaw nagħmlu xi ħaġa oħra fl-istess ħin se nnaqqsu l-benefiċċji. Jekk għandna t-tendenza li nistudjaw waqt li qed nieklu, nisimgħu r-radju, jew naraw it-televixin, probabbilment mhux se nidħlu kompletament f’dak li qed nipprovaw nitgħallmu. (1 Tim. 4:15) Għalhekk, għandna bżonn neħilsu minn dak kollu li jtellifna.—Ara l-ktieb Ministry School, paġni 25-26.
7 Huwa importanti li nistudjaw il-Bibbja u napplikaw il-parir tagħha kuljum għaliex dan hu l-mod kif nirċievu l-gwida mingħand Ġeħova. Agħmilha l-mira tiegħek li taqlaʼ l-verità minn fuq il-karta stampata u ddaħħalha f’qalbek. Ħu vantaġġ minn kull opportunità, minkejja kemm tkun żgħira, biex taqra, tirrivedi, jew timmedita fuq l-affarijiet spiritwali.—Dt. 6:6-8; Kol. 1:9, 10.